Kapitlu 96
Ġesù u Ħakkiem Żagħżugħ u Għani
HEKK kif Ġesù jkompli għaddej minn ġod-distrett tal-Perea lejn Ġerusalemm, wieħed raġel żagħżugħ jiġi jiġri u jinżel għar-rkobbtejh quddiemu. Ir-raġel huwa msejjaħ ħakkiem, li x’aktarx ifisser li hu għandu pożizzjoni prominenti f’sinagoga lokali jew saħansitra li huwa membru tas-Sinedriju. Ukoll, huwa għani ferm. “Għalliem tajjeb,” hu jistaqsi, “x’irrid nagħmel biex niret il-ħajja taʼ dejjem?”
“Għala ssejjaħli tajjeb?” iwieġeb Ġesù. “Ħadd m’hu tajjeb, ħlief wieħed, Alla.” X’aktarx li r-raġel żagħżugħ juża l-kelma “tajjeb” bħala titlu, u għalhekk Ġesù jgħidlu li titlu bħal dan jappartjeni biss lil Alla.
“Jekk, iżda,” jkompli Ġesù, “trid tidħol fil-ħajja, osserva l-kmandamenti kontinwament.”
“Liema minnhom?” jistaqsi r-raġel.
Billi jirreferi għal ħamsa mill-Għaxar Kmandamenti, Ġesù jwieġeb: “Sewwa, Ma tridx toqtol, Ma tridx tikkommetti adulterju, Ma tridx tisraq, Ma tridx tagħti xiehda falza, Onora lil missierek u lil ommok.” U billi jżid kmandament saħansitra iktar importanti, Ġesù jgħid: “Trid tħobb lil ġarek bħalek innifsek.”
“Dawn l-affarijiet kollha ħaristhom minn żgħożiti ’l quddiem,” iwieġeb ir-raġel bis-sinċerità kollha. “X’għad jonqosni?”
Billi jismaʼ t-talba ħerqana u mill-qalb taʼ dan ir-raġel, Ġesù jitqanqal mill-imħabba lejh. Imma Ġesù jinduna bir-rabta li hu għandu mal-ġid materjali, u għalhekk jindikalu l-ħtieġa tiegħu: “Ħaġa waħda jonqsok int: Mur, bigħ l-affarijiet li għandek u agħti lill-foqra, u se jkollok teżor fis-sema, u ejja kun segwaċi tiegħi.”
Ġesù jibqaʼ jħares, bla dubju bil-ħniena, hekk kif ir-raġel iqum u jitlaq lil hemm imnikket ħafna. Il-ġid li għandu ma jħallihx jara l-valur tal-veru teżor. “Kemm se tkun ħaġa diffiċli,” jilmenta Ġesù, “għal dawk li għandhom il-flus biex jidħlu fis-saltna t’Alla!”
Il-kliem taʼ Ġesù jbellah lid-dixxipli. Imma huma jinħasdu saħansitra iktar meta hu jissokta jistqarr regola ġenerali: “Huwa iktar faċli, fil-fatt, għal ġemel li jgħaddi minn għajn taʼ labra tal-ħjata milli għal raġel għani li jidħol fis-saltna t’Alla.”
“Min, fil-fatt, jistaʼ jiġi salvat?” iridu jkunu jafu d-dixxipli.
Billi jħares dritt lejhom, Ġesù jwieġeb: “Mal-bnedmin huwa impossibbli, imma mhux hekk m’Alla, għax l-affarijiet kollha huma possibbli maʼ Alla.”
Billi jinnota li huma għamlu għażla ferm differenti minn dik tal-ħakkiem żagħżugħ u għani, Pietru jgħid: “Ħares! Aħna tlaqna l-affarijiet kollha u segwejniek.” Mela hu jistaqsi: “X’se jkun hemm attwalment għalina?”
“Fil-ħolqien mill-ġdid,” iwiegħed Ġesù, “meta Bin il-bniedem joqgħod bil-qiegħda fuq it-tron glorjuż tiegħu, intom li segwejtuni se toqogħdu wkoll bil-qiegħda fuq tnax-il tron, tiġġudikaw lit-tnax-il tribù taʼ Iżrael.” Iva, Ġesù qed juri li se jkun hemm ħolqien mill-ġdid taʼ kundizzjonijiet fuq l-art sabiex l-affarijiet ikunu kif kienu fil-ġnien taʼ Għeden. U Pietru u d-dixxipli l-oħra se jirċievu l-premju taʼ li jaħkmu maʼ Kristu fuq din il-Ġenna mal-art kollha. Ċertament, premju grandjuż bħal dan jixraqlu kull sagrifiċċju!
Madankollu, saħansitra issa hemm xi premji, bħalma Ġesù jistqarr b’mod sod: “Ħadd ma telaq dar jew aħwa subien jew bniet jew omm jew missier jew tfal jew egħlieqi minħabba fija li mhux se jieħu mitt darba iktar issa f’dan il-perijodu taʼ żmien, djar u aħwa subien u bniet u ommijiet u tfal u egħlieqi, b’persekuzzjonijiet, u fis-sistema taʼ affarijiet li ġejja ħajja taʼ dejjem.”
Bħalma jwiegħed Ġesù, imorru fejn imorru fid-dinja d-dixxipli tiegħu, huma jgawdu relazzjoni maʼ sħabhom Kristjani li hi iktar mill-qrib u iktar prezzjuża minn dik gawduta maʼ membri naturali tal-familja. Il-ħakkiem żagħżugħ u għani mid-dehra jitlef kemm dan il-premju u kemm dak taʼ ħajja taʼ dejjem fis-Saltna tas-sema t’Alla.
Wara dan, Ġesù jżid: “Madankollu, ħafna li huma l-ewwel se jkunu l-aħħar, u tal-aħħar l-ewwel.” X’irid ifisser?
Irid ifisser li ħafna nies li huma “l-ewwel” f’li jgawdu privileġġi reliġjużi, bħall-ħakkiem żagħżugħ u għani, m’humiex se jidħlu fis-Saltna. Se jkunu “l-aħħar.” Imma ħafna, inklużi d-dixxipli umlin taʼ Ġesù, li l-Fariżej, li jqisu lilhom infushom bħala twajbin, imaqdruhom bħala li huma “tal-aħħar”—bħala li huma nies tal-art, jew ‛am ha·’aʹrets—se jsiru “l-ewwel.” Li jsiru “l-ewwel” ifisser li se jirċievu l-privileġġ taʼ li jsiru ħakkiema sħab maʼ Kristu fis-Saltna. Mark 10:17-31; Mattew 19:16-30; Luqa 18:18-30.
▪ B’mod evidenti, ir-raġel żagħżugħ u għani liema xorta taʼ ħakkiem hu?
▪ Ġesù għala joġġezzjona għal li jiġi msejjaħ tajjeb?
▪ L-esperjenza tal-ħakkiem żagħżugħ kif turi l-periklu taʼ li wieħed ikun għani?
▪ Ġesù jwiegħed liema premji għas-segwaċi tiegħu?
▪ L-ewwel kif isiru l-aħħar, u tal-aħħar l-ewwel?