Kapitlu Disgħa
Jehovah Jgħallimna għall-Ġid Tagħna
1. Min hu għaref kif jirreaġixxi meta jitkellem Jehovah?
META jitkellem Jehovah, min hu għaref jismaʼ b’rispett kbir u jagħmel dak li jgħidlu, għax kulma jgħid Jehovah hu għall-ġid tagħna. Barra minn hekk, hu interessat ferm fil-benesseri tagħna. Per eżempju, kemm iqawwilna qalbna meta nqisu l-mod kif Jehovah kellem lill-poplu li kien f’patt miegħu fil-qedem: “Li kieku tajt widen għall-kmandamenti tiegħi”! (Isaija 48:18) Il-fatt li t-tagħlim t’Alla hu taʼ valur—u bil-provi—għandu jqanqalna biex nagħtuh widen u nimxu wara l-gwida tiegħu. Il-profeziji mwettqin ma jħallu l-ebda dubju dwar kemm Jehovah hu determinat li jwettaq il-wegħdi tiegħu.
2. Il-kliem taʼ Isaija 48 għal min inkiteb, u min iktar jistaʼ jibbenefika minnu?
2 Jidher ċar li l-kliem li nsibu f’kapitlu 48 tal-ktieb taʼ Isaija nkiteb għal-Lhud li kienu se jiġu eżiljati f’Babilonja. Iżjed minn hekk, dan il-kliem fih messaġġ li ma jistax jiġi injorat mill-Kristjani llum. F’Isaija kapitlu 47, il-Bibbja bassret il-waqgħa taʼ Babilonja. Issa Jehovah jiddeskrivi dak li għandu f’moħħu għall-eżiljati Lhud li qegħdin f’din il-belt. Jehovah hu mnikket minħabba l-ipokrisija tal-poplu magħżul tiegħu u minħabba l-fatt li b’mod stinat m’emmnux il-wegħdi tiegħu. Imma xorta waħda, hu jrid jgħallimhom għall-ġid tagħhom. Hu jara bil-quddiem perijodu taʼ rfinar li jwassal biex fdal leali jmur lura lejn art twelidu.
3. X’kien hemm ħażin dwar il-qima taʼ Ġuda?
3 Kemm tbiegħed il-poplu taʼ Jehovah mill-qima safja! Il-kliem li jibda bih Isaija jġagħalna naħsbu: “Isimgħu dan, dar Ġakobb, intom li ġġibu isem Iżrael, intom li ħriġtu mill-ġewwieni taʼ Ġuda, intom li taħilfu b’isem il-Mulej, u tfaħħru l-isem taʼ Alla taʼ Iżrael, imma mhux bis-sinċerità u lanqas bis-sewwa. Mill-belt qaddisa jissemmew, u fuq Alla taʼ Iżrael iserrħu, Jaħweh taʼ l-eżerċti jismu.” (Isaija 48:1, 2) X’ipokrisija! Li ‘jaħilfu b’isem il-Mulej’ biċ-ċar m’hu xejn ħlief li jużaw isem Alla sempliċement għall-vizzju. (Sofonija 1:5) Qabel ma ġew eżiljati f’Babilonja, il-Lhud qiemu lil Jehovah f’Ġerusalemm, il-“belt qaddisa.” Imma l-qima tagħhom ma kinitx sinċiera. Qlubhom kienu mbegħdin ferm minn Alla, u l-atti taʼ qima tagħhom la saru “bis-sinċerità u lanqas bis-sewwa.” Ma kellhomx il-fidi li kellhom il-patrijarki.—Malakija 3:7.
4. Liema tip taʼ qima jogħġob lil Jehovah?
4 Kliem Jehovah jfakkarna li l-qima tagħna m’għandhiex tkun superfiċjali. Trid tkun ġejja mill-qalb. Servizz b’nofs qalb—li forsi jsir sempliċement biex nogħġbu jew nimpressjonaw lil ħaddieħor—ma jifformax “għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla.” (2 Pietru 3:11, NW) Il-fatt li wieħed jgħid li hu Kristjan ma jfissirx fih innifsu li Alla qed jaċċetta l-qima tiegħu. (2 Timotju 3:5) Huwa vitali li nirrikonoxxu li Jehovah jeżisti, imma dan hu biss il-bidu. Jehovah jrid li min iqimu jagħmel dan b’ruħu kollha u jkun imqanqal minn imħabba kbira u apprezzament profond.—Kolossin 3:23.
