Kapitlu 37
Ġesù Jneħħi l-Għali taʼ Armla
FTIT wara li jfejjaq lill-qaddej tal-uffiċjal tal-armata, Ġesù jerħilha lejn Najin, belt li qiegħda iktar minn 20 mil lejn il-Lbiċ taʼ Kapernahum. Id-dixxipli tiegħu u folla kbira jakkumpanjawh. X’aktarx li hu tard wara nofs in-nhar meta joqorbu lejn Najin. Hawn jiltaqgħu maʼ funeral għaddej. Il-ġisem mejjet taʼ wieħed żagħżugħ qed jinġarr ’il barra mill-belt għad-difna.
Is-sitwazzjoni tal-omm hija traġika b’mod speċjali, ladarba hi armla u dan hu l-uniku iben tagħha. Meta miet żewġha, hi setgħet issib faraġ fil-fatt li kellha lil binha. It-tamiet, ix-xewqat u l-ambizzjonijiet tagħha ntrabtu flimkien mal-futur tiegħu. Imma issa m’hemm ħadd f’min tikkonsla. Il-għali tagħha hu kbir hekk kif in-nies tal-belt jakkumpanjawha lejn il-post tad-difna.
Meta Ġesù jilmaħ lill-mara, qalbu tintmiss min-niket kbir tagħha. Mela b’tenerezza, u madankollu b’sodizza li tagħti l-fiduċja, hu jgħidilha: “Ieqaf mill-biki.” Il-manjiera u l-azzjoni tiegħu jiġbdu l-attenzjoni tal-folla. Mela meta jersaq u jmiss il-katalett li fuqu qed jinġarr il-ġisem, ir-reffiegħa jieqfu. Żgur li kollha qed jistennew ħa jaraw x’se jagħmel.
Huwa minnu li dawk li qed jakkumpanjaw lil Ġesù rawh ifejjaq b’mod mirakoluż lil ħafna nies mill-mard. Imma mid-dehra qatt ma rawh iqajjem lil xi ħadd mill-mewt. Jistaʼ jagħmilha ħaġa bħal din? Waqt li jindirizza lill-ġisem, Ġesù jikkmanda: “Żagħżugħ, jien ingħidlek, Qum!” U r-raġel iqum bil-qiegħda! Hu jibda jitkellem, u Ġesù jagħtih lil ommu.
Meta n-nies jaraw li ż-żagħżugħ verament hu ħaj, jibdew igħidu: “Profeta kbir ġie mqajjem fostna.” Oħrajn igħidu: “Alla dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn il-poplu tiegħu.” Malajr l-aħbar rigward dan l-egħmil tal-għaġeb tinxtered mal-Ġudea kollha u mal-pajjiż kollu taʼ mad-dawra.
Ġwanni l-Għammied għadu fil-ħabs, u jrid ikun jaf iktar dwar xogħlijiet li Ġesù kapaċi jwettaq. Id-dixxipli taʼ Ġwanni jgħidulu dwar dawn il-mirakli. X’inhi r-reazzjoni tiegħu? Luqa 7:11-18.
▪ X’qed jiġri hekk kif Ġesù joqrob lejn Najin?
▪ Ġesù kif inhu effettwat b’dak li jara, u x’jagħmel?
▪ In-nies kif iwieġbu għall-miraklu taʼ Ġesù?