Kapitlu 58
Il-Ħobżiet u l-Ħmira
FOLOL kbar ġew għand Ġesù fid-Dekapolis. Ħafna ġew triq twila lejn dan ir-reġjun abitat fil-parti l-kbira mill-Ġentili biex jisimgħuh u biex jiġu mfejqin mill-mard tagħhom. Huma ġabu magħhom basktijiet, jew qfief, kbar li s-soltu jużaw biex iġorru l-ikel u xi affarijiet meta jivvjaġġaw minn inħawi Ġentili.
Eventwalment, madankollu, Ġesù jsejjaħ lid-dixxipli tiegħu u jgħid: “Nitħassarha lill-folla, għaliex diġà ilhom tlett ijiem li baqgħu ħdejja u m’għandhom xejn x’jieklu; u kieku kelli nibgħathom lejn djarhom sajmin, huma se jħosshom ħażin fit-triq. Tabilħaqq, xi wħud minnhom huma mill-bogħod.”
“Minfejn hawnhekk f’post iżolat se jkun jistaʼ xi ħadd ixabbaʼ lil dawn in-nies bil-ħobż?” jistaqsu d-dixxipli.
Ġesù jistaqsi: “Kemm il-ħobża għandkom?”
“Sebgħa,” jwieġbu huma, “u ftit ħutiet żgħar.”
Waqt li jgħid lin-nies biex joqogħdu bil-qiegħda fl-art, Ġesù jaqbad il-ħobżiet u l-ħutiet, jitlob lil Alla, jaqsamhom, u jibda jagħtihom lid-dixxipli tiegħu. Huma, imbagħad, iservu lin-nies, li lkoll jieklu sa ma jixbgħu. Wara dan, meta jinġabar dak li baqaʼ, hemm sebaʼ basktijiet kbar mimlijin, avolja kielu madwar 4,000 raġel, kif ukoll nisa u tfal!
Ġesù jibgħat lill-folol ’il hemm, jitlaʼ fuq dgħajsa mad-dixxipli tiegħu, u jaqsam lejn ix-xatt tal-Punent tal-Baħar tal-Galilija. Hawnhekk il-Fariżej, din id-darba akkumpanjati minn membri tas-setta reliġjuża tas-Sadduċej, jippruvaw jittantaw lil Ġesù billi jistaqsuh biex juri sinjal mis-sema.
Billi nduna bl-isforzi tagħhom biex jittantawh, Ġesù jwieġeb: “Meta jasal fil-għaxija intom imdorrijin tgħidu, ‘Se jkun temp sabiħ, għax is-sema aħmar nar’; u fil-għodu, ‘Se jkun temp xitwi u bix-xita llum, għax is-sema aħmar nar, imma jidher taʼ swied il-qalb.’ Intom tafu kif tinterpretaw id-dehra tas-sema, imma s-sinjali taż-żminijiet ma tistgħux tinterpretawhom.” Maʼ dan, Ġesù jsejħilhom ġenerazzjoni mill-agħar u adulteruża u jwissihom li, bħalma qal lill-Fariżej iktar kmieni, ebda sinjal ma se jingħatalhom ħlief is-sinjal taʼ Ġona. Hu u d-dixxipli tiegħu jitilqu minn hemm u jitilgħu fuq dgħajsa u jerħulha lejn Betsajda fuq ix-xatt tal-Grigal tal-Baħar tal-Galilija. Huma u sejrin id-dixxipli jiskopru li nsew iġibu l-ħobż, għax kien hemm biss ħobża waħda bejniethom.
Billi għandu f’moħħu l-laqgħa riċenti li kellu mal-Fariżej u mas-Sadduċej li jappoġġjaw lil Erodi, Ġesù jwissi: “Żommu għajnejkom miftuħin, oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u mill-ħmira taʼ Erodi.” B’mod evidenti meta tissemma l-ħmira d-dixxipli jaħsbu li Ġesù qiegħed jirrreferi għal li huma nsew iġibu l-ħobż, u għalhekk jibdew jargumentaw dwar il-kwistjoni. Billi jinnota li fehmuh ħażin, Ġesù jgħid: “Għala targumentaw dwar li m’għandkomx ħobż?”
Dan l-aħħar, Ġesù kien ipprovda l-ħobż b’mod mirakoluż għal eluf taʼ nies, billi wettaq dan l-aħħar miraklu x’aktarx jum jew jumejn biss qabel. Huma għandhom ikunu jafu li hu mhux imħasseb dwar nuqqas taʼ ħobżiet litterali. “Ma tiftakrux intom,” hu jfakkarhom, “meta jien qsamt il-ħames ħobżiet għall-ħamest elef raġel, kemm-il qoffa mimlija biċċiet ġbartu?”
“Tnax,” huma jwieġbu.
“Meta qsamt is-sebgħa għall-erbat elef raġel, kemm-il qoffa mimlija biċċiet ġbartu?”
“Sebgħa,” huma jwieġbu.
“Għadkom ma ħadtux it-tifsira?” Ġesù jistaqsi. “Kif inhu li ma tindunawx li ma kellimtkomx dwar ħobżiet? Imma għassu għall-ħmira tal-Fariżej u s-Sadduċej.”
Id-dixxipli fl-aħħarnett jifhmuh il-punt. Il-ħmira, sustanza biex tikkaġuna fermentazzjoni u ġġiegħel il-ħobż jogħla, kienet kelma wżata biex tfisser korruzzjoni. Mela issa d-dixxipli jifhmu li Ġesù qiegħed juża simboliżmu, li hu qed iwissihom biex joqogħdu għassa kontra “t-tagħlim tal-Fariżej u s-Sadduċej,” liema tagħlim għandu effett li jikkorrompi. Mark 8:1-21; Mattew 15:32–16:12.
▪ In-nies għala għandhom magħhom basktijiet kbar li jesgħu ħafna affarijiet?
▪ Wara li jitlaq mid-Dekapolis, Ġesù liema vjaġġi bid-dgħajsa jagħmel?
▪ Id-dixxipli kif jifhmuh ħażin il-kumment taʼ Ġesù dwar il-ħmira?
▪ X’irid ifisser Ġesù bl-espressjoni l-“ħmira tal-Fariżej u s-Sadduċej”?