Ibassar Affarijiet Ġodda
5. X’inhuma xi ftit mill-“ġrajjiet” taʼ qabel imbassrin minn Jehovah?
5 Forsi dawn il-Lhud f’Babilonja għandhom bżonn jiġu mfakkrin xi affarijiet. Għaldaqstant, Jehovah jfakkarhom mill-ġdid li hu dak Alla tal-profezija vera: “Minn żmien il-qedem ħabbart il-ġrajjiet, ħarġu minn fommi, u jien semmajthom, u jien għamilthom minnufih, u seħħu lkoll.” (Isaija 48:3) “Il-ġrajjiet” taʼ qabel huma affarijiet li diġà twettqu minn Alla, bħal meta ħeles lill-Iżraelin mill-Eġittu u tahom l-Art Imwiegħda bħala wirt. (Ġenesi 13:14, 15; 15:13, 14) Dan it-tbassir joħroġ minn fomm Alla; l-oriġini tiegħu hija divina. Alla jġiegħel lill-bnedmin jisimgħu d-digrieti tiegħu, u dak li jisimgħu għandu jqanqalhom biex jobduh. (Dewteronomju 28:15) Hu jaġixxi mill-ewwel biex iwettaq dak li jkun bassar. Il-fatt li Jehovah hu Dak li jistaʼ kollox jassigurana li l-iskop tiegħu jitwettaq.—Ġożwè 21:45; 23:14.
6. Il-Lhud sa liema punt saru ‘rashom iebsa u ribellużi’?
6 In-nies taʼ Jehovah saru ‘rashom iebsa u ribellużi.’ (Salm 78:8) Hu jgħidilhom ċar u tond: “Int rasek iebsa, għonqok għerq tal-ħadid, u ġbinek bronż.” (Isaija 48:4) Il-Lhud ma jċedux, bħal ċerti metalli li huma ibsin biex tgħawwiġhom. Din hi raġuni waħda għala Jehovah jirrivela l-affarijiet qabel ma jseħħu. Inkella, in-nies tiegħu se jgħidu dwar l-affarijiet li għamel Jehovah: “L-idolu tiegħi għamilhom, ix-xbieha minquxa u mdewwba ordnathom.” (Isaija 48:5) Dak li Jehovah qed jgħid issa se jkollu xi effett fuq il-Lhud żleali? Jgħidilhom Alla: “Int smajt u rajt dan kollu, u issa ma tridx ixxandru? Minn issa ’l quddiem insemmgħek ħwejjeġ ġodda, ħwejjeġ mistura li int ma tafhomx. Nħolqu issa, u mhux żmien ilu; u qabel żmienhom int ma smajtx bihom, li ma tmurx tgħid: ‘Arani, jien kont naf bihom.’”—Isaija 48:6, 7.
7. Il-Lhud eżiljati x’se jkollhom jammettu, u x’jistgħu jistennew?
7 Isaija niżżel bil-miktub it-tbassira dwar il-waqgħa taʼ Babilonja ferm qabel ma seħħet. Issa li qegħdin fl-eżilju ġewwa Babilonja, il-Lhud jiġu kmandati b’mod profetiku biex iġibu quddiem għajnejhom it-twettiq tat-tbassira. Jistgħu huma jiċħdu li Jehovah hu dak Alla tal-profezija mwettqa? U ladarba l-abitanti taʼ Ġuda raw u semgħu li Jehovah hu Alla tal-verità, m’għandhomx huma wkoll ixandru din il-verità lil ħaddieħor? Il-kelma rivelata taʼ Jehovah tbassar affarijiet ġodda li għadhom ma seħħewx, bħal per eżempju li Ċiru se jikkonkwista lil Babilonja u li l-Lhud se jiġu meħlusin. (Isaija 48:14-16) Dawn il-ġrajjiet li jaħsduk donnhom iseħħu ħabta u sabta u bla mistenni. Ħadd ma setaʼ jarahom minn qabel sempliċement billi jinnota kif jiżviluppaw il-kundizzjonijiet tad-dinja. Jaslu bħallikieku nħolqu mix-xejn. Min jikkaġunahom dawn il-ġrajjiet? Ladarba Jehovah jbassarhom xi 200 sena qabel, ir-risposta hi ovvja.
