Prospett Uniku!
“Kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt.”—ĠWANN 11:26.
1. Miljuni li bħalissa jinsabu mejtin, għal liema xorta taʼ ambjent se jiġu rxoxtati?
M ETA miljuni jiġu mqajmin fl-irxoxt, dawn ma jinġibux lura għall-ħajja fuq l-art diżabitata. (Atti 24:15) Huma se jistenbħu f’ambjent imsebbaħ u se jsibu li ġie ppreparat għalihom fejn joqogħdu, x’jilbsu, u abbundanza taʼ ikel. Min se jagħmel dawn il-preparazzjonijiet kollha? Ovvjament, se jkun hemm min ikun qed jgħix fid-dinja l-ġdida qabel ma jibda l-irxoxt għal fuq l-art. Imma min?
2-4. Liema prospett uniku jistenna lil dawk li qed jgħixu “fl-aħħar jiem”?
2 It-twettiq tal-profezija tal-Bibbja juri li qegħdin ngħixu “fl-aħħar jiem” taʼ din is-sistema t’affarijiet.a (2 Timotju 3:1, NW) Dalwaqt issa, Alla Jehovah se jindaħal fit-tmexxija umana u jeqred għalkollox il-ħażen mill-art. (Salm 37:10, 11; Proverbji 2:21, 22) F’dak iż-żmien, x’se jiġrilhom dawk li jkunu qegħdin jaqdu lil Alla fedelment?
3 Jehovah m’hux se jeqred lit-twajbin flimkien maʼ dawk mill-agħar. (Salm 145:20) Hu qatt ma għamel ħaġa bħal din, u m’hux se jagħmel dan meta jnaddaf l-art mill-ħażen kollu. (Qabbel Ġenesi 18:22, 23, 26.) Fil-fatt, l-aħħar ktieb tal-Bibbja jitkellem dwar “kotra kbira li ħadd ma jistaʼ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien,” ħierġa mit-“taħbit il-kbir [“tribulazzjoni l-kbira,” NW].” (Apokalissi 7:9-14) Iva, kotra kbira se tibqaʼ ħajja wara t-tribulazzjoni l-kbira li permezz tagħha tintemm id-dinja preżenti mill-agħar, u dawn se jidħlu fid-dinja l-ġdida t’Alla. Hemmhekk, l-umanità ubbidjenti tistaʼ tibbenefika bis-sħiħ mill-provvediment meraviljuż t’Alla biex jeħles lill-umanità mid-dnub u l-mewt. (Apokalissi 22:1, 2) B’hekk, il-“kotra kbira” qatt ma se jkollha għalfejn tesperjenza l-mewt. Xi prospett uniku!
4 Nistgħu aħna jkollna fiduċja f’din it-tama taʼ l-għaġeb? Assolutament! Ġesù Kristu nnifsu indika li kellu jkun hemm żmien meta n-nies kienu se jgħixu mingħajr qatt ma jmutu. Ftit qabel ma rxoxta lil ħabibu Lazzru, Ġesù qal lil Marta: “Kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt.”—Ġwann 11:26.
Int Ukoll Tistaʼ Tgħix għal Dejjem
5, 6. Jekk trid tgħix għal dejjem fil-Ġenna fuq l-art, x’għandek tagħmel?
5 Trid int tgħix għal dejjem fil-Ġenna fuq l-art? Għandek xewqa kbira li tara lill-maħbubin tiegħek mill-ġdid? Allura għandek tieħu għarfien eżatt dwar ir-rieda u l-iskopijiet t’Alla. F’talba lil Alla, Ġesù qal: “Din hi l-ħajja taʼ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.”—Ġwann 17:3.
6 Hija r-rieda t’Alla li “l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità.” (1 Timotju 2:3, 4) Issa huwa ż-żmien li titgħallem kif int, flimkien maʼ miljuni oħrajn li diġà qegħdin jagħmlu r-rieda t’Alla, tistaʼ tgħix għal dejjem fil-Ġenna fuq l-art. Ix-Xhieda taʼ Jehovah bil-qalb kollha lesti li jgħinuk titgħallem iktar dwar Alla u l-ħtiġijiet tiegħu. Għala ma tikkuntattjahomx f’xi Sala tas-Saltna qrib tiegħek jew tikteb fl-eqreb indirizz mil-lista fil-paġna li jmiss?
[Nota taʼ taħt]
a Ara Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, paġni 98-107, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Stampa f’paġna 31]
“Kotra kbira” qatt ma se jkollha għalfejn tesperjenza l-mewt