L-Iżvilupp u t-Tkattir Tagħhom fi Żmienna
L-ISTORJA moderna tax-Xhieda taʼ Jehovah bdiet iktar minn mitt sena ilu. Fil-bidu tas-snin 70 tas-seklu 19, grupp żgħir taʼ nies bdew jiltaqgħu biex jistudjaw il-Bibbja f’Allegheny, Pennsylvania, fl-Istati Uniti, li issa tagħmel parti minn Pittsburgh. Charles Taze Russell kien dak li fil-bidu ħeġġeġ u organizza dan il-grupp. F’Lulju taʼ l-1879, dehret l-ewwel ħarġa tar-rivista Zion’s Watch Tower and Herald of Christ’s Presence. Sa l-1880 minn dak il-grupp żgħir taʼ studju tal-Bibbja ħarġu ħafna kongregazzjonijiet li ġew ifformati fi stati oħrajn qrib Pennsylvania. Fl-1881 ġiet ifformata ż-Zion’s Watch Tower Tract Society, u fl-1884 din saret korporazzjoni, b’Russell bħala l-president. Iktar tard l-isem tas-Soċjetà nbidel u sar Watch Tower Bible and Tract Society. Ħafna nies kienu jagħtu xiehda minn dar għal dar u joffru l-letteratura Biblika. Fl-1888 kien hemm ħamsin ruħ li kienu qed jagħmlu dan ix-xogħol full-time—issa l-medja taʼ dawn il-volontieri madwar id-dinja hija taʼ madwar 700,000 ruħ.
Sa l-1909 x-xogħol kien infirex għal ġo pajjiżi oħra, u l-kwartieri ġenerali tas-Soċjetà ttieħdu fil-post fejn jinsabu bħalissa fi Brooklyn, New York. Bdew jintbagħtu taħditiet stampati lill-gazzetti, u sa l-1913 kienu jiġu pubblikati taħditiet b’erbaʼ lingwi f’eluf taʼ gazzetti fl-Istati Uniti, il-Kanada, u l-Ewropa. Tqassmu wkoll mijiet taʼ miljuni taʼ kotba kbar u żgħar u fuljetti.
Fl-1912 beda x-xogħol fuq il-“Photo-Drama of Creation.” Din kienet preżentazzjoni bis-sawnd taʼ slajds u stampi jiċċaqalqu, u kienet tkopri l-istorja tad-dinja mill-ħolqien taʼ l-art sa tmiem ir-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu. Bdiet tintwera fl-1914, u kienu jarawha mal-35,000 ruħ kuljum. Din kienet xi ħaġa unika għal dak iż-żmien u fetħet it-triq għaċ-ċinema bis-sawnd.
IS-SENA 1914
Żmien kruċjali kien riesaq fil-qrib. Fl-1876 l-istudent tal-Bibbja Charles Taze Russell kiteb l-artiklu “Gentile Times: When Do They End?” (Żminijiet il-Ġentili: Meta Jispiċċaw?) fil-Bible Examiner, pubblikat fi Brooklyn, New York, li f’paġna 27 tal-ħarġa t’Ottubru qal, “Is-sebaʼ żminijiet se jispiċċaw fl-1914 A.D.” Żminijiet il-Ġentili huwa perijodu li fi traduzzjoni oħra tal-Bibbja huwa referut bħala “żmien il-ġnus.”(Luqa 21:24) Ma seħħx kulma kien mistenni fl-1914, imma dik is-sena tabilħaqq immarkat it-tmiem taʼ Żminijiet il-Ġentili u kienet sena taʼ importanza speċjali. Ħafna kittieba taʼ l-istorja u kummentaturi jaqblu li l-1914 kien żmien taʼ bidla kbira fl-istorja umana. Dan jidher mill-kwotazzjonijiet li ġejjin: “L-aħħar sena kompletament ‘normali’ fl-istorja kienet l-1913, is-sena qabel ma bdiet l-Ewwel Gwerra Dinjija.”—Editorjal fit-Times-Herald, Washington, D.C., 13 taʼ Marzu, 1949.