8. Il-Kristjani llum għal liema affarijiet ġodda jittamaw, u għala għandhom fiduċja sħiħa fil-kelma profetika taʼ Jehovah?
8 Iktar minn hekk, Jehovah jwettaq kelmtu skond l-iskeda tiegħu stess. Il-profeziji mwettqin jagħtu prova tad-Divinità tiegħu mhux biss lil-Lhud tal-qedem imma wkoll lill-Kristjani llum. Il-fatt li għadd taʼ profeziji twettqu fil-passat—“il-ġrajjiet” taʼ qabel—jassigurana li l-affarijiet ġodda mwegħdin minn Jehovah żgur se jseħħu. Fost dawn hemm it-tribulazzjoni l-kbira li ġejja, il-fatt li “kotra kbira” tibqaʼ ħajja wara li tgħaddi minn ġo din it-tribulazzjoni, l-“art ġdida,” u ħafna iktar. (Apokalissi 7:9, 14, 15; 21:4, 5; 2 Pietru 3:13) Din l-assiguranza tqanqal lil nies taʼ qalb retta biex jitkellmu dwar Alla b’mod żeluż. Dawn iħossuhom bħalma ħassu s-salmista meta qal: “Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira; xufftejja ma żammejthomx magħluqa.”—Salm 40:10 [40:9, NW].
Jehovah Jikkontrolla Lilu Nnifsu
9. Il-ġens taʼ Iżrael kif kien ‘xewwiex sa mill-ġuf’?
9 Peress li l-Lhud m’emmnuhomx il-profeziji taʼ Jehovah, huma naqsu li jagħtu kas it-twissijiet tiegħu. Huwa għalhekk li hu jissokta jgħidilhom: “Int qatt ma smajt, int qatt m’għaraft; lanqas qatt ma ftaħt widnejk. Kont naf li int qarrieq, u sa mill-ġuf sejjħulek: ‘Xewwiex.’” (Isaija 48:8) Ġuda saddet widnejha għall-bxajjar taʼ ferħ li taha Jehovah. (Isaija 29:10) Il-mod kif aġixxa l-poplu f’patt m’Alla juri li l-ġens kien ‘xewwiex sa mill-ġuf.’ Minn twelidu u fl-istorja tiegħu kollha kemm hi, il-ġens taʼ Iżrael kien magħruf bħala li kien ribelluż. Il-ksur tal-liġi u t-tradiment huma difetti serji fin-nies, mhux sempliċi dnubiet li jsiru kultant.—Salm 95:10; Malakija 2:11.
10. Jehovah għala se jrażżan lilu nnifsu?
10 Ifisser dan li ntilfet kull tama? Le. Avolja Ġuda kienet ribelluża u qarrieqa, Jehovah hu dejjem rett u leali. Minħabba l-unur taʼ l-isem kbir tiegħu, hu se jillimita l-korla tiegħu. Hu jgħid: “Minħabba f’ismi ma nżommx [jew, nikkontrolla] għadbi, u minħabba ġieħi nitrażżan għalik, biex ma neqirdekx.” (Isaija 48:9) X’kuntrast! In-nies taʼ Jehovah, kemm Iżrael kif ukoll Ġuda, ma kinux leali lejh. Imma Jehovah se jqaddes lil ismu, billi jaġixxi b’tali mod li jġiblu tifħir u unur. Għal din ir-raġuni, hu mhux se jeqred lill-poplu magħżul tiegħu.—Ġoel 2:13, 14.
