Aħbarijiet tas-Saltna Nru. 34
Għala Hija l-Ħajja Daqshekk Mimlija Problemi?
Hija possibbli ġenna ħielsa mill-inkwiet?
PROBLEMI SERJI JMORRU GĦALL-AGĦAR—GĦALA?
In-nies minn dejjem kellhom problemi. Għalkemm ħafna ħasbu li t-teknoloġija moderna setgħet issolvihom, problemi serji sejrin għall-agħar.
Il-Kriminalità: Ftit huma dawk li jħossuhom fis-sigurtà meta jimxu fit-toroq jew saħansitra meta jkunu bi kwiethom fi djarhom stess. F’pajjiż Ewropew, kważi persuna minn kull tlieta sfat vittma taʼ kriminalità f’sena riċenti.
L-Ambjent: It-tniġġis taʼ l-arja, l-art, u l-ilma huwa mifrux iktar u iktar. Fi ġnus li qegħdin jiżviluppaw, kwart tan-nies m’għandhomx aċċess għal ilma nadif.
Il-Faqar: Hemm iktar nies foqra u bil-ġuħ minn qatt qabel. Iktar minn 90 fil-mija tan-nies f’xi artijiet jgħixu fil-faqar; 30 fil-mija tan-nies li huma kapaċi għax-xogħol, madwar 800 miljun, jinsabu bla xogħol jew m’għandhomx xogħol biżżejjed—u n-numri qegħdin jiżdiedu.
Il-Ġuħ: Saħansitra jekk int innifsek għandek biżżejjed x’tiekol, miljuni li dejjem jiżdiedu m’għandhomx. F’pajjiżi sotto-żviluppati, kull sena minn taʼ l-inqas 13-il miljun ruħ, il-biċċa l-kbira minnhom tfal, imutu mill-effetti tal-ġuħ.
Il-Gwerra: Mijiet t’eluf ġew maqtulin fi vjolenza etnika riċenti. U fis-seklu 20, il-gwerer qatlu ħafna iktar minn mitt miljun ruħ.
Problemi Oħrajn: Maʼ dan t’hawn fuq, żid it-tkissir tal-familji li sejjer għall-agħar, iktar ommijiet m’humiex miżżewġin, żjieda f’nies bla djar, abbuż taʼ drogi mifrux maʼ kullimkien, immoralità bla kontroll. Sewwa qal wieħed li kien membru tal-kabinett taʼ l-Istati Uniti: “Hemm sempliċement bosta sinjali taʼ . . . ċivilizzazzjoni li tħassret.” F’perijodu riċenti taʼ 30 sena, il-popolazzjoni taʼ l-Istati Uniti żdiedet b’41 fil-mija, imma l-kriminalità vjolenti sparat ’il fuq għal 560 fil-mija, it-twelid taʼ trabi lleġittmi għal 400 fil-mija, id-divorzji għal 300 fil-mija, ir-rata taʼ suwiċidji fost żgħażagħ taħt l-għoxrin iktar minn 200 fil-mija. Is-sitwazzjoni hija simili fi ġnus oħrajn.
Il-Problemi Għala Marru Għall-Agħar?
Il-Ħallieq tagħna jipprovdi t-tweġiba. Il-Kelma tiegħu ssejjaħ lil dawn iż-żminijiet mimlijin bil-problemi “l-aħħar jiem,” perijodu meta “żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom,” se jkunu hawn. (2 Timotew 3:1, New World Translation) L-aħħar jiem taʼ liema ħaġa? Sewwa, il-Bibbja titkellem dwar “tmiem id-dinja.”—Mattew 24:3.
Il-problemi tal-lum li dejjem jiżdiedu huma evidenza ċara li t-tmiem taʼ din is-sistema t’affarijiet huwa qrib, inkluż it-tmiem tal-ħażen u taʼ dawk li huma responsabbli għalih. (Mattew 24:3-14; 2 Timotju 3:1-5; Apokalissi 12:7-12) Dalwaqt Alla se jintervjeni u jara li l-problemi kollha tal-lum jiġu solvuti għalkollox.—Ġeremija 25:31-33; Apokalissi 19:11-21.
IR-RELIĠJONIJIET TAʼ DIN ID-DINJA FALLEW
Minflok ma jgħinu biex isolvu l-problemi tal-lum, is-sistemi reliġjużi taʼ din id-dinja jżidu magħhom. Matul il-gwerer, il-Kattoliċi joqtlu lill-Kattoliċi, il-Protestanti joqtlu lill-Protestanti—bil-miljuni. M’ilux fl-Irwanda, fejn il-biċċa l-kbira huma Kattoliċi, in-nies qatlu lil xulxin bil-mijiet t’eluf! (Ara l-istampa fuq ix-xellug.)
Kien Ġesù se jmur għall-gwerra b’xi azzarin jew sejf u joqtol lid-dixxipli tiegħu minħabba li n-nazzjonalità tagħhom kienet differenti minn tiegħu? Dażgur li le! “Min iħobb ’l Alla,” tgħid il-Bibbja, għandu “jħobb ukoll lil ħuh.” (1 Ġwann 4:20, 21) Ir-reliġjonijiet taʼ din id-dinja naqsu li jagħmlu dak. “Jistqarru li jagħrfu lil Alla, biex imbagħad bl-għemil tagħhom jiċħduh.”—Titu 1:16.
