Kapitlu 130
Ħdejn il-Baħar tal-Galilija
L-APPOSTLI issa jmorru lura lejn il-Galilija, bħalma Ġesù kien qalilhom iktar kmieni biex jagħmlu. Imma m’humiex ċerti dwar x’għandhom jagħmlu hemmhekk. Wara ftit tal-ħin, Pietru jgħid lil Tumas, Natanjel, Ġakbu u ħuh Ġwanni, u żewġ appostli oħra: “Jien sejjer nistad.”
“Aħna wkoll ġejjin miegħek,” iwieġbu s-sitta.
Matul il-lejl kollu, huma ma jaqbdu xejn. Madankollu, hekk kif qed jisbaħ, Ġesù jidher fuq ix-xatt, imma l-appostli ma jindunawx li hu Ġesù. Hu jgħajjat: “Tfal żgħar, m’għandkom xejn x’tieklu, hux hekk?”
“Le!” jgħajtu huma lura min-naħa l-oħra tal-ilma.
“Itfgħu x-xibka fuq in-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u se ssibu xi ftit,” igħid hu. U meta jagħmlu hekk, ma jkunux jistgħu jtellgħu x-xibka tagħhom minħabba l-ħut kollu.
“Huwa l-Mulej!” igħajjat Ġwanni.
Malli jismaʼ dan, Pietru jħażżem il-libsa taʼ fuq tiegħu, għax hu neżaʼ ħwejġu, u jinxteħet fil-baħar. Hu mbagħad igħum madwar mitt jarda lejn ix-xatt. L-appostli l-oħra jsegwu fid-dgħajsa ċkejkna, ikaxkru x-xibka mimlija ħut.
Meta jaslu fuq ix-xatt, hemm nar jaqbad bil-faħam, bil-ħut mixħut fuqu, u hemm il-ħobż. “Ġibu ftit mill-ħut li għadkom kif qbadtu issa,” jgħid Ġesù. Pietru jitlaʼ fuq id-dgħajsa u jiġbed ix-xibka għal fuq ix-xatt. Fiha 153 ħuta kbira!
“Ejjew, ħudu l-kolazzjon tagħkom,” jistieden Ġesù.
Ħadd minnhom m’għandu l-kuraġġ jistaqsi, “Min int?” għaliex kollha kemm huma jafu li huwa Ġesù. Din hi s-sebaʼ dehra tiegħu wara l-irxoxt, u t-tielet waħda tiegħu lill-appostli bħala grupp. Hu issa jservi l-kolazzjon, billi jagħti lil kull wieħed minnhom ftit ħobż u ħut.
Meta jispiċċaw jieklu, Ġesù, x’aktarx billi jħares lejn il-qabda kbira taʼ ħut, jistaqsi lil Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int iktar minn dawn?” Bla dubju hu jrid ifisser, Għandek int qalbek marbuta iktar man-negozju tas-sajd milli max-xogħol li ħejjejtek biex tagħmel?
“Int taf li jien għandi affezzjoni għalik,” iwieġeb Pietru.
“Itmaʼ l-ħrief tiegħi,” jwieġeb Ġesù.
Jerġaʼ, it-tieni darba, hu jistaqsi: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?”
“Iva, Mulej, int taf li jien għandi affezzjoni għalik,” Pietru jwieġeb bil-ħerqa.
“Irgħa n-ngħaġ ċkejknin tiegħi,” Ġesù jikkmanda mill-ġdid.
Imbagħad, jerġaʼ t-tielet darba, hu jistaqsi: “Xmun bin Ġwanni, għandek int affezzjoni għalija?”
Issa Pietru huwa mnikket. Forsi qed jaħseb jekk Ġesù hux jiddubita l-lealtà tiegħu. Wara kollox, meta Ġesù dan l-aħħar għadda ġuri għall-ħajja tiegħu, Pietru tliet darbiet ċaħad li jafu. Mela Pietru jgħid: “Mulej, inti taf l-affarijiet kollha; inti konxju li jien għandi affezzjoni għalik.”
“Itmaʼ n-ngħaġ ċkejknin tiegħi,” Ġesù jikkmanda t-tielet darba.
Ġesù b’hekk juża lil Pietru bħala xempju biex idaħħal f’moħħ l-oħrajn ix-xogħol li hu jridhom jagħmlu. Hu dalwaqt se jitlaq minn fuq l-art, u hu jridhom jieħdu t-tmexxija f’li jimministraw lil dawk li se jiġu mdaħħlin fil-maqjel tan-ngħaġ t’Alla.
Sewwa sew bħalma Ġesù kien marbut u maqtul għaliex għamel ix-xogħol li Alla nkarigah biex jagħmel, hekk ukoll, hu issa jirrivela, Pietru se jsofri esperjenza simili. “Meta int kont iżgħar,” igħidlu Ġesù, “int kont tħażżem lilek innifsek u tmur fejn trid. Imma meta tixjieħ int se tmidd idejk u raġel ieħor se jħażżmek u jieħdok fejn ma tixtieqx.” Minkejja l-mewta taʼ martri li qed tistenna lil Pietru, Ġesù jħeġġu: “Ibqaʼ segwini.”
Malli jdur lura, Pietru jara lil Ġwanni u jistaqsi: “Mulej, dan ir-raġel x’se jagħmel?”
“Jekk hi r-rieda tiegħi għalih li jibqaʼ sakemm niġi jien,” iwieġeb Ġesù, “dak x’inhu affarik? Int ibqaʼ segwini.” Dan il-kliem taʼ Ġesù ġie mifhum minn ħafna mid-dixxipli li jfisser li l-appostlu Ġwanni qatt ma kien se jmut. Madankollu, bħalma spjega iktar tard l-appostlu Ġwanni, Ġesù ma qalx li hu ma kienx se jmut, imma Ġesù sempliċement qal: “Jekk hi r-rieda tiegħi għalih li jibqaʼ sakemm niġi jien, dak x’inhu affarik?”
Ġwanni iktar tard għamel ukoll din l-osservazzjoni sinjifikanti: “Hemm, fil-fatt, ħafna affarijiet oħra wkoll li Ġesù għamel, li, kieku qatt kellhom jinkitbu sa l-iċken dettal, nissuponi, id-dinja nfisha ma setgħetx tesaʼ r-rombli miktubin.” Ġwann 21:1-25; Mattew 26:32; 28:7, 10.
▪ Liema ħaġa turi li l-appostli m’humiex ċerti dwar x’għandhom jagħmlu fil-Galilija?
▪ L-appostli kif jagħrfuh lil Ġesù ħdejn il-Baħar tal-Galilija?
▪ Ġesù issa kemm-il darba deher mill-irxoxt tiegħu ’l hawn?
▪ Ġesù kif jenfasizza x’iridhom jagħmlu lill-appostli?
▪ Ġesù kif jindika l-manjiera li biha Pietru se jmut?
▪ Liema kummenti taʼ Ġesù dwar Ġwanni kienu mifhuma ħażin minn ħafna mid-dixxipli?