Kapitlu 84
Ir-Responsabbiltà taʼ li Wieħed Ikun Dixxiplu
WARA li jitlaq mid-dar tal-Fariżew prominenti, li mid-dehra huwa membru tas-Sinedriju, Ġesù jkompli sejjer lejn Ġerusalemm. Folol kbar isegwuh. Imma x’mottivi għandhom? X’hemm tassew involut f’li wieħed ikun is-segwaċi veru tiegħu?
Huma u jivvjaġġaw, Ġesù jdur lejn il-folol u forsi jaħsadhom meta jgħid: “Jekk xi ħadd jiġi għandi u ma jobgħodx lil missieru u lil ommu u lil martu u lil uliedu u lil ħutu rġiel u lil ħutu nisa, iva, u saħansitra lil ruħu stess, hu ma jistax ikun id-dixxiplu tiegħi.”
X’irid ifisser Ġesù? Ġesù hawn mhux qed igħid li s-segwaċi tiegħu għandhom litteralment jobogħdu lil qrabathom. Minflok, huma jridu jobogħduhom fis-sens taʼ li jħobbu lilhom inqas milli jħobbu lilu. Ġakobb, l-antenat taʼ Ġesù, jintqal li “bagħad” lil Lea u ħabb lil Rakele, li kien ifisser li Lea kienet maħbuba inqas minn oħtha Rakele.
Ikkunsidra, ukoll, li Ġesù qal li dixxiplu għandu jobgħod “saħansitra lil ruħu stess,” jew lil ħajtu. Għal darb’oħra Ġesù jrid ifisser li dixxiplu veru jrid iħobb Lilu saħansitra iktar milli jħobb lil ħajtu stess. Ġesù qiegħed b’hekk jenfasizza illi li wieħed isir dixxiplu tiegħu hija responsabbiltà serja. Mhix xi ħaġa li trid tittieħed mingħajr ma wieħed joqgħod jikkunsidraha bil-għaqal.
It-tbatija u l-persekuzzjoni huma nvoluti f’li wieħed ikun dixxiplu taʼ Ġesù, bħalma hu jissokta jindika: “Kulmin mhux qed iġorr iz-zokk tat-tortura tiegħu u jiġi warajja ma jistax ikun id-dixxiplu tiegħi.” B’hekk, dixxiplu veru jrid ikun lest li jġarrab l-istess piż taʼ tmaqdir li Ġesù ssaporta, u dan jinkludi saħansitra, jekk ikun hemm bżonn, li jmut f’idejn l-egħdewwa t’Alla, dak li Ġesù dalwaqt se jagħmel.
Li wieħed ikun dixxiplu taʼ Kristu, għalhekk, hija kwistjoni li l-folol li qed isegwuh għandhom bżonn janalizzawha bir-reqqa ferm. Ġesù jenfasizza dan il-fatt permezz taʼ tixbieha. “Per eżempju,” hu jgħid, “min minnkom li jrid jibni torri ma joqgħodx l-ewwel bil-qiegħda u jikkalkula l-ispiża, biex jara jekk għandux biżżejjed biex ilestih? Inkella, jistaʼ jpoġġi l-pedament tiegħu imma ma jkunx kapaċi jlestih, u dawk kollha li jarawh jistgħu jibdew iwaqqgħuh għaċ-ċajt, igħidu, ‘Dan ir-raġel beda jibni imma ma kienx kapaċi jlesti.’”
Mela Ġesù qiegħed juri lill-folol li qed isegwuh li qabel ma jsiru dixxipli tiegħu, huma għandhom ikunu deċiżi b’mod sod li jistgħu jwettqu dak li hemm involut, saħansitra bħalma raġel li jrid jibni torri jkun żgur qabel ma jibda li hu għandu r-riżorsi biex ilestih. Billi jagħti tixbieha oħra, Ġesù jkompli:
“Jew liema sultan, li jkun qed jimmarċja biex jiltaqaʼ maʼ sultan ieħor fi gwerra, ma joqgħodx l-ewwel bil-qiegħda u jieħu parir jekk hux kapaċi b’għaxart elef suldat ilaħħaq ma dak li jiġi kontra tiegħu b’għoxrin elf? Jekk, fil-fatt, hu ma jistax jagħmel hekk, allura waqt li dak il-wieħed għadu ’l bogħod hu jibgħat ġemgħa taʼ ambaxxaturi u jisħaq għall-paċi.”
Ġesù mbagħad jenfasizza l-punt tat-tixbihat tiegħu, billi jgħid: “B’hekk, tistaʼ tkun żgur li ħadd minnkom li ma jgħidx saħħa lill-ġid kollu li għandu ma jistaʼ jkun id-dixxiplu tiegħi.” Dak hu li l-folol li qed isegwuh, u, iva, kwalunkwe wieħed ieħor li jsir jaf bi Kristu, iridu jkunu lesti li jagħmlu. Huma jridu jkunu lesti li jissagrifikaw kulma għandhom—il-ġid kollu tagħhom, inkluża l-ħajja nfisha—jekk huma jridu jkunu d-dixxipli tiegħu. Lest int li tagħmel dan?
“Il-melħ, ċertament, huwa mill-aħjar,” ikompli Ġesù. Fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, hu qal li d-dixxipli tiegħu huma “l-melħ tal-art,” li jfisser li huma għandhom influwenza li tippreserva fuq in-nies, saħansitra bħalma l-melħ litterali huwa preservattiv. “Imma jekk saħansitra l-melħ jitlef is-saħħa tiegħu, b’liema ħaġa se jiġi mħawwar? Ma hu tajjeb la għall-ħamrija u lanqas għad-demel,” jikkonkludi Ġesù. “In-nies jarmuh ’il barra. Ħalli min għandu widnejn biex jismaʼ, jismaʼ.”
Mela Ġesù juri li saħansitra dawk li għal xi żmien kienu dixxipli tiegħu ma jridux jiddgħajfu fid-determinazzjoni tagħhom biex ikomplu. Jekk jiddgħajfu, huma se jsiru li ma jiswew għal xejn, oġġett taʼ twaqqigħ għaċ-ċajt għal din id-dinja u mhux kapaċi quddiem Alla, fil-fatt, tmaqdir fuq Alla. Għalhekk, bħal melħ bla togħma, ikkontaminat, huma se jiġu mormijin ’il barra, iva, meqrudin. Luqa 14:25-35; Ġenesi 29:30-33; Mattew 5:13.
▪ Xi jfisser li ‘tobgħod’ lill-qraba tiegħek u lilek innifsek?
▪ Ġesù jagħti liema żewġ tixbihat, u xi jfissru?
▪ X’inhu l-punt dwar il-kummenti tal-egħluq taʼ Ġesù dwar il-melħ?