Ir-Ruħ Skond il-Bibbja
“[I]l-bniedem sar ruħ ħajja.”—ĠENESI 2:7, GĦAQDA BIBLIKA, 1984.
1. X’jeħtieġ li neżaminaw sabiex niddeterminaw dak li l-Bibbja tgħallem dwar ir-ruħ?
BĦALMA rajna, it-twemmin dwar ir-ruħ huwa bosta u varjat. Saħansitra fost dawk li jgħidu li jibbażaw it-twemmin tagħhom fuq il-Bibbja, hemm ideat li jvarjaw dwar x’inhi r-ruħ u x’jiġrilha meta mmutu. Imma l-Bibbja x’tgħallem verament dwar ir-ruħ? Biex insiru nafu, għandna bżonn neżaminaw it-tifsir tal-kliem Ebrajk u Grieg li jiġi tradott “ruħ” fil-Bibbja.
“Ruħ” Bħala Ħlejqa Ħajja
2, 3. (a) Liema kelma hija tradotta “ruħ” fl-Iskrittura Ebrajka, u x’inhi t-tifsira bażika taʼ din il-kelma? (b) Ġenesi 2:7 kif jikkonferma li l-kelma “ruħ” tistaʼ tirreferi għal persuna kollha kemm hi?
2 Il-kelma Ebrajka tradotta “ruħ” hija neʹphesh, u din tidher 754 darba fl-Iskrittura Ebrajka (spiss imsejħa t-Testment il-Qadim). Xi tfisser neʹphesh? Skond The Dictionary of Bible and Religion, din “normalment tirreferi għall-esseri ħaj intier, għall-individwu kollu kemm hu.”
3 Per eżempju, Ġenesi 2:7 (GħB 1984) jistqarr: “Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab taʼ l-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ruħ ħajja.” Innota li Adam ma kellux ruħ; hu kien ruħ—bħalma xi ħadd li jsir tabib hu tabib. Il-kelma “ruħ” allura, tistaʼ tiddeskrivi lil persuna kollha kemm hi.
4, 5. (a) Agħti eżempji li juru li l-kelma “ruħ” tirreferi għal persuna kollha kemm hi. (b) The Dictionary of Bible and Religion kif jappoġġja l-fehma li persuna hija ruħ?
4 Din il-fehma hija appoġġjata fl-Iskrittura Ebrajka kollha kemm hi, fejn insibu frażijiet bħalma huma “fil-każ li ruħ tidneb” (Levitiku 5:1, New World Translation), “kull min (“ruħ,” NW) jagħmel xi xogħol” (Levitiku 23:30), “jekk jinqabad xi ħadd li jkun seraq xi wieħed (“ruħ,” NW)” (Dewteronomju 24:7), “ruħu ġiet li tkun bla paċenzja” (Mħallfin 16:16, NW), “sakemm sa titturmentawli ruħi?” (Ġob 19:2, Karm Żammit), u “ruħi tinfena minħabba n-niket.”—Salm 119:28, KŻ.
5 F’dawn is-siltiet m’hemm ebda indikazzjoni li r-ruħ hija xi entità bħal ombra li tibqaʼ ħajja wara l-mewt. “Li wieħed jgħid fit-termini tagħna li r-‘ruħ’ taʼ xi ħadd maħbub ħallietna biex tkun mal-Mulej jew li wieħed jitkellem dwar ir-‘ruħ immortali’ hija xi ħaġa li sempliċement ma tiftiehemx fil-kultura tat-TQ [Testment il-Qadim],” jgħid The Dictionary of Bible and Religion.
6, 7. Liema kelma hija tradotta “ruħ” fl-Iskrittura Griega Kristjana, u x’inhi t-tifsira bażika taʼ din il-kelma?
6 Il-kelma tradotta “ruħ” għal iktar minn mitt darba fl-Iskrittura Griega Kristjana (spiss imsejħa t-Testment il-Ġdid) hija psy·kheʹ. Bħal neʹphesh, din il-kelma taʼ spiss tirreferi għall-persuna kollha kemm hi. Per eżempju, ikkunsidra l-istqarrijiet li ġejjin: “Qiegħed inħoss ruħi mħawwda.” (Ġwann 12:27) “Waqaʼ mbagħad il-biżaʼ fuq kulħadd (“kull ruħ,” NW).” (Atti 2:43) “Kull bniedem (“ruħ,” NW) għandu jobdi lill-awtorità taʼ fuqu.” (Rumani 13:1) “Lissnu kliem li jikkonsla lill-erwieħ dipressi.” (1 Tessalonikin 5:14, NW) “Ftit, jiġifieri tmienja biss (“tmien erwieħ,” NW), salvaw bis-saħħa taʼ l-ilma.”—1 Pietru 3:20.
