Kapitlu 95
Lezzjonijiet fuq Divorzju u fuq Imħabba lejn it-Tfal
ĠESÙ u d-dixxipli tiegħu qegħdin fi triqithom lejn Ġerusalemm biex jattendu l-Festa tal-Qbiż tas-sena 33 E.K. Huma jaqsmu x-Xmara Ġordan u jieħdu r-rotta minn ġod-distrett tal-Perea. Ġesù kien fil-Perea ftit ġimgħat qabel, imma mbagħad ġie msejjaħ biex imur fil-Ġudea għaliex Lażżru l-ħabib tiegħu kien marid. Meta kien għadu fil-Perea, Ġesù kellem lill-Fariżej dwar id-divorzju, u issa huma jerġgħu jqajmu l-kwistjoni.
Fost il-Fariżej hemm opinjonijiet differenti dwar id-divorzju. Mosè qal li mara setgħet tiġi ddivorzjata minħabba “xi ħaġa indiċenti min-naħa tagħha.” Xi wħud jemmnu li dan jirreferi biss għan-nuqqas taʼ kastità. Imma oħrajn iqisu li “xi ħaġa indiċenti” tinkludi offiżi żgħar ħafna. Mela, biex jittestjaw lil Ġesù, il-Fariżej jistaqsu: “Huwa skond il-liġi għal raġel li jiddivorzja lil martu fuq kull xorta taʼ bażi?” Huma fiduċjużi li jgħid x’igħid Ġesù se jdaħħlu f’diffikultà mal-Fariżej li għandhom opinjoni differenti.
Ġesù jittratta l-mistoqsija b’sengħa kbira, mhux billi jappella għal xi opinjoni tal-bniedem, imma billi jirreferi lura lejn id-disinn oriġinali taż-żwieġ. “Ma qrajtux,” hu jistaqsi, “li dak li ħalaqhom mill-bidu għamilhom raġel u mara u qal, ‘Għal din ir-raġuni raġel se jitlaq lil missieru u lil ommu u se jingħaqad maʼ martu, u t-tnejn se jkunu laħam wieħed’? Mela m’humiex iżjed tnejn, imma laħam wieħed. Għalhekk, dak li Alla rabat f’madmad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”
Ġesù juri li l-għan oriġinali t’Alla huwa li l-imseħbin fiż-żwieġ jingħaqdu flimkien, mhux li jiksbu divorzju. Jekk dan hu hekk, il-Fariżej iwieġbu, “għala, mela, Mosè ordna bil-miktub li jingħata ċertifikat taʼ tkeċċija u jiddivorzjaha?”
“Mosè, billi qies l-ebusija taʼ qlubkom, għamlilkom il-konċessjoni li tiddivorzjaw lin-nisa tagħkom,” iwieġeb Ġesù, “imma l-każ ma kienx hekk mill-bidu.” Iva, meta Alla stabbilixxa l-veru livell għal żwieġ fil-ġnien taʼ Għeden, hu ma għamel ebda provvediment għal divorzju.
Ġesù jissokta jgħid lill-Fariżej: “Ingħidilkom li kulmin jiddivorzja lil martu, ħlief fuq il-bażi taż-żina [mill-Grieg, por·neiʹa], u jiżżewweġ oħra jikkommetti adulterju.” Hu b’hekk juri li por·neiʹa, li hija immoralità sesswali grassa, hija l-unika raġuni approvata minn Alla għal divorzju.
Billi jirrealizzaw li ż-żwieġ għandu jkun għaqda dejjiema b’din ir-raġuni biss għal divorzju, id-dixxipli jiġu mqanqlin biex igħidu: “Jekk inhi hekk is-sitwazzjoni dwar raġel b’martu, mhux taʼ min li tiżżewweġ.” Ma hemm l-ebda dubju li wieħed li qed jaħsibha biex jiżżewweġ għandu jqis bis-serjetà l-permanenza tar-rabta taż-żwieġ!
Ġesù jissokta jitkellem dwar iċ-ċelibat. Hu jispjega li xi subien jitwieldu ewnuki, u ma jistgħux jiżżewġu minħabba li ma jiżżviluppawx sesswalment. Oħrajn intgħamlu ewnuki mill-bnedmin, billi ġew immankati sesswalment b’mod krudil. Fl-aħħarnett, xi wħud joħonqu x-xewqa li jiżżewġu u li jgawdu relazzjonijiet sesswali sabiex ikunu jistgħu jiddedikaw ruħhom iktar bis-sħiħ għal kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mas-Saltna tas-smewwiet. “Ħalli min jistaʼ jagħmel il-wisaʼ [għaċ-ċelibat] jagħmel wisaʼ għalih,” jikkonkludi Ġesù.
Xi nies issa jibdew iġibu t-tfal żgħar tagħhom għand Ġesù. Id-dixxipli, madankollu, iċanfru lit-tfal u jippruvaw jibagħtuhom ’il hemm, bla dubju billi riedu jipproteġu lil Ġesù minn inkwiet bla bżonn. Imma Ġesù jgħid: “Ħallu t-tfal żgħar jiġu għandi; tippruvawx twaqqfuhom, għax is-saltna t’Alla tappartjeni lil uħud bħal dawn. Verament ingħidilkom, Kulmin ma jirċevix is-Saltna t’Alla bħal tifel żgħir bl-ebda mod ma se jidħol ġewwa fiha.”
X’lezzjonijiet mill-aħjar jipprovdi hawn Ġesù! Biex nirċievu s-Saltna t’Alla, rridu nimitaw l-umiltà tat-tfal żgħar u nkunu lesti li nitgħallmu bħalhom. Imma l-eżempju taʼ Ġesù juri wkoll kemm huwa importanti, speċjalment għall-ġenituri, li jqattgħu l-ħin maʼ wliedhom. Ġesù issa juri l-imħabba tiegħu għaċ-ċkejknin billi jerfagħhom f’dirgħajh u jberikhom. Mattew 19:1-15; Dewteronomju 24:1; Luqa 16:18; Mark 10:1-16; Luqa 18:15-17.
▪ Il-Fariżej liema opinjonijiet differenti għandhom dwar id-divorzju, u għalhekk kif jittestjaw lil Ġesù?
▪ Ġesù kif jittratta mal-isforz tal-Fariżej biex jittestjawh, u x’jagħti bħala l-unika raġuni għal divorzju?
▪ Id-dixxipli taʼ Ġesù għala jgħidu li mhux taʼ min jiżżewweġ, u Ġesù liema rakkomandazzjoni jipprovdi?
▪ Ġesù x’igħallimna bil-mod kif jittratta mat-tfal żgħar?