Kapitlu 92
Għaxar Imġiddmin Imfejqin Matul l-Aħħar Vjaġġ taʼ Ġesù lejn Ġerusalemm
ĠESÙ jfixkel l-isforzi tas-Sinedriju biex joqtluh billi jitlaq minn Ġerusalemm u jivvjaġġa lejn il-belt taʼ Efrajim, x’aktarx xi 15-il mil biss lejn il-Grigal taʼ Ġerusalemm. Hemmhekk hu jibqaʼ mad-dixxipli tiegħu, ’il bogħod mill-egħdewwa tiegħu.
Madankollu, iż-żmien għall-Festa tal-Qbiż tas-sena 33 E.K. qed joqrob, u malajr Ġesù jerġaʼ jitlaq minn hemm. Hu jivvjaġġa minn ġos-Samarija u ’l fuq lejn il-Galilija. Din hi l-aħħar żjara tiegħu lejn dawn l-inħawi qabel il-mewt tiegħu. Waqt li qiegħed fil-Galilija, x’aktarx li hu u d-dixxipli tiegħu jissieħbu maʼ oħrajn li huma fi triqithom lejn Ġerusalemm għaċ-ċelebrazzjoni tal-Qbiż. Huma jieħdu r-rotta minn ġod-distrett tal-Perea, lejn il-Lvant tax-Xmara Ġordan.
Kmieni fil-vjaġġ, waqt li Ġesù dieħel f’raħal jew fis-Samarija jew fil-Galilija, jiltaqaʼ maʼ għaxart irġiel li għandhom il-ġdiem. Din il-marda terribbli tiekol bil-mod il-mod il-partijiet tal-ġisem taʼ persuna—is-swabaʼ taʼ jdejh u taʼ saqajh, widnejh, imnieħru, u xofftejh. Biex ma tħallix lil ħaddieħor jittieħed, il-Liġi t’Alla tgħid rigward wieħed imġiddem: “Hu għandu jgħatti l-mustaċċi u jgħajjat, ‘Mhux nadif, mhux nadif!’ Il-jiem kollha li l-marda qiegħda fuqu hu se jkun mhux nadif. . . . Hu jrid igħammar iżolat.”
Il-għaxar imġiddmin josservaw ir-restrizzjonijiet tal-Liġi għall-imġiddmin u jibqgħu ’l bogħod minn Ġesù. Madankollu, huma jgħajtu b’ilħna għolja: “Ġesù, Għalliem, ikollok ħniena minna!”
Billi jarahom fil-bogħod, Ġesù jikkmanda: “Morru u uru rwieħkom lill-qassisin.” Ġesù jgħid dan għaliex il-Liġi t’Alla tawtorizza lill-qassisin li jiddikjaraw bħala mfejqin lil dawk l-imġiddmin li jkunu fiequ mill-marda tagħhom. B’dan il-mod uħud bħal dawn jaqilgħu l-approvazzjoni li jerġgħu jgħixu maʼ nies f’saħħithom.
Il-għaxar imġiddmin għandhom fiduċja fil-qawwa mirakoluża taʼ Ġesù. Mela huma jitilqu bil-għaġla biex jaraw lill-qassisin, saħansitra għalkemm għadhom ma ġewx imfejqin. Huma u sejrin lil hemm, il-fidi tagħhom f’Ġesù tiġi ppremjata. Huma jibdew jaraw u jħossu s-saħħa restawrata tagħhom!
Disgħa mill-imġiddmin imnaddfin jibqgħu sejrin fi triqithom, imma l-imġiddem l-ieħor, Samaritan, idur lura biex ifittex lil Ġesù. Għala? Għaliex huwa tant grat għal dak li ġara lilu. Hu jfaħħar lil Alla b’leħen għoli, u meta jsib lil Ġesù, hu jinżel għar-rkobbtejh quddiemu, jirringrazzjah.
Bi tweġiba Ġesù jgħid: “Il-għaxra tnaddfu, mhux hekk? Fejn huma, mela, d-disgħa l-oħra? Ma nstab ħadd li dar lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan ir-raġel taʼ ġens ieħor?”
Imbagħad hu jgħid lir-raġel Samaritan: “Qum u mur fi triqtek; il-fidi tiegħek fejqitek.”
Meta naqraw dwar kif Ġesù fejjaq lill-għaxar imġiddmin, għandna ndaħħlu f’qalbna l-lezzjoni implikata mill-mistoqsija tiegħu: “Fejn huma, mela, d-disgħa l-oħra?” L-ingratitudni li kienet murija mid-disgħa hija nuqqas serju. Se nuru aħna, bħas-Samaritan, li aħna grati għall-affarijiet li nirċievu mingħand Alla, inkluża l-wegħda ċerta taʼ ħajja taʼ dejjem fid-dinja ġdida taʼ tjieba t’Alla? Ġwann 11:54, 55; Luqa 17:11-19; Levitiku 13:16, 17, 45, 46; Rivelazzjoni 21:3, 4.
▪ Ġesù kif ifixkel l-isforzi biex joqtluh?
▪ Ġesù mbagħad fejn jivvjaġġa, u x’inhi d-destinazjoni tiegħu?
▪ L-imġiddmin għala jieqfu fil-bogħod, u Ġesù għala jgħidilhom biex imorru għand il-qassisin?
▪ X’lezzjoni għandna nitgħallmu minn din l-esperjenza?