Kapitlu 102
Id-Daħla Trijonfanti taʼ Kristu Ġewwa Ġerusalemm
IL-GĦADA fil-għodu, il-Ħadd, 9 taʼ Nisan, Ġesù jitlaq mill-Betanja mad-dixxipli tiegħu u jgħaddi minn fuq il-Għolja taż-Żebbuġ lejn Ġerusalemm. Fi żmien qasir, huma jaslu ħdejn Betfaġe, li qiegħda fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ. Ġesù jgħid lil tnejn mid-dixxipli tiegħu:
“Kunu fi triqitkom ġewwa r-raħal li tistgħu taraw quddiemkom, u minnufih se ssibu ħmara marbuta, u felu magħha; ħolluhom u ġibuhomli. U jekk xi ħadd igħidilkom xi ħaġa, tridu tgħidu, ‘Il-Mulej għandu bżonnhom.’ Malli tgħidu hekk hu immedjatament se jibgħathom ’il quddiem.”
Għalkemm għall-ewwel id-dixxipli ma jindunawx li dan il-kliem għandu x’jaqsam mat-twettieq tal-profezija tal-Bibbja, iktar tard jirrealizzaw li hekk hu. Il-profeta Żakkarija bassar li s-Sultan imwiegħed t’Alla kellu jidħol ġewwa Ġerusalemm riekeb fuq ħmar, iva, “saħansitra fuq annimal adult l-iben taʼ ħmara.” Is-Sultan Salamun bl-istess mod kien rikeb għad-dlik tiegħu fuq in-nisel taʼ ħmara.
Meta d-dixxipli jidħlu f’Betfaġe u jieħdu l-felu u lil ommu, xi wħud minn dawk li qegħdin hemm igħidu: “X’qed tagħmlu?” Imma meta jintqalilhom li l-annimali huma għall-Mulej, l-irġiel iħallu lid-dixxipli jeħduhom lil Ġesù. Id-dixxipli jpoġġu l-ilbiesi taʼ fuq tagħhom fuq il-ħmara u fuq in-nisel tagħha, imma Ġesù jirkeb fuq il-felu.
Hekk kif Ġesù jirkeb lejn Ġerusalemm, il-folla tibqaʼ tiżdied. Il-biċċa l-kbira tan-nies jifirxu l-ibiesi taʼ fuq tagħhom fit-triq, waqt li oħrajn jaqtgħu friegħi mis-siġar u jifirxuhom. “Imbierek hu l-Wieħed li ġej bħala s-Sultan f’isem Jehovah!” igħajtu huma. “Paċi fis-sema, u glorja fl-ogħla postijiet!”
Xi Fariżej fil-folla ma jiħdux pjaċir b’dawn il-proklamazzjonijiet u jilmentaw maʼ Ġesù: “Għalliem, ċanfar lid-dixxipli tiegħek.” Imma Ġesù jwieġeb: “Ingħidilkom, Kieku dawn baqgħu siekta, il-ġebel kien igħajjat.”
Hekk kif Ġesù jersaq iktar qrib lejn Ġerusalemm, iħares lejn il-belt u jibda jibki minħabba fiha, billi jgħid: “Kieku int, saħansitra int, kont għaraft f’dan il-jum l-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-paċi—imma issa ġew moħbijin minn għajnejk.” Għad-diżubbidjenza tagħha minn jeddha, Ġerusalemm trid tħallas il-prezz, bħalma jbassar Ġesù:
“L-egħdewwa tiegħek [ir-Rumani taħt il-Ġeneral Titus] se jibnu madwarek fortifikazzjoni bi zkuk ippuntati u se jdawruk u jnikktuk minn kull naħa, u se jsabbtu lilek u lil uliedek li hemm ġo fik mal-art, u m’humiex se jħallu ġebla fuq ġebla fik.” Din il-qerda taʼ Ġerusalemm imbassra minn Ġesù fil-fatt isseħħ 37 sena wara, fis-sena 70 E.K.
Ftit ġimgħat biss qabel, ħafna minn dawk li hemm fil-folla kienu raw lil Ġesù jirxoxta lil Lażżru. Issa dawn jibqgħu jitkellmu maʼ oħrajn dwar dak il-miraklu. Mela meta Ġesù jidħol f’Ġerusalemm, il-belt kollha tiġi mqanqla. “Dan min hu?” iridu jkunu jafu n-nies. U l-folol jibqgħu jgħidu: “Dan hu l-profeta Ġesù, minn Nazzaret tal-Galilija!” Billi jaraw x’qed jiġri, il-Fariżej jilmentaw li ma huma qed jaslu assolutament imkien, għax, bħalma jgħidu huma: “Id-dinja marret warajh.”
Bħalma hi d-drawwa tiegħu meta jżur Ġerusalemm, Ġesù jmur fit-tempju biex igħallem. Hemmhekk jiġu għandu l-għomja u z-zopop, u hu jfejjaqhom! Meta l-qassisin ewlenin u l-iskribi jaraw l-affarijiet tal-għaġeb li Ġesù qed jagħmel u meta jisimgħu lis-subien fit-tempju jgħajtu, “Salva, nitolbu, lil bin David!” huma jirrabjaw. “Tismaʼ dawn x’qegħdin igħidu?” huma jipprotestaw.
“Iva,” iwieġeb Ġesù. “Qatt ma qrajtuh dan, ‘Minn fomm it-trabi u l-imreddgħin int fornejt it-tifħir’?”
Ġesù jkompli jgħallem, u jħares madwaru lejn l-affarijiet kollha li hemm fit-tempju. Malajr isir tard. Mela hu jitlaq, flimkien mat-12, u jivvjaġġa lura l-madwar żewġ mili lejn Betanja. Hemmhekk hu jqattaʼ l-lejl tal-Ħadd, x’aktarx fid-dar tal-ħabib tiegħu Lażżru. Mattew 21:1-11, 14-17; Mark 11:1-11; Luqa 19:29-44; Ġwann 12:12-19; Żakkarija 9:9.
▪ Ġesù meta u b’liema mod jidħol f’Ġerusalemm bħala Sultan?
▪ Kemm huwa vitali li l-folol ifaħħru lil Ġesù?
▪ Ġesù kif iħossu meta jara lil Ġerusalemm, u liema profezija jlissen?
▪ X’jiġri meta Ġesù jmur fit-tempju?