“Iktar ma jgħaddi ż-żmien, il-perijodu taʼ 75 sena mill-1914 sa l-1989, li kopra ż-żewġ gwerer dinjin u l-gwerra bierda, qed jitqies mill-istudjużi taʼ l-istorja bħala epoka waħda u distinta, żmien uniku fejn il-biċċa l-kbira mid-dinja kienet jew involuta fil-gwerra, jew tirkupra mill-gwerra, jew tħejji għall-gwerra.”—The New York Times, 7 taʼ Mejju, 1995.
“Id-dinja kollha tfarrket fl-Ewwel Gwerra Dinjija u għadna ma nafux għala. Qabel dakinhar, in-nies kienu jaħsbu li d-dinja kienet riesqa lejn utopja [stat perfett u ideali]. Kien hemm il-paċi u r-riżq. Imma mbagħad tfarrak kollox. Ilna mitlufin minn sensina minn dakinhar . . . Qatt ma nqatlu nies fl-istorja daqskemm inqatlu f’dan is-seklu.”—Dr. Walker Percy, American Medical News, 21 taʼ Novembru, 1977.
Iktar minn 50 sena wara l-1914, l-istatista Ġermaniż Konrad Adenauer kiteb: “Is-sigurtà u l-kwiet għebu mill-ħajjiet tan-nies mill-1914 ’l hawn.”—The West Parker, Cleveland, Ohio, 20 taʼ Jannar, 1966.
L-ewwel president tas-Soċjetà, C. T. Russell, miet fl-1916 u s-sena taʼ wara laħaq minfloku Joseph F. Rutherford. Saru ħafna bidliet. Ġiet introdotta rivista oħra maʼ The Watchtower (It-Torri taʼ l-Għassa), bl-isem The Golden Age. (Issa din jisimha Awake! [Stenbaħ!], u kull ħarġa titqassam iktar minn 20,000,000 kopja f’iktar minn 80 lingwa.) L-għoti taʼ xiehda minn bieb għal bieb ngħata iktar enfasi. Biex jintgħarfu mir-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu, fl-1931 dawn il-Kristjani adottaw l-isem Xhieda taʼ Jehovah. Dan l-isem huwa bbażat fuq Isaija 43:10-12.
Ir-radju ntuża bil-kbir fis-snin għoxrin u s-snin tletin. Sa l-1933 is-Soċjetà kienet qed tuża 403 stazzjonijiet tar-radju biex ixxandar taħditiet Bibliċi. Iktar tard, l-użu tar-radju naqas ħafna għax ix-Xhieda bdew jagħmlu iktar żjajjar minn dar għal dar u jġorru magħhom fonografi li fuqhom kienu jsemmgħu taħditiet rekordjati tal-Bibbja. Fejn kien jintwera interess fil-veritajiet tal-Bibbja kienu jinbdew studji tal-Bibbja fid-djar.
REBĦIET TAʼ KAWŻI
Matul is-snin tletin u s-snin erbgħin, ġew arrestati ħafna Xhieda talli għamlu dan ix-xogħol, u ġew miġġielda kawżi fil-qorti sabiex titħares il-libertà tal-kelma, taʼ l-istampa, tal-laqgħat, u tal-qima. Fl-Istati Uniti, saru appelli fil-qrati ż-żgħar u r-riżultat kien li x-Xhieda rebħu 43 kawża quddiem il-Qorti Suprema taʼ l-Istati Uniti. L-istess ġara fi qrati supremi f’pajjiżi oħra, fejn ix-Xhieda wkoll ngħataw sentenzi favorevoli. Rigward dawn ir-rebħiet taʼ kawżi, il-Professur C. S. Braden, fil-ktieb tiegħu These Also Believe (Dawn Ukoll Jemmnu), qal hekk rigward ix-Xhieda: “Huma taw servizz eċċezzjonali favur id-demokrazija billi tqabdu biex iħarsu d-drittijiet ċivili tagħhom, għax f’din it-taqbida huma kienu taʼ għajnuna kbira biex dawn id-drittijiet jingħataw lil kull grupp taʼ minoranza fl-Amerika.”
PROGRAMMI TAʼ TAĦRIĠ SPEĊJALI
J. F. Rutherford miet fl-1942 u warajh laħaq president N. H. Knorr. Inbeda programm taʼ taħriġ li kellu l-approvazzjoni ġenerali. Fl-1943 twaqqfet skola taʼ taħriġ speċjali għall-missjunarji msejħa l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead). Minn dak in-nhar ’il quddiem, l-uħud li ggradwaw minn din l-iskola ntbagħtu f’pajjiżi mxerrdin maʼ l-art kollha. Ġew stabbiliti kongregazzjonijiet f’pajjiżi fejn qabel ma kienx hemm, u issa hemm iktar minn 100 fergħa stabbiliti madwar id-dinja. Minn żmien għal żmien, twaqqfu korsijiet speċjali biex jiġu mħarrġin l-anzjani tal-kongregazzjonijiet, il-volontieri li jaħdmu fil-fergħat, u dawk li jaħdmu full-time (bħala pijunieri) fix-xogħol taʼ l-għoti taʼ xiehda. Ġew offruti għadd taʼ korsijiet taʼ tagħlim speċjalizzat għall-ministri f’ċentru għall-edukazzjoni li jopera f’Patterson, New York.
N. H. Knorr miet fl-1977. Waħda mill-bidliet organizzazzjonali li ħa sehem fiha qabel ma miet kienet it-tkabbir tal-Ġemgħa li Tiggverna, li tinsab fil-kwartieri ġenerali fi Brooklyn. Fl-1976, ir-responsabbiltajiet amministrattivi tqassmu u ngħataw lil diversi kumitati magħmulin minn membri tal-Ġemgħa li Tiggverna, li lkoll kemm huma għandhom għaxriet taʼ snin t’esperjenza bħala ministri.
JIKBRU L-FAĊILITAJIET TAʼ L-ISTAMPAR
L-istorja tax-Xhieda taʼ Jehovah fi żmienna kienet mimlija bi ġrajjiet drammatiċi. Mill-grupp żgħir taʼ studju tal-Bibbja f’Pennsylvania lura fl-1870, ix-Xhieda kotru għal mad-90,000 kongregazzjoni madwar id-dinja sas-sena 2000. Għall-ewwel, il-letteratura kollha kienet tiġi stampata minn ditti kummerċjali; imbagħad, fl-1920, ix-Xhieda krew fabbrika u bdew jipproduċu xi letteratura huma. Imma mill-1927 ’il quddiem, ħafna iktar letteratura bdiet issir fil-fabbrika taʼ tmien sulari fi Brooklyn, New York, proprjetà tal-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc. Issa nbena bini ieħor u kumpless t’uffiċċji maʼ din il-fabbrika. Fi Brooklyn hemm bini ieħor fil-qrib fejn jgħixu l-ministri volontieri li jħaddmu l-faċilitajiet taʼ l-istampar. Flimkien maʼ dan, hemm ukoll razzett u stamperija li joperaw ħdejn Wallkill, fin-naħa taʼ fuq taʼ New York. Hemmhekk isir l-istampar tar-rivisti t-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! u jipproduċu xi ftit mill-ikel għall-ministri li jaqdu fid-diversi postijiet. Kull volontier jirċievi xi ħaġa żgħira tal-flus kull xahar biex ikopri xi spejjeż li jistgħu jinqalgħu.
KONVENZJONIJIET INTERNAZZJONALI
Fl-1893 inżammet l-ewwel konvenzjoni kbira f’Chicago, Illinois, fl-Istati Uniti taʼ l-Amerika. Għaliha attendew 360, u kien hemm 70 ruħ li tgħammdu. L-aħħar darba li nżammet konvenzjoni internazzjonali waħda kien fl-1958 fil-Belt taʼ New York. Għal din intużaw kemm il-Yankee Stadium u kemm il-Polo Grounds li kien għadu jeżisti. L-attendenza laħqet quċċata taʼ 253,922 ruħ; uħud ġodda li tgħammdu kien hemm 7,136. Minn dakinhar ’l hawn, bdew isiru serje taʼ konvenzjonijiet internazzjonali f’ħafna pajjiżi. B’kollox, ġieli jkun hemm serje taʼ elf konvenzjoni f’pajjiżi madwar il-globu kollu.
[Kumment f’paġna 8]
Servizz eċċezzjonali favur il-libertà taċ-ċittadini
[Stampa f’paġna 6]
The Watchtower, minn 6,000 f’lingwa waħda għal iktar minn 22,000,000 f’iktar minn 132 lingwa
[Stampa f’paġna 7]
Żmien taʼ bidla kbira fl-istorja umana
[Stampa ta’ paġna sħiħa f’paġna 10]