11. Alla għala mhux se jippermetti li l-poplu tiegħu jinqered għalkollox?
11 Individwi taʼ qalb retta fost il-Lhud eżiljati jiġu mqajmin miċ-ċanfira t’Alla u jsiru determinati li jagħtu kas it-tagħlim tiegħu. Għal dawn l-uħud id-dikjarazzjoni li ġejja hi rassiguranti ferm: “Arani, jien saffejtek mhux bħall-fidda; ippruvajtek fil-forn tan-niket. Minħabba fija, minħabba fija nagħmel dan. Għax għandu jitkasbar ismi? Is-sebħ tiegħi lil ħaddieħor ma nagħtihx.” (Isaija 48:10, 11) Il-provi u l-għawġ—bħal “fil-forn tan-niket”—li Jehovah ppermetta li jiġu fuq in-nies tiegħu ttestjawhom u rfinawhom, u b’hekk wera x’hemm f’qalbhom. Xi ħaġa simili ġrat sekli qabel meta Mosè qal lill-antenati tagħhom: “Mexxiek il-Mulej, Alla tiegħek, matul dawn l-erbgħin sena fid-deżert, biex iċekknek u jġarrbek, ħalli jkun jaf x’għandek f’qalbek.” (Dewteronomju 8:2) Minkejja l-attitudni ribelluża tagħhom, Jehovah ma qerdux il-ġens dakinhar, u lanqas ma se jeqirdu għalkollox issa. B’hekk, ismu u unuru se jinżammu fl-għoli. Kieku l-poplu tiegħu kellu jgħib taħt idejn il-Babiloniżi, Jehovah ma jkunx qed jonora l-patt tiegħu u b’hekk, ismu jiġi mmaqdar. Ikun qisu li dak Alla taʼ Iżrael m’għandux il-qawwa li jsalva lill-poplu tiegħu.—Eżekjel 20:9.
12. Il-Kristjani veri kif ġew irfinuti matul l-ewwel gwerra dinjija?
12 Il-poplu taʼ Jehovah kellu bżonn jiġi rfinut fi żmienna wkoll. Lura fil-bidu tas-seklu 20, ħafna mill-grupp żgħir taʼ Studenti tal-Bibbja qdew lil Alla għax kellhom xewqa sinċiera li jogħġbuh, imma xi wħud kellhom motivi ħżiena, bħal per eżempju xewqa li jkunu prominenti. Qabel setaʼ jieħu t-tmexxija fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba madwar id-dinja profetizzat għaż-żmien taʼ l-aħħar, dan il-grupp żgħir kellu bżonn jitnaddaf. (Mattew 24:14) Il-profeta Malakija pprofetizza li preċiż dan ix-xogħol taʼ rfinar kien se jitwettaq f’konnessjoni mal-miġja taʼ Jehovah fit-tempju tiegħu. (Malakija 3:1-4) Kliemu twettaq fl-1918. Il-Kristjani veri kienu għaddew minn perijodu taʼ provi jaħarqu fin-nar jikwi taʼ l-ewwel gwerra dinjija u dan kollu laħaq il-quċċata tiegħu bit-tfigħ il-ħabs taʼ Joseph F. Rutherford, li dak iż-żmien kien il-president tal-Watch Tower Society, u xi wħud mill-uffiċjali ewlenin tagħha. Dawn il-Kristjani sinċieri bbenefikaw mill-proċess taʼ rfinar billi ħarġu mill-Ewwel Gwerra Dinjija iktar determinati minn qatt qabel li jaqdu lill-kbir Alla tagħhom ikun x’ikun dak li jitlob minnhom.
13. In-nies taʼ Jehovah kif irreaġixxew għall-persekuzzjoni fis-snin taʼ wara l-ewwel gwerra dinjija?
13 Minn dak in-nhar ’l hawn, ix-Xhieda taʼ Jehovah ffaċċjaw għal darba wara l-oħra l-iktar persekuzzjoni ħarxa. Dan ma ġagħalhomx jiddubitaw fil-kelma tal-Ħallieq tagħhom. Pjuttost, huma taw kas il-kliem taʼ l-appostlu Pietru lil Kristjani persegwitati taʼ żmienu: “Jeħtiġilkom titnikktu taħt ħafna provi . . . Hekk tgħaddi mill-prova l-fidi tagħkom . . . biex ikun jistħoqqilha tasal għat-tifħir, għall-glorja, u għall-ġieħ, meta jidher Ġesù Kristu.” (1 Pietru 1:6, 7) Il-persekuzzjoni qalila ma teqridx l-integrità tal-Kristjani veri. Minflok, tikxef kemm huma ġenwini l-motivi tagħhom. Tagħmel il-fidi tagħhom taʼ l-aqwa kwalità u turi l-profondità tad-devozzjoni u l-imħabba tagħhom.—Proverbji 17:3.
