LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • gt kap. 45
  • Dixxiplu li Ma Tippretendihx

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Dixxiplu li Ma Tippretendihx
  • L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
  • Materjal Simili
  • Qawwa fuq ħafna demonji
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • Il-Qawwa taʼ Ġesù fuq id-Demonji
    Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir
  • Il-verità dwar l-anġli
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
gt kap. 45

Kapitlu 45

Dixxiplu li Ma Tippretendihx

X’DEHRA tal-​biżaʼ dik hekk kif Ġesù jinżel ix-​xatt! Żewġt irġiel feroċi ferm joħorġu miċ-​ċimiterju fil-​qrib u jiġru lejh. Huma ppossessati minn demonju. Billi wieħed minnhom huwa forsi iktar vjolenti mill-​ieħor u ilu jbati ferm iktar taħt il-​kontroll tad-​demonju, l-​attenzjoni tintafaʼ fuqu.

Għal żmien twil dan ir-​raġel tal-​biki għex għarwien qalb l-​oqbra. Il-​ħin kollu, lejl u nhar, hu jgħajjat u jisloħ lilu nnifsu bil-​ġebel. Tant hu vjolenti li ħadd ma għandu l-​kuraġġ igħaddi minn dik in-​naħa tat-​triq. Saru attentati biex jorbtuh, imma hu jqattaʼ l-​ktajjen min-​nofs u jkisser il-​ħadid minn maʼ saqajh. Ħadd ma għandu saħħa jegħlbu.

Hekk kif ir-​raġel jersaq lejn Ġesù u jintafaʼ ħdejn saqajh, id-​demonji li jikkontrollawh iġiegħluh iwerżaq: “X’għandi x’naqsam miegħek, Ġesù, Bin Alla l-​Iktar Għoli? Inpoġġik taħt ħalfa minn Alla biex ma titturmentanix.”

“Oħroġ minn ġor-​raġel, ja spirtu mhux nadif,” Ġesù jgħid kemm-il darba. Imma mbagħad Ġesù jistaqsi: “X’jismek?”

“Jisimni Leġjun, għaliex hemm ħafna minna,” hija t-​tweġiba. Id-​demonji jixxalaw f’li jaraw it-​tbatijiet taʼ dawk li lilhom jirnexxilhom jippossessaw, billi milli jidher jieħdu pjaċir jattakkawhom fi spirtu taʼ marmalja ġifa. Imma meta jiġu wiċċ imb’wiċċ maʼ Ġesù, huma jittalbulu biex ma jixħethomx fl-​abbiss. Mill-​ġdid naraw li Ġesù kellu qawwa kbira; hu kien kapaċi jegħleb saħansitra lil demonji viljakki. Dan jikxef ukoll li d-​demonji jafu li t-​tfigħ tagħhom fl-​abbiss flimkien mal-​mexxej tagħhom, Satana x-​Xitan, huwa l-​ġudizzju eventwali t’Alla kontra tagħhom.

Merħla taʼ xi 2,000 qżieqeż qed tirgħa fil-​qrib fuq il-​muntanja. Mela d-​demonji jgħidu: “Ibgħatna fil-​qżieqeż, biex nistgħu nidħlu ġewwa fihom.” Milli jidher id-​demonji jieħdu xi xorta taʼ pjaċir mhux naturali u sadistiku billi jinvadu l-​iġsma taʼ ħlejjaq tal-​laħam. Meta Ġesù jippermettilhom li jidħlu fil-​qżieqeż, l-​2,000 li huma jmorru jiġru minn fuq l-​irdum u jegħrqu fl-​ilma.

Meta dawk li jieħdu ħsieb il-​qżieqeż jaraw dan, huma malajr imorru jxerrdu l-​aħbar fil-​belt u fil-​​kampanja. Malli jisimgħu b’dan, in-​nies joħorġu jaraw x’ġara. Malli jaslu, huma jaraw lir-​raġel li minnu ħarġu d-​demonji. Oħroġ il-​għaġeb, hu liebes u f’sensih, bil-​qiegħda ħdejn saqajn Ġesù!

Xhieda li raw b’għajnejhom jirrakkontaw kif ir-​raġel tfejjaq. Huma jgħidu wkoll lin-​nies dwar il-​mewt li tkexkex tal-​qżieqeż. Meta n-​nies jisimgħu dan, jaqbadhom biżaʼ kbir, u bil-​ħrara jitolbu lil Ġesù biex jitlaq mit-​territorju tagħhom. Mela hu jagħmel li jgħidulu u jirkeb id-​dgħajsa. Dak li qabel kien indemonjat jitlob lil Ġesù jħallih jiġi miegħu. Imma Ġesù jgħidlu: “Mur id-​dar għand qrabatek, u rrapportalhom l-​affarijiet kollha li Jehovah għamel għalik u l-​ħniena li kellu minnek.”

Is-soltu Ġesù jgħid lil min ikun ġie mfejjaq minnu biex ma jgħid lil ħadd, ladarba ma jridx li n-​nies jaslu għal konklużjonijiet fuq il-​bażi taʼ rapporti sensazzjonali. Imma din l-​eċċezzjoni hija xierqa għaliex dak li qabel kien indemonjat se jagħti xiehda fost nies li lilhom Ġesù issa probabbilment mhux se jkollu ċans li jilħaq. Iktar minn hekk, il-​preżenza tar-​raġel se tipprovdi testimonjanza dwar il-​qawwa li Ġesù għandu biex jagħmel it-​tajjeb, b’mod li jaġixxi kontra xi rapport mhux favorevoli li jistaʼ jinxtered dwar it-​telfa tal-​qżieqeż.

Fi qbil mal-​istruzzjoni taʼ Ġesù, dak li qabel kien indemonjat jitlaq ’il hemm. Hu jibda jxandar mad-​Dekapolis kollu l-​affarijiet kollha li Ġesù għamel għalih, u n-​nies jibqgħu ċċassati. Mattew 8:​28-34; Mark 5:​1-20; Luqa 8:​26-39; Rivelazzjoni 20:​1-3.

▪ Għala, x’aktarx, tintafaʼ l-​attenzjoni fuq raġel wieħed ippossessat minn demonju meta tnejn kienu preżenti?

▪ X’juri li d-​demonji jafu dwar li jridu jintefgħu fl-​abbiss fil-​futur?

▪ Id-​demonji, milli jidher, għala jħobbu jippossessaw lil bnedmin u annimali?

▪ Ġesù għala jagħmel eċċezzjoni maʼ dak li qabel kien indemonjat, billi jgħidlu biex igħid lil oħrajn dwar x’għamel Hu għalih?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja