Kapitlu 106
Mikxufin b’Tixbihat dwar il-Għalqa tad-Dwieli
ĠESÙ qiegħed fit-tempju. Għadu kif ħawwad lill-mexxejja reliġjużi li riedu jkunu jafu bl-awtorità taʼ min hu kien qed jagħmel l-affarijiet. Qabel ma jirkupraw mill-konfużjoni tagħhom, Ġesù jistaqsi: “X’taħsbu intom?” U mbagħad permezz taʼ tixbieha, hu jurihom liema xorta taʼ persuni tassew huma.
“Wieħed raġel kellu żewġt itfal,” jirrakkonta Ġesù. “Waqt li mar fuq l-ewwel wieħed, qallu, ‘Tfajjel, mur aħdem illum fil-għalqa tad-dwieli.’ Bi tweġiba dan qal, ‘Hekk se nagħmel, sinjur,’ imma ma ħariġx. Waqt li avviċina lit-tieni wieħed, hu qal l-istess. Bi tweġiba dan qal, ‘Mhux se nagħmel hekk.’ Wara ddispjaċih u ħareġ. Liema minnhom it-tnejn għamel ir-rieda taʼ missieru?” jistaqsi Ġesù.
“Tal-aħħar,” iwieġbu dawk li qed jopponuh.
Mela Ġesù jispjega: “Verament ingħidilkom li l-kolletturi tat-taxxa u n-nisa żienja sejrin qabilkom fis-saltna t’Alla.” Il-kolletturi tat-taxxa u n-nisa żienja, fil-fatt, fil-bidu rrifjutaw li jaqdu lil Alla. Imma mbagħad, bħat-tieni tifel, huma nidmu u fil-fatt qdewh. Mill-banda l-oħra, il-mexxejja reliġjużi, bħall-ewwel tifel, qalu li qed jaqdu lil Alla, iżda, bħalma jinnota Ġesù: “Ġwanni [l-Għammied] ġie għandkom b’mod taʼ tjieba, imma intom m’emmintuhx. Madankollu, il-kolletturi tat-taxxa u n-nisa żienja emmnuh, u intom, għalkemm rajtu dan, ma ddispjaċikomx wara biex temmnuh.”
Ġesù mbagħad juri li n-nuqqas taʼ dawk il-mexxejja reliġjużi m’huwiex biss li ma qdewx lil Alla. Le, imma huma fil-fatt nies ħżiena ferm, mill-agħar. “Kien hemm raġel, sid id-dar,” jirrakkonta Ġesù, “li ħawwel għalqa tad-dwieli u poġġa ċint madwarha u ħaffer magħsar tal-inbid fiha u bena torri, u krieha lil xi bdiewa, u vvjaġġa barra l-pajjiż. Meta l-istaġun tal-frott wasal, hu bagħat lill-irsiera tiegħu għand il-bdiewa biex iġibu l-frott tiegħu. Madankollu, il-bdiewa qabdu lill-irsiera, u lil wieħed sawtuh, lil ieħor qatluh, lil ieħor ħaġġruh. Jerġaʼ bagħat irsiera oħra, iktar minn tal-ewwel, imma huma għamlu l-istess lil dawn.”
L-“irsiera” huma l-profeti li “sid id-dar,” Alla Jehovah, bagħat għand “il-bdiewa” tal-“għalqa tad-dwieli” tiegħu. Dawn il-bdiewa huma rappreżentanti minn taʼ quddiem tal-ġens taʼ Iżrael, liema ġens il-Bibbja tidentifikah bħala l-“għalqa tad-dwieli” t’Alla.
Ladarba “l-bdiewa” jittrattaw ħażin u joqtlu lill-“irsiera,” Ġesù jispjega: “Fl-aħħar [sid il-għalqa tad-dwieli] bagħat lil ibnu għandhom, billi qal, ‘Huma se jirrispettawh lil ibni.’ Malli raw lill-iben il-bdiewa qalu bejniethom, ‘Dan hu l-werriet; ejjew, ejja noqtluh u nieħdu l-wirt tiegħu!’ Mela ħaduh u tefgħuh ’il barra mill-għalqa tad-dwieli u qatluh.”
Issa, billi jindirizza lill-mexxejja reliġjużi, Ġesù jistaqsi: “Meta jiġi sid il-għalqa tad-dwieli, x’se jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa?”
“Peress li huma mill-agħar,” iwieġbu l-mexxejja reliġjużi, “hu se jġib qerda mill-agħar fuqhom u se jikri l-għalqa tad-dwieli tiegħu lil bdiewa oħra, li se jagħtuh il-frott meta jasal żmienu.”
Huma b’hekk bla ma jafu jġibu ġudizzju fuqhom infushom, ladarba huma inklużi fost il-“bdiewa” Iżraeliti tal-“għalqa tad-dwieli” taʼ Jehovah tal-ġens taʼ Iżrael. Il-frott li Jehovah jistenna mingħand dawn il-bdiewa huwa fidi f’Ibnu, il-Messija veru. Talli ma pprovdewx dan il-frott, Ġesù jwissi: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura [f’Salm 118:22, 23], ‘Il-ġebla li l-bennejja rrifjutaw hi dik li saret il-ġebla tal-għareb ewlenija. Mingħand Jehovah seħħ dan, u huwa meraviljuż f’għajnejna’? Dan hu għala ngħidilkom, Is-saltna t’Alla se tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jipproduċi l-frott tagħha. Ukoll, il-persuna li taqaʼ fuq din il-ġebla se titfarrak. Inkwantu għal kulmin taqaʼ fuqu, se titħnu.”
L-iskribi u l-qassisin ewlenin issa jirrikonoxxu li Ġesù qed jitkellem dwarhom, u huma jridu joqtlu lilu, il-“werriet” bi dritt. Mela l-privileġġ taʼ li jkunu ħakkiema fis-Saltna t’Alla se jittieħed mingħandhom bħala ġens, u se jiġi maħluq ġens ġdid taʼ ‘bdiewa tal-għalqa tad-dwieli,’ ġens li se jipproduċi frott xieraq.
Peress li l-mexxejja reliġjużi jibżgħu mill-folol, li lil Ġesù jqisuh profeta, huma ma jippruvawx joqtluh f’din l-okkażjoni. Mattew 21:28-46; Mark 12:1-12; Luqa 20:9-19; Isaija 5:1-7.
▪ Iż-żewġt itfal fl-ewwel tixbieha taʼ Ġesù lil min jirrappreżentaw?
▪ Fit-tieni tixbieha, min huma rrappreżentati minn “sid id-dar,” il-“għalqa tad-dwieli,” “il-bdiewa,” l-“irsiera,” u “l-werriet”?
▪ X’se jsir mill-‘bdiewa tal-għalqa tad-dwieli,’ u min se jieħu posthom?