“Jiena l-Ewwel, u Jiena l-Aħħar”
14. (a) Jehovah b’liema mod hu “l-ewwel” u “l-aħħar”? (b) Jehovah liema xogħlijiet setgħanin wettaq b’‘idejh’?
14 Issa Jehovah jagħmel sejħa mill-qalb lill-poplu li qiegħed f’patt miegħu: “Ġakobb, ismagħni, u int Iżrael, li jien sejjaħt. Jiena hu, Jiena l-ewwel, u Jiena l-aħħar. Idejja sejjsu l-art, u leminti firxet is-smewwiet. Jiena nsejjħilhom, u huma jfeġġu lkoll flimkien.” (Isaija 48:12, 13) Kuntrarju għall-bniedem, Alla hu etern u ma jinbidilx. (Malakija 3:6) F’Apokalissi, Jehovah jiddikjara: “Jiena l-Alfa u l-Omega, l-Ewwel u l-Aħħar, il-Bidu u t-Tmiem!” (Apokalissi 22:13) Qabel Jehovah ma kien hemm l-ebda Alla li jistaʼ kollox, u warajh ma se jkun hemm ħadd. Hu s-Suprem u l-Etern, il-Ħallieq. Uża l-qawwa tiegħu, ‘idejh,’ biex jistabbilixxi l-art u jifrex is-smewwiet mimlijin stilel. (Ġob 38:4; Salm 102:26 [102:25, NW]) Meta jsejjaħ lill-ħolqien tiegħu, dan ikun pront jaqdih.—Salm 147:4.
15. Jehovah b’liema mod u għal liema skop ‘ħabb’ lil Ċiru?
15 Stedina importanti hi indirizzata kemm lil-Lhud kif ukoll lil dawk li m’humiex Lhud: “Inġabru lkoll u isimgħu! Min minnhom ħabbar dan? Il-Mulej iħobbu u hu jagħmel ir-rieda tiegħu fuq Babilonja u nisel il-Kaldin. Jiena, jiena tkellimt u sejjaħtlu wkoll, jiena ġibtu u nġiblu r-riżq fi triqtu.” (Isaija 48:14, 15) Jehovah biss għandu l-qawwa kollha u kapaċi jbassar il-ġrajjiet bl-eżatt. Ħadd “minnhom,” l-idoli li ma jiswew xejn, m’għandu l-ħila jgħid dawn l-affarijiet. Mhux l-idoli, iżda Jehovah ‘ħabbu,’ lil Ċiru—jiġifieri, Jehovah għażlu għal skop speċifiku. (Isaija 41:2; 44:28; 45:1, 13; 46:11) Hu ra bil-quddiem il-wasla taʼ Ċiru fuq ix-xena dinjija u nnominah bħala dak li fil-futur se jegħleb lil Babilonja.
16, 17. (a) Għala jistaʼ jingħad li Alla ma tax it-tbassir tiegħu fis-sigriet? (b) Jehovah kif semmagħhom pubblikament l-iskopijiet tiegħu llum?
16 B’ton li jħajrek, Jehovah jkompli: “Ersqu lejja u isimgħu dan: Sa mill-bidu ma tkellimtx bil-moħbi, u meta seħħu l-ġrajja jien kont hemm.” (Isaija 48:16a) It-tbassir minn Jehovah ma ngħatax fis-sigriet jew ġie mgħarraf biss lil xi wħud tal-qalba. Il-profeti taʼ Jehovah tkellmu bla tlaqliq għan-nom t’Alla. (Isaija 61:1) Huma ddikjaraw pubblikament ir-rieda t’Alla. Per eżempju, ġrajjiet marbutin maʼ Ċiru ma kinux ġodda għal Alla jew li ma setax jarahom bil-quddiem. Xi 200 sena qabel, Alla bassarhom pubblikament permezz taʼ Isaija.
17 Bl-istess mod illum, Jehovah ma jżommhomx fis-sigriet l-iskopijiet tiegħu. Miljuni taʼ nies f’mijiet taʼ pajjiżi u gżejjer tal-baħar ixandru minn dar għal dar, fit-toroq, u kulfejn jistgħu t-twissija dwar it-tmiem li ġej fuq din is-sistema t’affarijiet u l-aħbar tajba taʼ barkiet li se jiġu taħt is-Saltna t’Alla. Verament, Jehovah hu Alla li jikkomunika l-iskopijiet tiegħu.
‘Agħti Widen għall-Kmandamenti Tiegħi!’
18. X’inhi x-xewqa taʼ Jehovah għall-poplu tiegħu?
18 Bil-qawwa taʼ l-ispirtu taʼ Jehovah, il-profeta jiddikjara: “Sidi l-Mulej bagħat lili u l-ispirtu tiegħu. Dan jgħid il-Mulej, il-feddej tiegħek, il-Qaddis taʼ Iżrael: ‘Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-ġid tiegħek, u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi.’” (Isaija 48:16b, 17) Din l-espressjoni kollha mħabba taʼ kif Jehovah jieħu ħsiebhom għandha tassigura lin-nies tal-ġens taʼ Iżrael li Alla se jeħlishom minn Babilonja. Hu l-Feddej tagħhom. (Isaija 54:5) Ix-xewqa taʼ qalb Jehovah hi li l-Iżraelin jistabbilixxu mill-ġdid ir-relazzjoni tagħhom miegħu u joqogħdu attenti għall-kmandamenti tiegħu. Il-qima vera hi bbażata fuq l-ubbidjenza lejn l-istruzzjonijiet divini. L-Iżraelin m’għandhomx il-ħila jimxu fit-triq it-tajba jekk ma jiġux mgħallmin ‘it-triq fejn għandhom jimxu.’
19. Jehovah liema sejħa mill-qalb jagħmel?
19 Ix-xewqa taʼ Jehovah li l-poplu tiegħu jevita l-gwaj u jgawdi l-ħajja hi espressa b’mod sabiħ: “Li kieku tajt widen għall-kmandamenti tiegħi, kien ikun bħal xmara sliemek, u sedqek bħal mewġ tal-baħar.” (Isaija 48:18) X’sejħa mill-qalb mingħand il-Ħallieq li jistaʼ kollox! (Dewteronomju 5:29; Salm 81:14 [81:13, NW]) Minflok ma jidħlu fil-jasar, l-Iżraelin jistgħu jgawdu s-sliem li se jkun kotran daqs l-ilma taʼ xmara. (Salm 119:165) L-atti taʼ tjieba tagħhom jistgħu jkunu bla għadd daqs il-mewġ tal-baħar. (Għamos 5:24) Bħala dak li verament hu interessat fihom, Jehovah jagħmel sejħa mill-qalb lill-Iżraelin, billi b’imħabba jurihom it-triq li minnha għandhom jgħaddu. O, li kieku biss jagħtuh widen!
20. (a) X’inhi x-xewqa t’Alla għal Iżrael minkejja r-ribelljoni tagħhom? (b) X’nitgħallmu dwar Jehovah mill-mod kif aġixxa mal-poplu tiegħu? (Ara l-kaxxa f’paġna 133.)
20 X’barkiet jirriżultaw jekk Iżrael jindem? Jgħid Jehovah: “In-nisel tiegħek bħar-ramel, l-għelejjel taʼ ġewwenik bħat-trab, u ismek la jitħassar u la jinqered minn quddiemi.” (Isaija 48:19) Jehovah jfakkar lill-poplu dwar il-wegħda Tiegħu li nisel Abraham se jsir ħafna, “bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f’xatt il-baħar.” (Ġenesi 22:17; 32:13 [32:12, NW]) Madankollu, dawn id-dixxendenti t’Abraham kienu ribellużi, u għalhekk m’għandhomx id-dritt li jirċievu t-twettiq tal-wegħda. Fil-fatt, il-kondotta tagħhom tant kienet ħażina li skond il-Liġi taʼ Jehovah stess, huma jixirqilhom li isimhom bħala ġens ma jibqax jeżisti. (Dewteronomju 28:45) Xorta waħda, Jehovah ma jixtieqx li l-poplu tiegħu jinġieb fix-xejn, u ma jridx li jabbandunahom għalkollox.
