Kapitlu 80
L-Imqajjel tan-Ngħaġ u r-Ragħaj
ĠESÙ qiegħed f’Ġerusalemm fi żmien il-Festa tad-Dedikazzjoni, jew Hannukkah, festa li tiċċelebra d-dedikazzjoni mill-ġdid tat-tempju lil Jehovah. Fis-sena 168 Q.E.K., madwar 200 sena qabel, Antijoku IV Epifanes ħataf taħt idejh lil Ġerusalemm u pprofana t-tempju u l-artal tiegħu. Madankollu, tliet snin wara, Ġerusalemm kienet maħtufa mill-ġdid u t-tempju kien ġie ddedikat mill-ġdid. Wara dan, bdiet issir ċelebrazzjoni kull sena biex tfakkar id-dedikazzjoni mill-ġdid.
Din il-Festa tad-Dedikazzjoni sseħħ nhar il-25 taʼ Ċislev, ix-xahar Lhudi li jikkorrispondi mal-aħħar parti taʼ Novembru u l-ewwel parti taʼ Diċembru fil-kalendarju modern tagħna. B’hekk, jibqaʼ biss ftit iktar minn mitt jum għall-Qbiż importanti ferm tas-sena 33 E.K. Peress li huwa staġun taʼ klima kiesħa, l-appostlu Ġwanni jsejjaħlu “żmien xitwi.”
Ġesù issa juża tixbieha li fiha hu jsemmi tliet imqajjel tan-ngħaġ u r-rwol tiegħu bħala r-Ragħaj mill-Aħjar. L-ewwel maqjel tan-ngħaġ li hu jitkellem dwaru huwa identifikat mal-arranġament tal-patt tal-Liġi taʼ Mosè. Il-Liġi serviet bħala ċint, li fired lil-Lhud mill-prattiċi korrotti taʼ dawk in-nies li ma kinux f’dan il-patt speċjali maʼ Alla. Ġesù jispjega: “Verissmu ngħidilkom, Dak li ma jidħolx ġol-maqjel tan-ngħaġ mill-bieb imma jixxabbat minn x’imkien ieħor, dak hu ħalliel u wieħed li jisraq. Imma dak li jidħol mill-bieb hu ragħaj in-ngħaġ.”
Oħrajn kienu ġew u qalu li kienu l-Messija, jew Kristu, imma ma kinux il-veru ragħaj li dwaru Ġesù jissokta jitkellem: “Il-bewwieb jiftaħlu lil dan, u n-ngħaġ jisimgħu leħnu, u hu jsejjaħ lin-ngħaġ tiegħu stess bl-isem u jmexxihom ’il barra. . . . Lil wieħed barrani b’ebda mod ma se jsegwuh imma se jaħarbu minnu, għaliex huma ma jafux leħen il-barranin.”
Il-“bewwieb” tal-ewwel maqjel tan-ngħaġ kien Ġwanni l-Għammied. Bħala l-bewwieb, Ġwanni lil Ġesù ‘fetaħlu’ billi identifikah lil dawn in-ngħaġ simboliċi li lilhom hu kellu joħroġ ’il barra lejn il-mergħa. Dawn in-ngħaġ, li Ġesù jsejħilhom b’isimhom u joħroġhom ’il barra, jiġu eventwalment imdaħħlin ġo maqjel tan-ngħaġ ieħor, bħalma jispjega hu: “Verissmu ngħidilkom, Jien hu l-bieb tan-ngħaġ,” jiġifieri, il-bieb taʼ maqjel tan-ngħaġ ġdid. Meta Ġesù jistabbilixxi l-patt ġdid mad-dixxipli tiegħu u mis-sema jsawwab spirtu qaddis fuqhom nhar Pentekoste taʼ wara, huma jiġu mdaħħlin f’dan il-maqjel tan-ngħaġ ġdid.
Billi jispjega iktar ir-rwol tiegħu, Ġesù jgħid: “Jien hu l-bieb; kulmin jidħol minni se jkun salvat, u se jidħol u joħroġ u jsib mergħa. . . . Jien ġejt biex huma jistgħu jkollhom il-ħajja u jistgħu jkollhom lilha bl-abbundanza. . . . Jien hu r-ragħaj mill-aħjar, u naf lin-ngħaġ tiegħi u n-ngħaġ tiegħi jafu lili, sewwa sew bħalma l-Missier jaf lili u jien naf lill-Missier; u jien inċedi ruħi għan-ngħaġ.”
Dan l-aħħar, Ġesù kien farraġ lis-segwaċi tiegħu, billi qal: “Tibżgħux, merħla ċkejkna, għaliex Missierkom approva li jagħtikom is-saltna.” Din il-merħla ċkejkna, li eventwalment tgħodd 144,000, tidħol ġo dan il-maqjel tan-ngħaġ ġdid, jew it-tieni wieħed. Imma Ġesù jissokta josserva: “Għandi ngħaġ oħra, li m’humiex taʼ dan il-maqjel; dawk ukoll irrid inġib, u se jisimgħu minn leħni, u se jsiru merħla waħda, ragħaj wieħed.”
Ladarba n-“ngħaġ oħra” “m’humiex taʼ dan il-maqjel,” bil-fors li huma taʼ maqjel ieħor, it-tielet wieħed. Dawn l-aħħar żewġ imqajjel tan-ngħaġ għandhom destini differenti. Il-“merħla ċkejkna” f’maqjel wieħed se jaħkmu maʼ Kristu fis-sema, u n-“ngħaġ oħra” fil-maqjel l-ieħor se jgħixu fil-Ġenna tal-art. Madankollu, minkejja li qegħdin f’żewġ imqajjel, in-ngħaġ m’għandhomx għira, lanqas ma jħossuhom iżolati minn xulxin, għax bħalma jgħid Ġesù, huma “jsiru merħla waħda” taħt “ragħaj wieħed.”
Ir-Ragħaj mill-Aħjar, Ġesù Kristu, minn jeddu jagħti ħajtu għaż-żewġ imqajjel tan-ngħaġ. “Jiena nċediha minn jeddi,” hu jgħid. “Jien għandi awtorità li nċediha, u għandi awtorità li nerġaʼ nirċeviha. Il-kmandament fuq dan jien irċevejtu mingħand Missieri.” Meta Ġesù jgħid dan, tirriżulta firda fost il-Lhud.
Ħafna mill-folla jgħidu: “Għandu demonju u huwa miġnun. Għala tisimgħuh?” Imma oħrajn iwieġbu: “Dan mhux il-kliem taʼ raġel indemonjat.” Imbagħad, billi jirreferu għal meta xahrejn qabel hu fejjaq lil raġel imwieled agħma, huma jżidu: “Demonju ma jistax jiftaħ il-għajnejn taʼ nies għomja, hux hekk?” Ġwann 10:1-22; 9:1-7; Luqa 12:32; Rivelazzjoni 14:1, 3; 21:3, 4; Salm 37:29.
▪ X’inhi l-Festa tad-Dedikazzjoni, u meta tiġi ċċelebrata?
▪ X’inhu l-ewwel maqjel tan-ngħaġ, u min hu l-bewwieb tiegħu?
▪ Il-bewwieb kif jiftaħlu lir-Ragħaj, u n-ngħaġ fejn jiġu mdaħħlin wara dan?
▪ Min jifforma ż-żewġ imqajjel tar-Ragħaj mill-Aħjar, u kemm-il merħla jsiru?