Kapitlu 105
Il-Bidu taʼ Jum Kruċjali
META Ġesù jitlaq minn Ġerusalemm it-Tnejn fil-għaxija, hu jmur lura lejn Betanja min-niżla tal-Lvant tal-Muntanja taż-Żebbuġ. Jumejn mill-ministeru finali tiegħu f’Ġerusalemm għaddew. Ġesù bla dubju jerġaʼ jqattaʼ l-lejl mal-ħabib tiegħu Lażżru. Mindu wasal minn Ġeriko l-Ġimgħa, dan hu r-rabaʼ lejl li hu qattaʼ f’Betanja.
Issa, kmieni t-Tlieta fil-għodu, il-11 taʼ Nisan, hu u d-dixxipli tiegħu jerġgħu jerħulha għal għonq it-triq. Dan fil-fatt se jkun jum kruċjali tal-ministeru taʼ Ġesù, l-iktar li kellu x’jagħmel fih s’issa. Huwa l-aħħar jum li fih hu jidher fit-tempju. U huwa l-aħħar jum tal-ministeru pubbliku tiegħu qabel il-ġuri u l-esekuzzjoni tiegħu.
Ġesù u d-dixxipli tiegħu jaqbdu l-istess rotta minn fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ lejn Ġerusalemm. Matul it-triq minn Betanja, Pietru jinnota s-siġra li Ġesù seħet il-jum taʼ qabel fil-għodu. “Rabbi, ara!” hu jesklama, “is-siġra tat-tin li int sħett nixfet.”
Imma Ġesù għala qatilha s-siġra? Hu jindika għala meta jissokta jgħid: “Verament ingħidilkom, Kieku mqar ikollkom fidi u ma tiddubitawx, mhux biss se tagħmlu dak li jien għamilt lis-siġra tat-tin, imma wkoll jekk tgħidu lil din il-muntanja [il-Muntanja taż-Żebbuġ li fuqha qegħdin bil-wieqfa], ‘Kun merfugħa u mixħuta ġewwa l-baħar,’ hekk se jiġri. U l-affarijiet kollha li tistaqsu għalihom fit-talb, billi jkollkom fidi, se tirċevuhom.”
Mela billi jnixxef is-siġra, Ġesù qed jipprovdi għad-dixxipli tiegħu lezzjoni ċara dwar il-ħtieġa tagħhom li jkollhom fidi f’Alla. Bħalma jistqarr hu: “L-affarijiet kollha li titolbu u tistaqsu għalihom ħa jkollkom fidi li prattikament irċevejtuhom, u se teħduhom.” X’lezzjoni importanti għalihom x’jitgħallmu, speċjalment minħabba l-provi tal-biżaʼ li dalwaqt ġejjin! Iżda, hemm konnessjoni oħra bejn it-tnixxif tas-siġra tat-tin u l-kwalità tal-fidi.
Il-ġens taʼ Iżrael, bħal din is-siġra tat-tin, għandu dehra qarrieqa. Għalkemm il-ġens qiegħed f’relazzjoni taʼ patt m’Alla u jistaʼ jidher minn barra li qed josserva r-regolamenti tiegħu, wera li hu mingħajr fidi, nieqes minn frott tajjeb. Minħabba n-nuqqas taʼ fidi, qiegħed saħansitra fil-proċess taʼ li jirrifjuta lill-Iben t’Alla stess! Għalhekk, billi jnixxef is-siġra tat-tin mhix produttiva, Ġesù qed juri b’mod ċar ħafna x’se jkun ir-riżultat finali għal dan il-ġens bla frott, bla fidi.
Fi żmien qasir, Ġesù u d-dixxipli tiegħu jidħlu f’Ġerusalemm, u bħalma hi d-drawwa tagħhom, imorru fit-tempju, fejn Ġesù jibda jgħallem. Il-qassisin ewlenin u x-xjuħ tal-poplu, bla dubju billi għandhom f’moħħhom l-aġir taʼ Ġesù l-jum taʼ qabel kontra s-sarrafa tal-flus, jisfidawh: “B’liema awtorità tagħmel dawn l-affarijiet? U min tak din l-awtorità?”
Bi tweġiba Ġesù jgħid: “Jien, ukoll, se nistaqsikom ħaġa waħda. Jekk tgħiduhieli, jien ukoll se ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dawn l-affarijiet: Il-magħmudija minn Ġwanni, minn liema sors kienet? Mis-sema jew mill-bnedmin?”
Il-qassisin u x-xjuħ jibdew jikkonsultaw bejniethom dwar kif se jwieġbu. “Jekk ingħidu, ‘Mis-sema,’ se jgħidilna, ‘Għala, mela, m’emmintuhx?’ Jekk, iżda, ngħidu, ‘Mill-bnedmin,’ għandna l-folla x’nibżgħu minnha, għax huma lkoll iżommu lil Ġwanni bħala profeta.”
Il-mexxejja ma jafux x’iridu jwieġbu. Mela huma jwieġbu lil Ġesù: “Ma nafux.”
Ġesù, mill-banda l-oħra, jgħid: “Lanqas ma ngħidilkom jien b’liema awtorità nagħmel dawn l-affarijiet.” Mattew 21:19-27; Mark 11:19-33; Luqa 20:1-8.
▪ X’inhu sinjifikanti dwar it-Tlieta, 11 taʼ Nisan?
▪ Ġesù liema lezzjonijiet jipprovdi meta jnixxef is-siġra tat-tin?
▪ Ġesù kif iwieġeb lil dawk li jistaqsu b’liema awtorità hu jagħmel l-affarijiet?