Iktar minn hekk, billi ma jżommux tassew mal-livelli taʼ moralità tal-Bibbja, ir-reliġjonijiet tad-dinja jikkontribwixxu għall-kollass morali li jaħsdek mad-dinja kollha.
Ġesù qal li tistaʼ tagħraf ir-reliġjon falza mir-reliġjon vera ‘mill-frott tagħha’—minn dak li jagħmlu l-membri tagħha. Qal ukoll: “Kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar.” (Mattew 7:15-20) Il-Kelma t’Alla tħeġġiġna biex naħarbu mir-reliġjon li tagħti frott ħażin u b’hekk tiffaċċja l-qerda.—Apokalissi 18:4.
Il-Vera Reliġjon Ma Fallietx
Il-vera reliġjon “frott tajjeb tagħmel,” speċjalment l-imħabba. (Mattew 7:17; Ġwann 13:34, 35) Liema fratellanza internazzjonali unita taʼ Kristjani tipprattika mħabba bħal din? Min huma dawk li jirrifjutaw li joqtlu lil dawk tar-reliġjon tagħhom stess jew lil xi ħaddieħor?—1 Ġwann 3:10-12.
Ix-Xhieda taʼ Jehovah għandhom ir-reputazzjoni li jagħtu dak il-“frott tajjeb.” Mal-globu kollu, f’iktar minn 230 art, “huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet.” (Isaija 2:4) L-imħabba tagħhom għan-nies hija murija wkoll mill-ubbidjenza tagħhom lejn il-kmand taʼ Kristu biex jippridkaw il-“bxara t-tajba” tas-Saltna t’Alla madwar id-dinja kollha. (Mattew 24:14) Huma jipprattikaw u jiddefendu wkoll il-morali għoljin mgħallmin fil-Bibbja.—1 Korintin 6:9-11.
Il-vera reliġjon ma fallietx. Din tidderieġi lin-nies lejn l-uniku Wieħed li kapaċi jsolvi l-problemi taʼ l-umanità. Dalwaqt dak il-Wieħed se jġib dinja kompletament ġdida. Min hu dak il-Wieħed? (Jekk jogħġbok ara l-paġna taʼ wara.)
ĠENNA ĦIELSA MILL-INKWIET HIJA ĦAĠA ĊERTA
Li kieku kont tistaʼ, ma kontx int issolvi l-problemi kollha li jifilġu lill-umanità? Dażgur li hekk kont tagħmel! Għandna aħna naħsbu li l-Ħallieq tagħna kollu mħabba, u li hu biss għandu l-qawwa u l-għerf biex isolvi l-problemi taʼ l-umanità, se jagħmel inqas minn hekk?
Il-Bibbja tirrivela li Alla se jintervjeni fl-affarijiet tal-bnedmin permezz tal-gvern tas-sema tiegħu f’idejn Ġesù Kristu. Dan se ‘jfarrak’ lill-gvernijiet korrotti fuq l-art. (Danjel 2:44; Mattew 6:9, 10) U għala? Billi jindirizza lil Alla, is-salmista jwieġeb: “Biex jagħrfu li Jaħweh hu ismek, li int waħdek l-Għoli fuq l-art kollha.”—Salm 83:18.
Meta tintemm din id-dinja, se jkun hemm min jibqaʼ ħaj? “[I]d-dinja . . . tgħaddi,” tgħid il-Bibbja, “iżda min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” ( 1 Ġwann 2:17) Dawk li jibqgħu ħajjin fejn se jgħixu għal dejjem? “Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem,” twieġeb il-Bibbja.—Salm 37:9-11, 29; Proverbji 2:21, 22.
Fid-dinja l-ġdida t’Alla, “ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew agħjat jew tbatija ma jkun hemm iżjed.” (Apokalissi 21:4) Qatt iktar kriminalità, faqar, ġuħ, mard, niket, jew mewt! Iva, saħansitra dawk mejtin se jgħixu mill-ġdid! Se jkun hemm ‘qawmien minn bejn l-imwiet.’ (Atti 24:15) U l-art infisha se tiġi mibdula f’ġenna litterali.—Isaija 35:1, 2; Luqa 23:43.
Xi rridu nagħmlu biex ingawdu l-ħajja fid-dinja l-ġdida t’Alla? Ġesù qal: “Din hi l-ħajja taʼ dejjem: li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” (Ġwann 17:3) Miljuni taʼ nies taʼ qalb onesta mad-dinja kollha qegħdin jieħdu dak l-għarfien. Dan jagħmilhom kapaċi jkampaw maʼ ħafna mill-problemi persunali tagħhom issa, imma iktar importanti, jagħtihom fiduċja sħiħa li l-problemi li huma m’għandhomx il-ħila jsolvu se jiġu rrimedjati bis-sħiħ fid-dinja l-ġdida t’Alla.
[Tagħrif f’paġna 2]
Ritratt tal-WHO minn P. Almasy
[Tagħrif f’paġna 3]
Jerden Bouman/Sipa Press