Kapitlu 119
Meħud Għand Anna, Imbagħad Għand Qajfa
ĠESÙ, marbut bħala kriminal komuni, jittieħed għand Anna, dak li qabel kien qassis il-kbir influwenti. Anna kien qassis il-kbir meta Ġesù bħala ġuvnott taʼ 12-il sena bellah lill-għalliema rabbiniċi fit-tempju. Diversi wlied taʼ Anna iktar tard qdew bħala qassis il-kbir, u bħalissa ħatnu Qajfa għandu dik il-pożizzjoni.
Ġesù x’aktarx li l-ewwel jittieħed lejn id-dar taʼ Anna minħabba l-prominenza għal żmien twil taʼ dak il-qassis ewlieni fil-ħajja reliġjuża Lhudija. Din il-waqfa biex jara lil Anna tippermetti l-ħin biex il-Qassis il-Kbir Qajfa jlaqqaʼ lis-Sinedriju, il-qorti għolja Lhudija taʼ 71 membru, kif ukoll biex jiġbor xhieda foloz.
Il-qassis ewlieni Anna issa jinterroga lil Ġesù dwar id-dixxipli tiegħu u dwar it-tagħlim tiegħu. Madankollu, Ġesù jgħid bi tweġiba: “Jien kellimt lid-dinja pubblikament. Dejjem għallimt f’sinagoga u fit-tempju, fejn il-Lhud kollha jiġu flimkien; u ma tkellimt xejn bil-moħbi. Għala tistaqsu lili? Staqsu lil dawk li semgħu x’għedtilhom. Ara! Dawn jafu x’għedt jien.”
Meta jgħid dan, wieħed mill-uffiċjali li qiegħed bil-wieqfa ħdejn Ġesù jagħtih daqqa taʼ ħarta fuq wiċċu, u jgħid: “Hekk twieġbu int lill-qassis ewlieni?”
“Jekk tkellimt ħażin,” iwieġeb Ġesù, “agħti xiehda dwar il-ħażin; imma jekk sewwa, għala ssawwatni?” Wara din il-botta u risposta, Anna jibgħat lil Ġesù lil hemm marbut għand Qajfa.
Sa dan il-ħin il-qassisin ewlenin kollha u l-irġiel ixjeħ u l-iskribi, iva, is-Sinedriju kollu, qed jibdew jinġemgħu. Il-post fejn jiltaqgħu huwa b’mod evidenti d-dar taʼ Qajfa. Li tagħmel ġuri bħal dan fil-lejl taʼ qabel il-festa tal-Qbiż huwa b’mod ċar kontra l-liġi Lhudija. Imma dan ma jżommx lill-mexxejja reliġjużi milli jwettqu l-għan mill-agħar tagħhom.
Ġimgħat qabel, meta Ġesù rxoxta lil Lażżru, is-Sinedriju kienu diġà qatgħuha bejniethom li hu jrid imut. U jumejn biss qabel, nhar l-Erbgħa, l-awtoritajiet reliġjużi ftiehmu flimkien biex jaħtfu lil Ġesù b’mod makakk biex joqtluh. Aħseb ftit, hu kien ġie attwalment ikkundannat qabel il-ġuri tiegħu!
Qegħdin isiru sforzi issa biex jinstabu xhieda li se jipprovdu evidenza falza sabiex jinbena każ kontra Ġesù. Madankollu, ma jistgħux jinstabu xhieda li jaqblu fix-xiehda tagħhom. Eventwalment, jiġu ’l quddiem tnejn u jgħidu: “Smajnieh igħid, ‘Se nġarraf dan it-tempju li kien magħmul bl-idejn u fi tlett ijiem se nibni ieħor mhux magħmul bl-idejn.’”
“Ma tgħid xejn bi tweġiba?” jistaqsi Qajfa. “X’inhu dan li dawn qed jixhdu kontra tiegħek?” Imma Ġesù jibqaʼ sieket. Saħansitra f’din l-akkuża falza, għall-umiljazzjoni tas-Sinedriju, ix-xhieda ma jistgħux jagħmlu l-istejjer tagħhom jaqblu. Mela l-qassis il-kbir jipprova tattika oħra.
Qajfa jaf kemm il-Lhud huma sensittivi dwar kulmin isostni li hu l-Iben t’Alla stess. F’żewġ okkażjonijiet iktar bikrin, huma kienu ttimbraw bil-għaġla lil Ġesù bħala wieħed midgħi li jistħoqqlu l-mewt, ladarba kienu mmaġinaw b’mod żballjat li hu kien qed isostni li kien ugwali m’Alla. Qajfa issa b’makakkerija jitlob: “B’Alla l-ħaj inqiegħdek taħt ħalfa biex tgħid jekk intix il-Kristu l-Iben t’Alla!”
Hu x’inhu dak li jaħsbu l-Lhud, Ġesù tassew hu l-Iben t’Alla. U li jibqaʼ sieket setaʼ jiġi interpretat bħala ċaħda taʼ li hu l-Kristu. Mela Ġesù bil-kuraġġ iwieġeb: “Jien hu; u intom se taraw lil Bin il-bniedem bil-qiegħda fuq il-leminija tal-qawwa u ġej mas-sħab tas-sema.”
Meta jismaʼ dan, Qajfa, f’wirja drammatika, iċarrat ilbiesu u jesklama: “Huwa dagħa! X’għandna bżonn iktar taʼ xhieda? Ara! Issa smajtuha d-dagħwa. X’inhi l-opinjoni tagħkom?”
“Ħaqqu l-mewt,” jipproklama s-Sinedriju. Imbagħad jibdew jiddieħku bih, u jgħidu ħafna affarijiet b’dagħwa kontra tiegħu. Huma jagħtuh bil-ħarta u jobżqulu f’wiċċu. Oħrajn igħattulu wiċċu kollu u jagħtuh daqqiet taʼ ponn u jgħidu b’mod sarkastiku: “Ipprofetizzalna, ja Kristu. Min laqtek?” Din l-imġieba llegali taʼ abbuż isseħħ matul il-ġuri taʼ bil-lejl. Mattew 26:57-68; 26:3, 4; Mark 14:53-65; Luqa 22:54, 63-65; Ġwann 18:13-24; 11:45-53; 10:31-39; 5:16-18.
▪ Ġesù fejn jittieħed l-ewwel, u x’jiġrilu hemmhekk?
▪ Ġesù fejn jittieħed imbagħad, u għal liema għan?
▪ Qajfa kif għandu l-ħila jġiegħel lis-Sinedriju jipproklama li Ġesù jistħoqqlu l-mewt?
▪ Liema mġieba llegali taʼ abbuż isseħħ waqt il-ġuri?