Kapitlu 98
Id-Dixxipli Jargumentaw Hekk Kif Toqrob il-Mewt taʼ Ġesù
ĠESÙ u d-dixxipli tiegħu qegħdin qrib ix-Xmara Ġordan, fejn huma jaqsmu mid-distrett tal-Perea għal ġol-Ġudea. Ħafna oħrajn qed jivvjaġġaw magħhom biex jiċċelebraw il-festa tal-Qbiż tas-sena 33 E.K., li hija bejn wieħed u ieħor ġimgħa ’l bogħod.
Ġesù qed jimxi qabel id-dixxipli, u huma jiskantaw bid-determinazzjoni qalbiena tiegħu. Ftakar li ftit ġimgħat qabel, meta Lażżru miet u Ġesù kien wasal biex imur minn Perea għall-Ġudea, Tumas inkuraġġixxa lill-oħrajn: “Ejjew immorru aħna wkoll, biex inkunu nistgħu mmutu miegħu.” Ftakar ukoll li wara li Ġesù rxoxta lil Lażżru, is-Sinedriju għamlu pjanijiet biex joqtlu lil Ġesù. Mhux taʼ b’xejn li biżaʼ jaħkem lid-dixxipli huma u deħlin fil-Ġudea mill-ġdid.
Biex iħejjihom għal dak li ġej, Ġesù jieħu lit-12 fil-ġenb privatament u jgħidilhom: “Hawn aħna, navvanzaw ’il fuq lejn Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-qassisin ewlenin u l-iskribi, u se jikkundannawh għall-mewt u se jagħtuh f’idejn irġiel tal-ġnus, u se jiddieħqu bih u se jobżqu fuqu u jifflaġellawh u joqtluh, imma tlett ijiem wara hu se jqum.”
Din hi t-tielet darba f’dawn l-aħħar xhur li Ġesù kellem lid-dixxipli tiegħu dwar il-mewt u l-irxoxt tiegħu. U għalkemm huma jisimgħuh, ma jifhmux. Forsi dan jiġri għaliex huma jemmnu li s-saltna taʼ Iżrael se tiġi restawrata fuq l-art, u huma qed iħarsu ’l quddiem lejn li jgawdu glorja u unur f’saltna tal-art maʼ Kristu.
Fost dawk li qed jivvjaġġaw lejn il-festa tal-Qbiż hemm Salomè, omm l-appostli Ġakbu u Ġwanni. Ġesù lil dawn l-irġiel sejħilhom “Ulied ir-Ragħad,” bla dubju minħabba fid-dispożizzjonijiet ferventi tagħhom. Għal xi żmien dawn it-tnejn ħaddnu l-ambizzjoni taʼ li jkunu prominenti fis-Saltna taʼ Kristu, u x-xewqat tagħhom għarrfuhom lil ommhom. Hi issa tersaq lejn Ġesù għan-nom tagħhom, tmil quddiemu, u titlob favur.
“Xi trid?” jistaqsi Ġesù.
Hi twieġeb: “Agħtini kelma li dawn iż-żewġ uliedi jistgħu jpoġġu bil-qiegħda, wieħed fuq il-leminija tiegħek u wieħed fuq ix-xellug tiegħek, fis-saltna tiegħek.”
Billi jirrealizza minfejn ġejja t-talba, Ġesù jgħid lil Ġakbu u lil Ġwanni: “Intom ma tafux x’qegħdin titolbu. Tistgħu intom tixorbu l-kies li dalwaqt nixrob jien?”
“Nistgħu,” jwieġbu huma. Saħansitra għalkemm Ġesù għadu kif qalilhom li hu qed jiffaċċja persekuzzjoni terribbli u finalment il-mewt, huma mid-dehra ma jifhmux li hu dan ried ifisser bil-“kies” li dalwaqt se jixrob.
Madankollu, Ġesù jgħidilhom: “Intom tabilħaqq se tixorbu l-kies tiegħi, imma dan li tpoġġu bil-qiegħda fuq il-leminija tiegħi u fuq ix-xellug tiegħi mhux tiegħi biex nagħtih, imma jappartjeni lil dawk li għalihom ġie mħejji minn Missieri.”
Maż-żmien il-għaxar appostli l-oħra jsiru jafu x’talbu Ġakbu u Ġwanni, u jirrabjaw. Forsi Ġakbu u Ġwanni kienu prominenti fl-argument li qam qabel fost l-appostli dwar min hu l-akbar. It-talba preżenti tagħhom tirrivela li huma m’applikawx il-parir li Ġesù ta dwar din il-kwistjoni. B’dispjaċir, ix-xewqa tagħhom għal prominenza għadha qawwija.
Mela biex jittratta maʼ din l-aħħar kontroversja u r-rieda ħażina li ħolqot, Ġesù jsejjaħ lit-12 flimkien. Billi jagħtihom parir bl-imħabba, hu jgħid: “Intom tafu li l-ħakkiema tal-ġnus jagħmluha taʼ mulejiet fuqhom u n-nies il-kbar jaħkmu b’awtorità fuqhom. Dan mhux il-mod fostkom; imma kulmin irid isir kbir fostkom irid ikun il-ministru tagħkom, u kulmin irid ikun l-ewwel fostkom irid ikun l-irsir tagħkom.”
Ġesù poġġa l-eżempju li għandhom jimitaw, bħalma jispjega: “Sewwa sew bħalma Bin il-bniedem ġie, mhux biex ikun imministrat, imma biex jimministra u biex jagħti ruħu bħala rahan bi bdil għal ħafna.” Ġesù mhux biss imministra għan-nom taʼ oħrajn imma se jagħmel hekk sal-punt taʼ li jmut għall-umanità! Id-dixxipli għandhom bżonn dik l-istess dispożizzjoni bħal taʼ Kristu taʼ li jixtiequ li jaqdu minflok li jiġu moqdijin u li jkunu wieħed inqas minflok li jkunu f’pożizzjoni taʼ prominenza. Mattew 20:17-28; Mark 3:17; 9:33-37; 10:32-45; Luqa 18:31-34; Ġwann 11:16.
▪ Il-biżaʼ għala issa jaħkem lid-dixxipli?
▪ Ġesù kif iħejji lid-dixxipli tiegħu għal dak li ġej?
▪ Liema talba ssir lil Ġesù, u l-appostli l-oħra kif jiġu effettwati?
▪ Ġesù kif jittratta mal-problema fost l-appostli tiegħu?