Kapitlu 131
Dehriet tal-Aħħar, u Pentekoste tat-33 E.K.
F’XI ŻMIEN Ġesù jagħmel arranġamenti biex il-11-il appostlu kollha tiegħu jiltaqgħu miegħu fuq muntanja fil-Galilija. Dixxipli oħra mid-dehra jintqalilhom dwar il-laqgħa, u total taʼ iktar minn 500 persuna jinġemgħu. Liema konvenzjoni hienja din turi li tkun meta Ġesù jidher u jibda jgħallimhom!
Fost affarijiet oħra, Ġesù jispjega lill-folla mdaqqsa li Alla tah l-awtorità kollha fis-sema u fuq l-art. “Morru għalhekk,” hu jħeġġeġ, “u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, billi tgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-ispirtu qaddis, billi tgħallmuhom josservaw l-affarijiet kollha li kkmandajtkom.”
Aħseb ftit dwar dan! Irġiel, nisa, u tfal ilkoll jirċievu dan l-istess inkarigu biex jieħdu sehem fix-xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli. Dawk li jopponu se jippruvaw iwaqqfu l-ippridkar u t-tagħlim tagħhom, imma Ġesù jfarraġhom: “Ħares! jiena magħkom il-jiem kollha sal-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet.” Ġesù jibqaʼ mas-segwaċi tiegħu permezz tal-ispirtu qaddis, biex igħinhom iwettqu l-ministeru tagħhom.
B’kollox, Ġesù juri lilu nnifsu ħaj lid-dixxipli tiegħu għal perijodu taʼ 40 jum wara l-irxoxt tiegħu. Matul dawn id-dehriet hu jgħallimhom dwar is-Saltna t’Alla, u jenfasizza x’inhuma r-responsabbiltajiet tagħhom bħala d-dixxipli tiegħu. Darba minnhom hu saħansitra jidher lil Ġakbu, ħuh mill-omm, u jikkonvinċi lil dan li darba ma kienx jemmen li Hu tabilħaqq il-Kristu.
Waqt li l-appostli għadhom fil-Galilija, Ġesù b’mod evidenti jgħidilhom biex imorru lura lejn Ġerusalemm. Meta jiltaqaʼ magħhom hemmhekk, hu jgħidilhom: “Tirtirawx minn Ġerusalemm, imma komplu stennew lil dak li l-Missier wiegħed, li dwaru intom smajtu mingħandi; għaliex Ġwanni, tabilħaqq, għammed bl-ilma, imma intom se tkunu mgħammdin fl-ispirtu qaddis mhux ħafna jiem wara dan.”
Iktar tard Ġesù jerġaʼ jiltaqaʼ mal-appostli tiegħu u joħroġhom ’il barra mill-belt ’il bogħod sa Betanja, li tinsab fuq in-niżla tal-Lvant tal-Muntanja taż-Żebbuġ. Ħaġa tal-iskantament, minkejja dak kollu li qal dwar li hu dalwaqt jitlaq lejn is-sema, huma għadhom jemmnu li s-Saltna tiegħu se tiġi stabbilita fuq l-art. Mela huma jistħarrġu: “Mulej, qed tirrestawra s-saltna lil Iżrael f’dan iż-żmien?”
Minflok ma jerġaʼ jipprova jikkorreġi l-ideat żballjati tagħhom, Ġesù jwieġeb sempliċement: “Ma jappartjenix lilkom li tiksbu għarfien taż-żminijiet jew l-istaġuni li l-Missier qiegħed fil-ġurisdizzjoni tiegħu nnifsu.” Imbagħad, billi jenfasizza għal darb’oħra x-xogħol li huma jridu jagħmlu, hu jgħid: “Intom se tirċievu qawwa meta l-ispirtu qaddis jasal fuqkom, u se tkunu xhieda tiegħi kemm f’Ġerusalemm u kemm fil-Ġudea kollha u fis-Samarija u sal-iktar parti ’l bogħod tal-art.”
Waqt li għadhom qed iħarsu, Ġesù jibda tielaʼ lejn is-sema, u mbagħad sħaba tgħattih u ma jibqgħux jarawh. Wara li jiddematerjalizza l-ġisem tal-laħam tiegħu, hu jitlaʼ fis-sema bħala persuna spirtu. Hekk kif il-11 jibqgħu ċċassati lejn is-sema, 2 irġiel b’ilbies abjad jidhru maġenbhom. Dawn l-anġli mmaterjalizzati jistaqsu: “Irġiel tal-Galilija, għala qegħdin bil-wieqfa tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù li kien milqugħ ’il fuq mingħandkom fis-sema se jiġi hekk bl-istess manjiera bħalma lmaħtuh intom sejjer fis-sema.”
Il-manjiera kif Ġesù għadu kif telaq mill-art hi mingħajr daqq taʼ trombi fil-pubbliku u bis-segwaċi leali tiegħu biss josservaw. Mela hu se jiġi lura bl-istess manjiera—mingħajr daqq taʼ trombi fil-pubbliku u bis-segwaċi leali tiegħu biss jindunaw li ġie lura u li beda l-preżenza tiegħu fil-qawwa tas-Saltna.
L-appostli issa jinżlu minn fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ, jaqsmu l-Wied taʼ Kidron, u jidħlu f’Ġerusalemm għal darb’oħra. Huma jibqgħu hemm b’ubbidjenza lejn il-kmand taʼ Ġesù. Għaxart ijiem wara, fil-Festa Lhudija taʼ Pentekoste tas-sena 33 E.K., waqt li madwar 120 mid-dixxipli jinġabru f’kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm, ħoss sewwa sew bħal dak taʼ żiffa qawwija li tvenven f’daqqa waħda timla d-dar kollha. Ilsna bħal li kieku tan-nar isiru viżibbli, u wieħed ipoġġi fuq kull wieħed minn dawk preżenti, u d-dixxipli kollha jibdew jitkellmu b’lingwi differenti. Dan hu t-tiswib tal-ispirtu qaddis li Ġesù kien wiegħed! Mattew 28:16-20; Luqa 24:49-52; 1 Korintin 15:5-7; Atti 1:3-15; 2:1-4.
▪ Ġesù lil min jagħti struzzjonijiet tat-tluq fuq muntanja fil-Galilija, u x’inhuma dawn l-istruzzjonijiet?
▪ Ġesù liema faraġ jipprovdi għad-dixxipli tiegħu, u hu kif se jibqaʼ magħhom?
▪ Ġesù kemm idum jidher lid-dixxipli tiegħu wara l-irxoxt tiegħu, u x’igħallimhom?
▪ Ġesù jidher lil liema persuna li b’mod evidenti ma kienx dixxiplu qabel il-mewt taʼ Ġesù?
▪ Ġesù jkollu liema żewġ laqgħat finali mal-appostli tiegħu, u x’jiġri f’dawn l-okkażjonijiet?
▪ Kif inhu li Ġesù se jiġi lura bl-istess manjiera kif jitlaq?
▪ X’jiġri nhar Pentekoste tas-sena 33 E.K.?