Kapitlu 104
Il-Leħen t’Alla Jinstemaʼ t-Tielet Darba
WAQT li qiegħed fit-tempju, Ġesù qiegħed isofri l-agunija minħabba fil-mewt li dalwaqt irid jiffaċċja. It-tħassib prinċipali tiegħu hu kif se jiġi effettwat l-isem tajjeb taʼ Missieru, u għalhekk hu jitlob: “Missier, igglorifika lil ismek.”
Minnufih, leħen setgħan jiġi mis-smewwiet, u jgħid: “Jien kemm igglorifikajtu u se nerġaʼ nigglorifikah.”
Il-folla li hemm bil-wieqfa madwaru jibqgħu mbellhin. “Anġlu kellmu,” xi wħud jibdew igħidu. Oħrajn igħidu li għamel ir-ragħad. Imma, tabilħaqq, huwa Alla Jehovah li tkellem! Din, madankollu, mhix l-ewwel darba li l-leħen t’Alla nstemaʼ f’konnessjoni maʼ Ġesù.
Fil-magħmudija taʼ Ġesù, tliet snin u nofs qabel, Ġwanni l-Għammied semaʼ lil Alla jgħid dwar Ġesù: “Dan hu Ibni, il-maħbub, li lilu jien approvajt.” Imbagħad, xi żmien wara l-festa tal-Qbiż taʼ qabel, meta Ġesù ġie ttrasfigurat quddiemhom, Ġakbu, Ġwanni, u Pietru semgħu lil Alla jiddikjara: “Dan hu Ibni, il-maħbub, li lilu jien approvajt; isimgħu minnu.” U issa, għat-tielet darba, nhar il-10 taʼ Nisan, erbat ijiem qabel il-mewt taʼ Ġesù, il-leħen t’Alla jerġaʼ jinstemaʼ mill-bnedmin. Imma din id-darba Jehovah jitkellem hekk biex kotriet sħaħ ikunu jistgħu jisimgħuh!
Ġesù jispjega: “Dan il-leħen seħħ, mhux minħabba fija, imma minħabba fikom.” Il-leħen jagħti prova li Ġesù huwa tabilħaqq l-Iben t’Alla, il-Messija mwiegħed. “Issa hemm iġġudikar taʼ din id-dinja,” ikompli Ġesù, “issa l-ħakkiem taʼ din id-dinja se jintefaʼ ’l barra.” Il-korsa lejali tal-ħajja taʼ Ġesù, fil-fatt, tikkonferma li Satana x-Xitan, il-ħakkiem tad-dinja, jixraqlu li “jintefaʼ ’l barra,” maqtul.
Billi jiġbed l-attenzjoni lejn il-konsegwenzi tal-mewt tiegħu li riesqa, Ġesù jgħid: “U madankollu jien, jekk niġi merfugħ ’il fuq mill-art, se niġbed lejja lil bnedmin taʼ kull xorta.” Il-mewt tiegħu bl-ebda mod m’hi telfa, għax permezz tagħha, hu se jiġbed lil oħrajn lejh sabiex ikunu jistgħu jgawdu ħajja taʼ dejjem.
Imma l-folla tipprotesta: “Aħna smajna mil-Liġi li l-Kristu jibqaʼ għal dejjem; u kif inhu li int tgħid li Bin il-bniedem irid jiġi merfugħ ’il fuq? Min hu dan Bin il-bniedem?”
Minkejja l-evidenza kollha, inkluż il-fatt li semgħu l-leħen t’Alla stess, il-biċċa l-kbira ma jemmnux li Ġesù huwa l-veru Bin il-bniedem, il-Messija mwiegħed. Iżda, bħalma għamel sitt xhur qabel fil-Festa tal-Egħrejjex, Ġesù jerġaʼ jitkellem dwaru nnifsu bħala “d-dawl” u jinkuraġġixxi lil dawk li qed jisimgħuh: “Waqt li għandkom id-dawl, eżerċitaw fidi fid-dawl, sabiex issiru wlied id-dawl.” Wara li jgħid dawn l-affarijiet, Ġesù jitlaq ’il hemm u jistaħba, b’mod evidenti għaliex ħajtu hi fil-periklu.
In-nuqqas taʼ fidi tal-Lhud f’Ġesù jwettaq il-kliem taʼ Isaija dwar li l-‘għajnejn tan-nies jiġu mogħmija u l-qlub tagħhom jiġu mwebbsin sabiex huma ma jdurux lura biex jiġu mfejqin.’ Isaija ra fil-viżjoni l-qrati tas-sema taʼ Jehovah, inkluż Ġesù fil-glorja pri-umana tiegħu flimkien maʼ Jehovah. Iżda, il-Lhud, bi twettieq taʼ dak li kiteb Isaija, b’ras iebsa jirrifjutaw l-evidenza li dan il-Wieħed hu l-Ħellies imwiegħed tagħhom.
Mill-banda l-oħra, ħafna saħansitra mill-ħakkiema (b’mod evidenti membri tal-qorti għolja Lhudija, is-Sinedriju) attwalment ipoġġu fidi f’Ġesù. Nikodemu u Ġużeppi taʼ Arimatea huma tnejn minn dawn il-ħakkiema. Imma l-ħakkiema, tal-inqas għalissa, jonqsu milli jiddikjaraw il-fidi tagħhom, għax jibżgħu li jiġu mkeċċijin mill-pożizzjonijiet tagħhom fis-sinagoga. Uħud bħal dawn lanqas jafu x’qed jitilfu!
Ġesù jissokta jinnota: “Min ipoġġi fidi fija jpoġġi fidi, mhux fija biss, imma fih ukoll li bagħatni; u min jilmaħni jilmaħ ukoll lil dak li bagħatni. . . . Imma jekk xi ħadd jismaʼ l-qwiel tiegħi u ma jżommhomx, jien ma niġġudikahx; għax jien ġejt, mhux biex niġġudika lid-dinja, imma biex insalva lid-dinja. . . . Il-kelma li għedt jien hija dik li se tiġġudikah fl-aħħar jum.”
L-imħabba li Jehovah għandu għad-dinja taʼ bnedmin qanqlitu biex jibgħat lil Ġesù sabiex dawk li jpoġġu fidi fih jistgħu jiġu salvati. Jekk in-nies jiġux salvati se jiġi ddeterminat minn jekk jobdux l-affarijiet li Alla istruwixxa lil Ġesù biex jitkellem. Il-ġudizzju se jseħħ “fl-aħħar jum,” matul ir-Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu.
Ġesù jikkonkludi billi jgħid: “Ma tkellimtx minn jeddi, imma l-Missier innifsu li bagħatni tani kmandament dwar x’irrid ingħid u x’irrid nitkellem. Ukoll, jien naf li l-kmandament tiegħu jfisser ħajja taʼ dejjem. Għalhekk l-affarijiet li ngħid jien, sewwa sew kif il-Missier qalhomli, hekk ingħidhom.” Ġwann 12:28-50; 19:38, 39; Mattew 3:17; 17:5; Isaija 6:1, 8-10.
▪ Leħen Alla f’liema tliet okkażjonijiet instemaʼ f’konnessjoni maʼ Ġesù?
▪ Il-profeta Isaija kif ra l-glorja taʼ Ġesù?
▪ Min huma l-ħakkiema li jpoġġu fidi f’Ġesù, imma għala ma jistqarruhx fil-beraħ?
▪ X’inhu “l-aħħar jum,” u n-nies fuq liema bażi se jiġu ġġudikati f’dak iż-żmien?