Kapitlu 78
Ibqaʼ Dejjem Għal-Lest
WARA li jwiddeb lill-folol dwar ir-regħba, u jwissi lid-dixxipli tiegħu dwar li jagħtu attenzjoni żejda lejn affarijiet materjali, Ġesù jinkuraġġixxi: “Tibżgħux, merħla ċkejkna, għaliex Missierkom approva li jagħtikom is-saltna.” Hu b’hekk jirrivela li numru relattivament żgħir biss (iktar tard identifikati bħala 144,000) se jkunu fis-Saltna tas-sema. Il-maġġoranza taʼ dawk li jirċievu ħajja taʼ dejjem se jkunu sudditi fuq l-art tas-Saltna.
X’rigal meraviljuż, “is-saltna”! Billi jiddeskrivi l-mod xieraq li bih id-dixxipli għandhom iwieġbu malli jirċevuh, Ġesù jħeġġiġhom: “Bigħu l-affarijiet li huma tagħkom u agħtu għotjiet taʼ ħniena.” Iva, huma għandhom jużaw l-assi tagħhom biex jibbenefikaw lil oħrajn spiritwalment u b’hekk jibnu “teżor li qatt ma jfalli fis-smewwiet.”
Ġesù mbagħad iwissi lid-dixxipli tiegħu biex jibqgħu dejjem għal-lest għall-miġja lura tiegħu. Hu jgħid: “Ħa jkunu ġenbejkom imħażżmin u l-lampi tagħkom mixgħulin, u intom infuskom kunu bħal irġiel li qed jistennew lil sidhom meta jiġi lura miż-żwieġ, biex malli jasal u jħabbat ikunu jistgħu jiftħulu minnufih. Henjin huma dawk l-irsiera li s-sid malli jasal isibhom igħassu! Verament ingħidilkom, Hu se jitħażżem u jagħmilhom jintefgħu mal-mejda u se jiġi ħdejhom u jimministralhom.”
F’din it-tixbieha, li l-qaddejja jridu jkunu għal-lest fil-miġja lura taʼ sidhom huwa muri mill-fatt li huma jxammru l-ilbies twil tagħhom u jorbtuhom taħt ħżiemhom u li jibqgħu jieħdu ħsieb id-dmirijiet tagħhom saħansitra matul il-lejl bid-dawl taʼ lampi mimlijin sewwa biż-żejt. Ġesù jispjega: ‘Jekk is-sid jasal fit-tieni għassa [minn madwar id-disgħa taʼ fil-għaxija sa nofs il-lejl], saħansitra jekk fit-tielet [min-nofs il-lejl sa madwar it-tlieta taʼ fil-għodu], u jsibhom għal-lest, henjin huma!’
Is-sid jippremja lill-qaddejja tiegħu b’mod mhux tas-soltu. Hu jagħmilhom jinxteħtu mal-mejda u jibda jaqdihom. Hu jittrattahom, mhux bħala rsiera, imma bħala ħbieb lejali. Xi premju mill-aħjar għal li huma baqgħu jaħdmu għal sidhom matul il-lejl waqt li stennew għall-miġja lura tiegħu! Ġesù jikkonkludi: “Intom ukoll, ibqgħu dejjem għal-lest, għaliex Bin il-bniedem ġej f’siegħa li ma taħsbux li hi probabbli.”
Pietru issa jistaqsi: “Mulej, qiegħed int tgħid din it-tixbieha lilna jew ukoll lil kulħadd?”
Minflok ma jwieġeb b’mod dirett, Ġesù jagħti tixbieha oħra. “Min tassew hu l-prokuratur fidil,” hu jistaqsi, “li lilu sidu se jaħtar fuq il-ġemgħa taʼ qaddejja tiegħu biex jibqaʼ jagħtihom il-kejl tagħhom taʼ provisti tal-ikel fiż-żmien xieraq? Hieni hu dak l-irsir, jekk sidu malli jasal isibu jagħmel hekk! Ingħidilkom il-verità kollha, Hu se jaħtru fuq dak kollu li għandu.”
Is-“sid” ovvjament huwa Ġesù Kristu. Il-“prokuratur” jagħti stampa tal-“merħla ċkejkna” taʼ dixxipli bħala ġemgħa kollettiva, u l-“ġemgħa taʼ qaddejja” tirreferi għal dan l-istess grupp taʼ 144,000 li jirċievu s-Saltna tas-sema, imma din l-espressjoni tenfasizza x-xogħol tagħhom bħala individwi. “Dak kollu li għandu” li l-prokuratur lejali huwa maħtur biex jieħu ħsiebu huma l-interessi rjali tas-sid fuq l-art, li jinkludu s-sudditi fuq l-art tas-Saltna.
Billi jkompli t-tixbieha, Ġesù jiġbed l-attenzjoni lejn il-possibiltà li mhux il-membri kollha taʼ dik il-klassi taʼ prokuratur, jew irsir, se jkunu lejali, billi jispjega: “Jekk qatt dak l-irsir igħid f’qalbu, ‘Sidi se jdum ma jiġi,’ u jibda jsawwat lill-qaddejja rġiel u lill-qaddejja nisa, u jiekol u jixrob u jisker, is-sid taʼ dak l-irsir se jiġi f’jum li hu ma jkunx qed jistennieh . . . , u se jikkastigah bl-akbar ħruxija.”
Ġesù jinnota li l-miġja tiegħu ġabet żmien taʼ nar għal-Lhud, billi xi wħud aċċettaw u oħrajn irrifjutaw it-tagħlim tiegħu. Iktar minn tliet snin qabel, hu kien imgħammed fl-ilma, imma issa l-magħmudija tiegħu ġol-mewt qed toqrob dejjem iktar lejn l-egħluq, u bħalma jgħid hu: “Qed inkun imnikket sakemm tkun intemmet!”
Wara li jindirizza dawn ir-rimarki lejn id-dixxipli tiegħu, Ġesù jerġaʼ jkellem lill-folol. Hu jilmenta dwar il-fatt li huma b’ras iebsa ma jaċċettawx l-evidenza ċara tal-identità tiegħu u s-sinjifikat tagħha. “Meta taraw sħaba tielgħa fil-partijiet tal-Punent,” hu josserva, “mill-ewwel tgħidu, ‘Ġejja maltempata,’ u hekk jiġri. U meta taraw li riħ isfel qed jonfoħ, tgħidu, ‘Se jkun hemm mewġa taʼ sħana,’ u hekk jiġri. Ipokriti, tafu kif teżaminaw id-dehra minn barra tal-art u tas-sema, imma kif inhu li ma tafux kif teżaminaw dan iż-żmien partikulari?” Luqa 12:32-59.
▪ Kemm nies jiffurmaw il-“merħla ċkejkna,” u x’jirċievu huma?
▪ Ġesù kif jenfasizza l-ħtieġa għall-qaddejja tiegħu li jkunu għal-lest?
▪ Fit-tixbieha taʼ Ġesù, min huma s-“sid,” il-“prokuratur,” il-“ġemgħa taʼ qaddejja,” u “dak kollu li għandu”?