Kapitlu 81
Iktar Attentatibiex Joqtlu lil Ġesù
LADARBA qegħdin fix-xitwa, Ġesù qiegħed jimxi fl-inħawi mkennija magħrufin bħala l-kolonni taʼ Salamun. Dawn qegħdin maġenb it-tempju. Hawnhekk xi Lhud iduru miegħu u jibdew igħidu: “Kemm se ddum iżżommna taqlagħalna ruħna? Jekk int il-Kristu, għidilna ċar u tond.”
“Għidtilkom,” iwieġeb Ġesù, “u madankollu intom ma temmnux.” Ġesù ma kienx qalilhom direttament li hu kien il-Kristu, bħalma kien qal lill-mara Samaritana ħdejn il-bir. Madankollu hu kien, fil-fatt, irrivela l-identità tiegħu meta hu spjegalhom li hu kien mill-oqsma taʼ fuq u kien eżista qabel Abraham.
Ġesù, madankollu, jrid li n-nies jaslu għal konklużjoni huma stess li hu l-Kristu billi jqabblu l-attivitajiet tiegħu maʼ dak li l-Bibbja bassret li l-Kristu kellu jwettaq. Għalhekk iktar kmieni hu ordna lid-dixxipli tiegħu biex ma jgħidu lil ħadd li hu kien il-Kristu. U għalhekk hu issa jissokta jgħid lil dawn il-Lhud ostili: “Ix-xogħlijiet li qed nagħmel f’isem Missieri, dawn jagħtu xiehda dwari. Imma intom ma temmnux.”
Għala ma jemmnux huma? Minħabba nuqqas taʼ evidenza li Ġesù huwa l-Kristu? Le, imma għar-raġuni li Ġesù jagħti meta jgħidilhom: “Ħadd minnkom m’hu min-ngħaġ tiegħi. In-ngħaġ tiegħi jisimgħu minn leħni, u jien nafhom, u huma jsegwuni. U jien nagħtihom il-ħajja taʼ dejjem, u huma b’ebda mod ma qatt se jinqerdu, u ħadd ma se jaħtafhomli minn idi. Dak li tani Missieri hu xi ħaġa akbar mill-affarijiet l-oħra kollha, u ħadd ma jistaʼ jaħtafhom minn id il-Missier.”
Ġesù mbagħad jiddeskrivi r-relazzjoni mill-qrib tiegħu maʼ Missieru, billi jispjega: “Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda.” Ladarba Ġesù qiegħed fuq l-art u Missieru qiegħed fis-sema, biċ-ċar hu mhux qed igħid li hu u Missieru huma litteralment, jew fiżikament, wieħed. Minflok, hu jrid ifisser li huma ħaġa waħda fl-iskop, li huma f’għaqda.
Irrabjati bil-kliem taʼ Ġesù, il-Lhud jaqbdu l-ġebel biex iħaġġruh, saħansitra bħalma kienu għamlu qabel, matul il-Festa tat-Tabernakli, jew tal-Egħrejjex. Billi jiffaċċja b’kuraġġ lil dawk li riedu joqtluh, Ġesù jgħid: “Urejtkom ħafna xogħlijiet mill-aħjar mingħand il-Missier. Għal liema minn dawk ix-xogħlijiet qegħdin tħaġġruni?”
“Aħna qed inħaġġruk, mhux għal xogħol mill-aħjar,” huma jwieġbu, “imma għad-dagħa, saħansitra għaliex int, għalkemm inti bniedem, tagħmel lilek innifsek wieħed alla.” Ladarba Ġesù qatt ma qal li kien xi alla, il-Lhud għala jgħidu dan?
Evidentement għaliex Ġesù jattribwixxi għalih innifsu qawwiet li huma jemmnu li huma esklussivament taʼ Alla biss. Per eżempju, għadu kif qal dwar in-“ngħaġ,” “Jien nagħtihom il-ħajja taʼ dejjem,” li hi xi ħaġa li ebda bniedem ma jistaʼ jagħmel. Il-Lhud, madankollu, jinsew il-fatt li Ġesù jirrikonoxxi li hu rċieva l-awtorità mingħand Missieru.
Li Ġesù jgħid li hu inqas minn Alla, hu mbagħad jurih billi jistaqsi: “M’huwiex miktub fil-Liġi tagħkom [f’Salm 82:6], ‘Jien għedt: “Intom allat”’? Jekk hu sejjaħ ‘allat’ lil dawk li kontra tagħhom ġiet il-kelma t’Alla, . . . tgħidu intom lili li ġejt imqaddes mill-Missier u mibgħut fid-dinja, ‘Inti tidgħi,’ għaliex jien għedt, Jien l-Iben t’Alla?”
Ladarba l-Iskrittura ssejjaħ saħansitra lil imħallfin umani u nġusti “allat,” xi ħtija jistgħu dawn il-Lhud isibu f’Ġesù talli qal, “Jien l-Iben t’Alla”? Ġesù jżid: “Jekk m’iniex qed nagħmel ix-xogħlijiet taʼ Missieri, temmnunix. Imma jekk qed nagħmilhom, saħansitra jekk intom ma temmnunix, emmnu x-xogħlijiet, sabiex intom tistgħu ssiru tafu u tistgħu tkomplu tkunu tafu li l-Missier huwa f’għaqda miegħi u jien f’għaqda mal-Missier.”
Meta Ġesù jgħid dan, il-Lhud jippruvaw jaħtfuh taħt idejhom. Imma hu jaħrab, bħalma għamel qabel fil-Festa tal-Egħrejjex. Hu jitlaq minn Ġerusalemm u jivvjaġġa minn naħa għall-oħra tax-Xmara Ġordan lejn fejn Ġwanni beda jgħammed kważi erbaʼ snin qabel. Dan il-post mid-dehra mhux ’il bogħod mix-xatt tan-Nofs in-Nhar tal-Baħar tal-Galilija, vjaġġ taʼ bejn wieħed u ieħor jumejn minn Ġerusalemm.
Ħafna nies jiġu għand Ġesù f’dan il-post u jibdew igħidu: “Ġwanni, tabilħaqq, ma wettaqx sinjal wieħed, imma l-affarijiet kollha li Ġwanni qal dwar dan ir-raġel kollha kienu veri.” B’hekk ħafna poġġew fidi f’Ġesù hawnhekk. Ġwann 10:22-42; 4:26; 8:23, 58; Mattew 16:20.
▪ Ġesù b’liema mod irid li n-nies jidentifikawh bħala l-Kristu?
▪ Ġesù u Missieru kif inhuma ħaġa waħda?
▪ Il-Lhud għala, evidentement, igħidu li Ġesù qed jagħmel lilu nnifsu wieħed alla?
▪ Il-kliem li Ġesù kkwota mis-Salmi kif juri li hu mhux qed igħid li hu daqs Alla?