Kapitlu 129
Iktar Dehriet
ID-DIXXIPLI għadhom qalbhom imnikkta. Huma ma jifhmux is-sinjifikat tal-qabar vojt, lanqas ma jemmnu r-rapporti tan-nisa. Mela iktar tard f’jum il-Ħadd, Kleopas u dixxiplu ieħor jitilqu minn Ġerusalemm għal Emmaws, distanza taʼ xi sebaʼ mili.
Fit-triq, waqt li qed jiddiskutu l-ġrajjiet tal-ġurnata, wieħed barrani jingħaqad magħhom. “X’inhuma dawn il-kwistjonijiet li qegħdin tiddibattu bejnietkom intom u mexjin?” jistaqsi hu.
Id-dixxipli jieqfu, wiċċhom ’l isfel lejn l-art, u Kleopas iwieġeb: “Qiegħed inti toqgħod bħala barrani għalik waħdek f’Ġerusalemm u għalhekk ma tafhomx l-affarijiet li ġraw fiha f’dawn il-jiem?” Hu jistaqsi: “Liema affarijiet?”
“L-affarijiet li għandhom x’jaqsmu maʼ Ġesù n-Nazzarenu,” jwieġbu huma. “Il-qassisin ewlenin u l-ħakkiema tagħna tawh biex jingħata s-sentenza tal-mewt u sammruh maʼ zokk. Imma aħna konna qed nittamaw li dan ir-raġel kien il-wieħed iddestinat li jeħles lil Iżrael.”
Kleopas u sieħbu jispjegaw il-ġrajjiet tal-għaġeb tal-ġurnata—ir-rapport dwar id-dehra sopranaturali taʼ xi anġli u l-qabar vojt—imma mbagħad jistqarru l-istagħġib tagħhom rigward it-tifsira taʼ dawn l-affarijiet. Il-barrani jċanfarhom: “O wħud bla sens u tqal fil-qalb biex temmnu l-affarijiet kollha li tkellmu l-profeti! Ma kienx neċessarju li l-Kristu jsofri dawn l-affarijiet u li jidħol fil-glorja tiegħu?” Hu mbagħad jinterpretalhom xi passaġġi mit-test sagru li jappartjenu lill-Kristu.
Fl-aħħarnett huma jaslu qrib Emmaws, u l-barrani jagħmel taʼ bir-ruħu li se jibqaʼ sejjer. Billi riedu jisimgħu iktar, id-dixxipli jħeġġu: “Oqgħod magħna, għaliex dalwaqt isir fil-għaxija.” Mela hu joqgħod hemm għal ikla. Hekk kif igħid talba u jaqsam il-ħobż u jnewwilulhom, huma jagħrfu li hu tassew Ġesù f’ġisem uman immaterjalizzat. Imma mbagħad hu jisparixxi.
Issa huma jifhmu kif il-barrani kien jaf daqshekk! “Ma kinux qlubna mkebbsin,” jistaqsu huma, “hu u jkellimna fit-triq, hu u jiftħilna għalkollox l-Iskrittura?” Mingħajr dewmien, huma jqumu u jgħaġġlu t-triq kollha lura lejn Ġerusalemm, fejn isibu lill-appostli u lil dawk miġmugħin magħhom. Qabel ma Kleopas u sieħbu jistgħu jgħidu xi ħaġa, l-oħrajn jirrapportaw b’eċċitament: “Fil-fatt il-Mulej ġie mqajjem u hu deher lil Xmun!” Imbagħad it-tnejn jirrakkontaw kif Ġesù deher ukoll lilhom. Dan jagħmilhom erbaʼ darbiet matul il-ġurnata li hu deher lil uħud differenti mid-dixxipli tiegħu.
Ġesù f’daqqa waħda jagħmel il-ħames dehra. Għalkemm il-bibien huma msakkrin minħabba li d-dixxipli jibżgħu mil-Lhud, hu jidħol, billi joqgħod bil-wieqfa dritt f’nofshom, u jgħid: “Jalla jkollkom il-paċi.” Huma mwerwrin, billi jimmaġinaw li qed jaraw xi spirtu. Mela, billi jispjega li hu mhux xi apparizzjoni, Ġesù jgħid: “Għala intom inkwetati, u għala jqumu xi dubji fi qlubkom? Araw idejja u saqajja, li huwa jien innifsi; ħossuni u araw, għaliex spirtu m’għandux laħam u għadam sewwa sew bħalma qegħdin tilmħu li għandi jien.” Xorta waħda, huma ma jridux jemmnu.
Biex igħinhom jifhmu li hu verament Ġesù, hu jistaqsi: “Għandkom xi ħaġa hemm x’niekol?” Wara li jaċċetta biċċa ħuta mixwija u jikolha, hu jgħid: “Dawn huma l-kelmiet tiegħi li jien għedtilkom waqt li kont għadni magħkom [qabel il-mewt tiegħi], li l-affarijiet kollha miktubin fil-liġi taʼ Mosè u fil-Profeti u fis-Salmi dwari jridu jiġu mwettqin.”
Billi jkompli dak li, fil-fatt, jammonta għal studju tal-Bibbja magħhom, Ġesù jgħallem: “B’dan il-mod huwa miktub li l-Kristu kellu jbati u jqum minn fost l-imwiet fit-tielet jum, u fuq il-bażi taʼ ismu l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet kellha tiġi ppridkata fil-ġnus kollha—billi tibdew minn Ġerusalemm, intom tridu tkunu xhieda taʼ dawn l-affarijiet.”
Għal xi raġuni Tumas mhux preżenti għal din il-laqgħa vitali tal-Ħadd fil-għaxija. Mela matul il-jiem li jsegwu, l-oħrajn bil-ferħ igħidulu: “Aħna rajna lill-Mulej!”
“Jekk ma narax f’idejh il-marka taʼ l-imsiemer,” jipprotesta Tumas, “u ma ndaħħalx sebgħi ġol-marka taʼ l-imsiemer u ma ndaħħalx idi ġo ġenbu, jien ċertament m’iniex se nemmen.”
Sewwa, tmint ijiem wara d-dixxipli qed jiltaqgħu mill-ġdid ġewwa. Din id-darba Tumas qiegħed magħhom. Għalkemm il-bibien huma msakkrin, Ġesù għal darb’oħra qiegħed bil-wieqfa f’nofshom u jgħid: “Jalla jkollkom il-paċi.” Imbagħad, billi jdur lejn Tumas, hu jistieden: “Poġġi sebgħek hawn, u ara jdejja, u aqbad idek u daħħalha ġo ġenbi, u ieqaf milli tkun ma temminx.”
“Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” jesklama Tumas.
“Għaliex rajtni emmint?” jistaqsi Ġesù. “Henjin huma dawk li ma jarawx u madankollu jemmnu.” Luqa 24:11, 13-48; Ġwann 20:19-29.
▪ Wieħed barrani liema mistoqsijiet jagħmel lil żewġ dixxipli fit-triq lejn Emmaws?
▪ Il-barrani x’igħid li jġiegħel lill-qlub tad-dixxipli jaqbdu ġewwa fihom?
▪ Id-dixxipli kif jindunaw min hu l-barrani?
▪ Meta Kleopas u sieħbu jmorru lura lejn Ġerusalemm, liema rapport eċċitanti jisimgħu?
▪ Ġesù liema ħames dehra jagħmel lid-dixxipli tiegħu, u x’jiġri matulha?
▪ X’jiġri tmint ijiem wara l-ħames dehra taʼ Ġesù, u Tumas kif jiġi fl-aħħarnett konvint li Ġesù huwa ħaj?