Kapitlu 103
Iżur it-Tempju Mill-Ġdid
ĠESÙ u d-dixxipli tiegħu għadhom kif qattgħu t-tielet lejl tagħhom f’Betanja mindu waslu minn Ġeriko. Issa d-dawl taʼ kmieni fil-għodu tat-Tnejn, 10 taʼ Nisan, isibhom diġà fit-triq lejn Ġerusalemm. Ġesù għandu l-ġuħ. Mela meta jilmaħ siġra tat-tin bil-weraq, hu jersaq lejha biex jara jekk jistax ikun fiha xi ftit tin.
Il-weraq tas-siġra ħarġu kmieni fuqha barra mill-istaġun, ladarba l-istaġun tat-tin ma jiġix qabel Ġunju, u issa qegħdin biss fl-aħħar taʼ Marzu. Madankollu, Ġesù b’mod evidenti jħoss li ladarba l-weraq huma bikrin, it-tin jistaʼ wkoll ikun bikri. Imma jiddiżappunta ruħu. Il-weraq taw lis-siġra dehra qarrieqa. Ġesù mbagħad jisħet lis-siġra, billi jgħid: “Ħalli ħadd ma jiekol frott minnek iżjed għal dejjem.” Il-konsegwenzi tal-azzjoni taʼ Ġesù u s-sinjifikat tagħha jsiru magħrufin il-għada fil-għodu.
Billi jibqgħu sejrin, Ġesù u d-dixxipli tiegħu malajr jaslu Ġerusalemm. Hu jmur fit-tempju, li hu kien spezzjona n-nofs taʼ nhar taʼ qabel. Illum, madankollu, hu jaġixxi, sewwa sew bħalma kien għamel tliet snin qabel meta ġie għall-festa tal-Qbiż fis-sena 30 E.K. Ġesù jixħet ’il barra lil dawk li qed ibigħu u jixtru fit-tempju u jaqleb l-imwejjed tas-sarrafa tal-flus u l-bankijiet taʼ dawk li qed ibigħu l-ħamiem. Hu ma jippermettix saħansitra li xi ħadd iġorr xi għodda fit-tempju.
Billi jikkundanna lil dawk li qed isarrfu l-flus u jbigħu l-annimali fit-tempju, hu jgħid: “M’huwiex miktub, ‘Dari se tissejjaħ dar taʼ talb għall-ġnus kollha’? Imma intom għamiltuha għar tal-ħallelin.” Huma ħallelin għaliex jitolbu prezzijiet eċċessivi mingħand dawk li m’għandhomx alternattiva ħlief li jixtru mingħandhom l-annimali meħtieġa għas-sagrifiċċju. Mela Ġesù jħares lejn dan in-negozju bħala forma taʼ ħtif jew serq.
Meta l-qassisin ewlenin, l-iskribi, u l-uħud prinċipali tan-nies jisimgħu x’għamel Ġesù, huma jerġgħu jfittxu mod kif jistgħu joqtluh. Huma b’hekk juru li m’humiex nies li jirriformaw ruħhom. Iżda, huma ma jafux kif jeqirdu lil Ġesù, ladarba n-nies kollha jibqgħu jduru miegħu biex jisimgħuh.
Minbarra l-Lhud naturali, xi Ġentili wkoll ġew għall-festa tal-Qbiż. Dawn huma prożeliti, li jfisser li huma kkonvertew għar-reliġjon tal-Lhud. Ċerti Griegi, b’mod evidenti prożeliti, issa javviċinaw lil Filippu u jitolbu biex jaraw lil Ġesù. Filippu jmur għand Indrì, forsi biex jistaqsi jekk laqgħa bħal din tkunx xierqa. Ġesù mid-dehra għadu fit-tempju, fejn il-Griegi jistgħu jarawh.
Ġesù jaf li għad baqagħlu biss ftit jiem taʼ ħajja, u għalhekk bi ħlewwa hu jagħti stampa tas-sitwazzjoni tiegħu: “Is-siegħa ġiet biex Bin il-bniedem jiġi gglorifikat. Verissmu ngħidilkom, Jekk żerriegħa tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, tibqaʼ biss żerriegħa waħda; imma jekk tmut, imbagħad tagħti ħafna frott.”
Żerriegħa waħda tal-qamħ għandha valur żgħir. Iżda, x’jiġri jekk titpoġġa fil-ħamrija u “tmut,” tispiċċa l-ħajja tagħha bħala żerriegħa? Hi mbagħad tinbet u maż-żmien tikber f’zokk li jipproduċi bosta u bosta żrieragħ tal-qamħ. Bl-istess mod, Ġesù huwa biss raġel wieħed perfett. Imma jekk imut fidil lejn Alla, hu jsir il-mezz li bih tingħata ħajja taʼ dejjem lil dawk lejali li għandhom l-istess spirtu li hu għandu taʼ li jissagrifikaw lilhom infushom. B’hekk, Ġesù jgħid: “Dak li jgħożż lil ruħu jeqridha, imma dak li jobgħod lil ruħu f’din id-dinja se jissalvagwardjaha għall-ħajja taʼ dejjem.”
Ġesù ovvjament mhux qed jaħseb biss dwaru nnifsu, għax hu mbagħad jispjega: “Jekk xi ħadd irid jimministrali, ħallih isegwini, u fejn inkun jien hemm ukoll se jkun il-ministru tiegħi. Jekk xi ħadd irid jimministrali, il-Missier se jonorah.” Xi premju meraviljuż għal min isegwi lil Ġesù u jimministralu! Huwa l-premju taʼ li tiġi onorat mill-Missier biex tissieħeb maʼ Kristu fis-Saltna.
Billi jaħseb dwar it-tbatija kbira u l-mewt agonizzanti li tistennieh, Ġesù jkompli: “Issa ruħi nkwetata, u x’se ngħid? Missier, salvani minn din is-siegħa.” Imqar dak li hemm jistennieh setaʼ jiġi evitat! Imma, le, bħalma jgħid hu: “Għalhekk ġejt għal din is-siegħa.” Ġesù huwa fi qbil mal-arranġament kollu t’Alla, inkluża l-mewt b’sagrifiċċju tiegħu stess. Mattew 21:12, 13, 18, 19; Mark 11:12-18; Luqa 19:45-48; Ġwann 12:20-27.
▪ Ġesù għala jistenna li jsib it-tin għalkemm m’huwiex l-istaġun tagħhom?
▪ Ġesù lil dawk li qed ibigħu fit-tempju għala jsejħilhom “ħallelin”?
▪ Ġesù b’liema mod hu bħal żerriegħa tal-qamħ li tmut?
▪ Ġesù kif iħossu dwar it-tbatija u l-mewt li qed jistennewh?