7 Psy·kheʹ, bħal neʹphesh, biċ-ċar tirreferi għall-persuna kollha kemm hi. Skond l-istudjuż Nigel Turner, din il-kelma “tissinjifika dak li hu karatteristikament uman, l-individwu nnifsu, il-ġisem materjali bir-rûaḥ [spirtu] t’Alla li nefaħlu ġewwa fih. . . . L-enfasi qiegħda fuq l-individwu kollu kemm hu.”
8. L-annimali huma erwieħ? Spjega.
8 Fil-Bibbja l-kelma “ruħ” tapplika mhux biss għall-bnedmin imma anki għall-annimali. Per eżempju, waqt li jiddeskrivi l-ħolqien tal-ħlejjaq tal-baħar, Ġenesi 1:20 jgħid li Alla kkmanda: “Jiżgħed l-ilma b’kotra taʼ ħlejjaq (“erwieħ,” NW) ħajjin.” U fil-jum kreattiv taʼ wara, Alla qal: “Ħa tnissel l-art ħlejjaq ħajja (“erwieħ ħajjin,” NW) skond ġenshom: bhejjem tad-dar, annimali li jitkaxkru, u bhejjem selvaġġi skond ġenshom.” (Ġenesi 1:24; qabbel Numri 31:28, NW.) Għalhekk, “ruħ” tistaʼ tirreferi għal ħlejqa ħajja, kemm jekk bniedem u kemm jekk annimal.
“Ruħ” Bħala l-Ħajja taʼ Ħlejqa
9. (a) Liema tifsira estiża tistaʼ tiġi attribwita lill-kelma “ruħ”? (b) Huwa dan f’konflitt maʼ l-idea li r-ruħ hija l-persuna nfisha?
9 Xi drabi, il-kelma “ruħ” tirreferi għall-ħajja li tgawdi persuna jew annimal. Dan ma jbiddilx id-definizzjoni tal-Bibbja dwar ir-ruħ bħala persuna jew annimal. Biex nagħtu eżempju: Aħna ngħidu dwar xi ħadd li hu ħaj, li jfisser li hu persuna ħajja. Nistgħu ngħidu wkoll li hu jippossiedi l-ħajja. Bl-istess mod, persuna ħajja hija ruħ. Madankollu, dment li wieħed hu ħaj, jistaʼ jingħad li r-“ruħ” hija xi ħaġa li hu jippossiedi.
10. Agħti eżempji li juru li l-kelma “ruħ” tistaʼ tirreferi għall-ħajja li jgawdu persuna jew annimal.
10 Per eżempju, Alla qal lil Mosè: “In-nies li kienu jfittxulek ħajtek (“ruħek,” NW) mietu lkoll.” (Eżodu 4:19) Jidher ċar li l-għedewwa taʼ Mosè kienu qed ifittxu li jneħħulu ħajtu. Użu simili tal-kelma “ruħ” jidher fl-istqarrijiet li ġejjin. “Aħna bżajna ħafna għal ħajjitna (“ruħna,” NW).” (Ġożwè 9:24) “Ħarbu u ħasbu għal rashom (“ruħhom,” NW).” (2 Slaten 7:7) “It-twajjeb qiegħed jieħu ħsieb ruħ l-annimal domestiku tiegħu.” (Proverbji 12:10, NW) “Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu (“ruħu,” NW) b’fidwa għall-kotra.” (Mattew 20:28) “Hu ġie qrib mhux ħażin tal-mewt, billi espona ruħu għall-periklu.” (Filippin 2:30, NW) F’kull każ, il-kelma “ruħ” tfisser “ħajja.”a
11. X’jistaʼ jingħad dwar il-mod kif il-Bibbja tuża l-kelma “ruħ”?
11 Mela l-kelma “ruħ” kif użata fil-Bibbja tirreferi għal persuna jew annimal jew għall-ħajja li jgawdu persuna jew annimal. Il-mod kif il-Bibbja tiddefinixxi r-ruħ huwa sempliċi, konsistenti, u mhux imfixkel mill-filosofiji kkomplikati u superstizzjonijiet tal-bnedmin. Imma x’jiġrilha r-ruħ mal-mewt? Biex inwieġbu dik il-mistoqsija, irridu l-ewwel nifhmu għala mmutu.
[Nota taʼ taħt]
a Mattew 10:28 ukoll juża l-kelma “ruħ” biex tfisser “ħajja.”
[Stampi f’paġna 20]
Dawn kollha huma erwieħ