21. X’barkiet nistgħu nesperjenzaw illum jekk infittxu l-istruzzjoni taʼ Jehovah?
21 Il-prinċipji li hemm f’din is-silta qawwija japplikaw għall-adoraturi taʼ Jehovah li jgħixu llum. Jehovah hu s-Sors tal-ħajja, u jaf iktar minn kulħadd kif għandna nużaw ħajjitna. (Salm 36:10 [36:9, NW]) Hu jiggwidana, mhux biex ma jħalliniex ingawdu l-ħajja, imma għall-benefiċċju tagħna. Il-Kristjani veri jwieġbu billi jfittxu li jiġu istruwiti minn Jehovah. (Mikea 4:2) Id-direzzjonijiet tiegħu jipproteġu l-ispiritwalità tagħna u r-relazzjoni tagħna miegħu, u jħarsuna mill-influwenza ħażina taʼ Satana. Meta napprezzaw il-prinċipji li hemm wara l-liġijiet t’Alla, naraw li Jehovah jgħallimna għall-ġid tagħna. Aħna nirrealizzaw li “l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” U m’aħniex se niġu maqtugħin.—1 Ġwann 2:17; 5:3.
“Oħorġu minn Babilonja!”
22. Il-Lhud leali x’inhuma mħeġġin jagħmlu, u liema assiguranzi jingħataw?
22 Meta taqaʼ Babilonja, se jkun hemm xi Lhud li juru li qalbhom tqanqalhom biex jobdu? Se jieħdu huma vantaġġ mill-ħelsien provdut minn Alla, imorru lura lejn art twelidhom, u jistabbilixxu mill-ġdid il-qima safja? Iva. Il-kliem taʼ Jehovah li ġej juri kemm hu fiduċjuż li dan se jseħħ. “Oħorġu minn Babilonja, aħarbu mill-Kaldin. B’leħen l-għana ħabbruha, u xandruha; xandruha sa truf l-art u għidu: ‘Feda l-Mulej lil Ġakobb, il-qaddej tiegħu. Għaddiehom mid-deżert u ma ħadhomx l-għatx; ilma mill-blat nixxielhom, xaqqilhom il-blat u gelglilhom l-ilma.’” (Isaija 48:20, 21) In-nies taʼ Jehovah huma mħeġġin b’mod profetiku biex jitilqu bla dewmien minn Babilonja. (Ġeremija 50:8) Il-fidwa tagħhom trid tiġi mgħarrfa sa l-istess trufijiet taʼ l-art. (Ġeremija 31:10) Wara li ħariġhom mill-Eġittu, Jehovah pprovda għall-ħtiġijiet tan-nies tiegħu hekk kif għaddew bil-mixi minn ġod-deżert. Bl-istess mod, hu se jipprovdi għan-nies tiegħu hekk kif jivvjaġġaw lejn pajjiżhom minn Babilonja.—Dewteronomju 8:15, 16.
23. Min mhux se jgawdi s-sliem mogħti minn Alla?
23 Il-Lhud iridu jżommu f’moħħhom prinċipju vitali ieħor rigward l-atti taʼ salvazzjoni minn Jehovah. It-twajbin għandhom mnejn isofru minħabba dnubiethom, imma mhux se jinqerdu. Iżda, għal dawk li m’humiex twajbin, ir-riżultat se jkun differenti. “Għall-ħżiena, m’hemmx sliem, jgħid il-Mulej.” (Isaija 48:22) Midinbin li ma jindmux mhux se jirċievu s-sliem merfugħ minn Alla għal dawk li jħobbuh. L-atti taʼ salvazzjoni m’humiex intenzjonati għal dawk li b’ras iebsa jagħmlu l-ħażen jew għal dawk li ma jemmnux. Atti bħal dawn huma biss għal dawk li għandhom il-fidi. (Titu 1:15, 16; Apokalissi 22:14, 15) Is-sliem mingħand Alla m’huwiex għal dawk li huma mill-agħar.
24. Fi żmienna, liema ħaġa ġabet ferħ kbir lin-nies t’Alla?
24 Fis-sena 537 Q.E.K., l-opportunità biex jitilqu minn Babilonja ġabitilhom ferħ kbir lill-Iżraelin leali. Fl-1919, in-nies t’Alla tgħidx kemm ferħu meta ġew meħlusin mill-jasar taʼ Babilonja. (Apokalissi 11:11, 12) Huma mtlew bit-tama, u ħatfu l-opportunità biex ikabbru l-attività tagħhom. Huwa minnu li dan il-grupp żgħir taʼ Kristjani kellhom bżonn il-kuraġġ biex jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjoni taʼ toroq ġodda biex jippridkaw f’dinja ħarxa. Imma bl-għajnuna taʼ Jehovah, huma ntefgħu b’ruħhom u b’ġisimhom għax-xogħol taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba. L-istorja tixhed li Jehovah berikhom.
