Kapitlu 133
Ġesù Jtemm Kulma Jitlob Alla
META s-Sultan Gwerrier Ġesù Kristu jneħħi min-nofs lil Satana u lid-dinja tiegħu li mhix taʼ tjieba, x’raġuni għal ferħ se jkun hemm! Ir-Renju taʼ Elf Sena taʼ paċi taʼ Ġesù jibda sa fl-aħħar!
Taħt id-direzzjoni taʼ Ġesù u tas-slaten imseħbin tiegħu, dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon se jnaddfu l-ħerba li se tħalli dik il-gwerra taʼ tjieba. X’aktarx li dawk li jibqgħu ħajjin fuq l-art se jkollhom it-tfal ukoll għal xi żmien, u dawn se jieħdu sehem fix-xogħol sabiħ ferm taʼ li jikkultivaw l-art u jagħmluha ġnien bħal park taʼ ġmiel kbir.
Maż-żmien Ġesù se jqajjem lil miljuni bla għadd mill-oqbra tagħhom biex igawdu din il-Ġenna tal-art sabiħa. Hu dan se jagħmlu fi twettieq tal-garanzija tiegħu stess: “Ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha fl-oqbra tal-mafkar se . . . joħorġu.”
Fost dawk li lilhom Ġesù jirxoxta se jkun hemm dak li qabel kien raġel ħażin u li miet maġenbu fuq iz-zokk tat-tortura. Ftakar li Ġesù wiegħdu: “Verament ingħidlek illum, Int se tkun miegħi fil-Ġenna.” Le, dak ir-raġel mhux se jittieħed fis-sema biex jaħkem bħala sultan maʼ Ġesù, u lanqas ma sejjer Ġesù jerġaʼ jsir bniedem u jgħix fuq l-art magħmula Ġenna miegħu. Minflok, Ġesù se jkun maʼ dak li qabel kien raġel ħażin fis-sens taʼ li Hu se jirxoxtah għall-ħajja fil-Ġenna tal-art u se jara li xi ħadd se jieħu ħsieb il-ħtiġijiet tiegħu, kemm fiżiċi u kemm spiritwali, kif inhu muri fil-paġna li jmiss.
Aħseb ftit dwar dan! Taħt l-attenzjoni taʼ mħabba taʼ Ġesù, il-familja umana kollha—dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon, in-nisel tagħhom, u l-eluf taʼ miljuni taʼ mejtin irxoxtati li jobduh—se jikbru għall-perfezzjoni umana. Jehovah, permezz tal-Iben irjali tiegħu, Ġesù Kristu, se jgħammar spiritwalment mal-umanità. “U,” bħalma jgħid il-leħen li Ġwanni samaʼ mis-sema, “[hu] se jimsaħ kull demgħa minn għajnejhom, u l-mewt ma tkunx iżjed, u la l-għali u la l-biki u lanqas l-uġigħ ma jkunu iżjed.” Ebda persuna fuq l-art ma se tbati jew tkun marida.
Sat-tmiem tar-Renju taʼ Elf Sena taʼ Ġesù, is-sitwazzjoni se tkun eżatt kif Alla riedha li tkun oriġinalment meta qal lill-ewwel par uman, Adam u Eva, biex jimmoltiplikaw u jimlew l-art. Iva, l-art se tkun mimlija b’razza taʼ tjieba taʼ bnedmin perfetti. Dan isir għaliex il-benefiċċji tas-sagrifiċċju taʼ rahan taʼ Ġesù se jkunu ġew applikati għal kulħadd. Il-mewt minħabba d-dnub taʼ Adam mhix se tkun iktar!
B’hekk, Ġesù se jkun wettaq dak kollu li Jehovah talbu. Għalhekk, fit-tmiem tal-elf sena, hu se jgħaddi s-Saltna u l-familja umana pperfezzjonata f’idejn Missieru. Alla mbagħad se jeħles lil Satana u lid-demonji tiegħu mill-abbiss taʼ inattività bħall-mewt. Għal liema għan?
Sewwa, sat-tmiem tal-elf sena, il-biċċa l-kbira minn dawk li jkunu qed igħixu fil-Ġenna tal-art se jkunu wħud irxoxtati li qatt ma kellhom il-fidi tagħhom ittestjata. Qabel ma mietu, huma qatt ma kienu jafu bil-wegħdi t’Alla u għalhekk ma setgħux juru fidi fihom. Imbagħad, wara li ġew irxoxtati u mgħallmin il-veritajiet tal-Bibbja, kien faċli għalihom fil-Ġenna tal-art, mingħajr ebda oppożizzjoni, li jaqdu lil Alla. Imma jekk Satana jingħata l-opportunità li jipprova jwaqqafhom milli jkomplu jaqdu lil Alla, se juru li huma leali taħt prova? Biex tiġi solvuta din il-mistoqsija, Satana se jiġi meħlus.