25. Għala huwa importanti li noqogħdu attenti ferm għad-digrieti taʼ tjieba t’Alla?
25 Din il-parti mill-profezija taʼ Isaija tenfasizza l-fatt li Jehovah jgħallimna għall-ġid tagħna. Huwa importanti ħafna li noqogħdu attenti ferm għad-digrieti taʼ tjieba t’Alla. (Apokalissi 15:2-4) Jekk infakkru lilna nfusna dwar l-għerf u l-imħabba t’Alla, dan se jgħinna ngħixu fi qbil maʼ dak li Jehovah jgħid li hu sewwa. Il-kmandi kollha tiegħu huma għall-benefiċċju tagħna.—Isaija 48:17, 18.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 133]
Alla li Jistaʼ Kollox Irażżan Lilu Nnifsu
“Ma nżommx [jew, nikkontrolla] għadbi, . . . nitrażżan,” qal Jehovah lill-Iżraelin apostati. (Isaija 48:9) Stqarrijiet bħal dawn jgħinuna naraw kif Alla jagħti eżempju perfett f’li qatt ma jabbuża mill-poter. Huwa minnu li ħadd m’għandu qawwa akbar minn dik t’Alla. Huwa għalhekk li nirreferu għalih bħala Dak li għandu kull qawwa, l-Omnipotenti. Hu għandu d-dritt japplika t-titlu “Jistaʼ kollox” għalih innifsu. (Ġenesi 17:1, KŻ) Mhux biss għandu saħħa bla limitu imma wkoll għandu l-awtorità kollha minħabba l-pożizzjoni tiegħu bħala l-Mulej Sovran taʼ l-univers, li ġie maħluq minnu. Huwa għalhekk li ħadd ma jistaʼ jissogra jrażżanlu idu jew jgħidlu, “X’qiegħed tagħmel?”—Danjel 4:32 [4:35, NW].
Madankollu, Alla bil-mod biex jagħdab anki meta jkollu bżonn jesprimi l-qawwa tiegħu kontra l-għedewwa tiegħu. (Naħum 1:3) Jehovah jistaʼ ‘jikkontrolla għadbu’ u jiġi deskritt b’mod korrett bħala li hu “tqil biex jagħdab” għaliex l-imħabba—mhux l-għadab—hija l-kwalità dominanti tiegħu. L-għadab tiegħu, meta jintwera, huwa dejjem taʼ tjieba, dejjem ġustifikat, dejjem kontrollat.—Eżodu 34:6; 1 Ġwann 4:8.
Jehovah għala jaġixxi hekk? Għaliex jibbilanċja b’mod perfett il-qawwa assoluta tiegħu mat-tliet attributi ewlenin l-oħrajn tiegħu—l-għerf, il-ġustizzja, u l-imħabba. Il-qawwa jużaha dejjem b’mod konsistenti maʼ dawn il-kwalitajiet l-oħrajn.
[Stampa f’paġna 122]
Il-messaġġ taʼ Isaija dwar it-twaqqif mill-ġdid tal-qima safja jipprovdi raġġ taʼ tama għal-Lhud leali li qegħdin fl-eżilju
[Stampi f’paġna 124]
Il-Lhud kellhom it-tendenza li lill-idoli jagħtuhom il-kredtu għall-atti li kien jagħmel Jehovah
1. Ixtar 2. Plakka taċ-ċeramika mit-Triq tal-Purċissjoni taʼ Babilonja 3. Simbolu taʼ Marduk forma taʼ dragun
[Stampa f’paġna 127]
“Forn tan-niket” jistaʼ juri jekk il-motivi tagħna f’li naqdu lil Jehovah humiex ġenwini jew le
[Stampi f’paġna 128]
Il-Kristjani veri ffaċċjaw l-iktar persekuzzjoni ħarxa