Ir-rivelazzjoni mogħtija lil Ġwanni tirrivela li wara r-Renju taʼ Elf Sena taʼ Ġesù, Satana se jirnexxilu jdawwar lil numru mhux determinat taʼ nies lil hinn milli jaqdu ’l Alla. Imma mbagħad, meta t-test finali jkun spiċċa, Satana, id-demonji tiegħu, u dawk kollha li lilhom hu jirnexxilu jiżżvija se jiġu meqrudin għal dejjem. Mill-banda l-oħra, l-uħud leali li jibqgħu ħajjin u li jkunu ġew ittestjati bis-sħiħ se jibqgħu jgħixu biex igawdu l-barkiet taʼ Missierhom tas-sema matul l-eternità kollha.
Biċ-ċar, Ġesù kellu, u se jkompli jkollu, rwol vitali f’li jwettaq il-għanijiet glorjużi t’Alla. X’futur grandjuż aħna nistgħu ngawdu bħala riżultat taʼ dak kollu li hu jwettaq bħala s-Sultan kbir tas-sema t’Alla. Iżda, ma nistgħux ninsew dak kollu li hu għamel waqt li kien bniedem.
Ġesù minn qalbu ġie fuq l-art u għallimna dwar Missieru. Iktar minn hekk hu wera bl-eżempju tiegħu l-kwalitajiet prezzjużi t’Alla. Qlubna jitqanqlu meta nikkunsidraw il-kuraġġ u l-irġulija sublimi tiegħu, il-għerf tiegħu li m’hawnx daqsu, l-abbiltà kbira tiegħu bħala għalliem, it-tmexxija tiegħu bla biżaʼ, u l-mogħdrija tenera u l-empatija tiegħu. Meta niftakru kemm sofra b’mod li ma jistax jiġi deskritt biex iforni r-rahan, li bih biss nistgħu aħna niksbu l-ħajja, ċertament li qlubna jitqanqlu b’apprezzament lejh!
Verament, xi bniedem rajna f’dan l-istudju tal-ħajja taʼ Ġesù! Il-kobor tiegħu huwa ovvju u tal-għaġeb. Niġu mqanqlin biex nidwu l-kliem tal-gvernatur Ruman Ponzju Pilatu: “Ħares! Ir-raġel!” Iva, tabilħaqq, “Ir-raġel,” l-aqwa bniedem li qatt għex!
Billi aħna naċċettaw il-provvediment tas-sagrifiċċju taʼ rahan tiegħu, it-tagħbija tad-dnub u l-mewt li writna mingħand Adam tistaʼ titneħħa minn fuqna, u Ġesù jistaʼ jsir il-“Missier Etern” tagħna. Dawk kollha li jridu jiksbu ħajja taʼ dejjem iridu jieħdu għarfien mhux biss dwar Alla imma wkoll dwar Ibnu, Ġesù Kristu. Jalla l-qari u l-istudju minnek taʼ dan il-ktieb igħinuk f’li tieħu għarfien bħal dan li jagħti l-ħajja!
1 Ġwann 2:17; 1:7; Ġwann 5:28, 29; 3:16; 17:3; 19:5; Luqa 23:43; Ġenesi 1:28; 1 Korintin 15:24-28; Rivelazzjoni 20:1-3, 6-10; 21:3, 4; Isaija 9:6.
▪ X’se jkun il-privileġġ hieni taʼ dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon u tat-tfal tagħhom?
▪ Min se jgawdi l-Ġenna tal-art minbarra dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon u t-tfal tagħhom, u Ġesù f’liema sens se jkun magħhom?
▪ X’se tkun is-sitwazzjoni fit-tmiem tal-elf sena, u Ġesù x’se jagħmel f’dak iż-żmien?
▪ Satana għala se jinħeles mill-abbiss, u x’se jiġri eventwalment lilu u lil dawk kollha li jsegwuh?
▪ Ġesù kif jistaʼ jsir il-“Missier Etern” tagħna?
Tixtieq int iktar tagħrif
jew studju tal-Bibbja fid-dar b’xejn?
Ikteb lil Watch Tower fl-indirizz xieraq hawn taħt.