Kapitlu Ħmistax
Il-Mara Ħawlija Tithenna
1. Sara għala kienet tixtieq ħafna li jkollha t-tfal, u x’kienet l-esperjenza tagħha f’dan ir-rigward?
SARA kienet imxennqa biex ikollha t-tfal. B’sogħba, kienet ħawlija, u dan nikkitha ferm. Fi żmienha, li mara ma jkollhiex tfal kien jitqies bħala diżunur, imma ma kienx dan biss li nikket lil Sara. Hi xtaqet tara t-twettiq tal-wegħda li Alla kien għamel lil żewġha. Abraham kellu jkun il-missier taʼ nisel li permezz tiegħu kellhom jitbierku l-familji kollha taʼ l-art. (Ġenesi 12:1-4 [12:1-3, NW]) Madankollu, għaxriet taʼ snin wara li Alla kien għamel din il-wegħda, kien għad m’hemm ebda iben. Sara xjieħet u baqgħet bla tfal. Forsi kultant kienet toqgħod taħseb jekk it-tama tagħha kinitx fiergħa. Iżda, jum fost l-oħrajn id-disprament tagħha nbidel f’hena!
2. Għala għandha tinteressana l-profezija li nsibu f’Isaija kapitlu 54?
2 L-istat imwiegħer taʼ Sara jgħinna nifhmu l-profezija li nsibu f’Isaija kapitlu 54. Hawnhekk Ġerusalemm tissemma bħallikieku kienet xi mara ħawlija li ġġarrab il-ferħ kbir li jkollha ħafna tfal. Jehovah juri s-sentimenti teneri tiegħu lejn in-nies tal-qedem tiegħu billi bħala ġens isejħilhom martu. Iktar minn hekk, dan il-kapitlu taʼ Isaija jgħinna niskopru aspett kruċjali taʼ dak li l-Bibbja ssejjaħlu “misteru,” jew sigriet, sagru. (Rumani 16:25, 26) Illum, l-identità tal-“mara” u l-esperjenzi tagħha mbassrin f’din il-profezija jitfgħu dawl importanti fuq il-qima safja.
Il-“Mara” Identifikata
3. Il-“mara” ħawlija għala se jkollha raġun tifraħ?
3 Kapitlu 54 jibda b’nota ferriħija: “‘Ifraħ int, mara bla tfal li ma wlidtx; infexx għanni u għajjat bil-ferħ, int li qatt ma ħassejt uġigħ il-ħlas! Għax ħafna aktar huma wlied il-mitluqa minn ulied il-miżżewwġa,’ jgħid il-Mulej.” (Isaija 54:1) Min jaf kif tqanqal Isaija meta qal dan il-kliem! U t-twettiq taʼ dan il-kliem x’faraġ se jġibilhom lil-Lhud eżiljati f’Babilonja! F’dak iż-żmien Ġerusalemm se tkun għadha ħerba. Minn kif jara l-affarijiet il-bniedem, ma se jkun jidher li hemm ebda tama li xi darba se terġaʼ tkun mimlija bin-nies, sewwa sew bħalma mara ħawlija ma tistax normalment tittama li jkollha t-tfal fi xjuħitha. Imma din il-“mara” se titbierek bil-kbir fil-futur—se ssir fertili u mhix se tibqaʼ ħawlija. Ġerusalemm se tkun f’estasi bil-ferħ. Se terġaʼ tkun miżgħuda bl-“ulied,” jew bl-abitanti.
4. (a) L-appostlu Pawlu kif jgħinna naraw li Isaija kapitlu 54 irid ikollu twettiq akbar minn dak li seħħ fis-sena 537 Q.E.K.? (b) X’inhi “Ġerusalemm taʼ fuq”?
4 Forsi Isaija ma jafux dan, imma l-profezija tiegħu se jkollha iktar minn twettiq wieħed. L-appostlu Pawlu jikkwota minn Isaija kapitlu 54 u jispjega li l-“mara” tissinjifika xi ħaġa ferm iktar importanti mill-belt taʼ Ġerusalemm fuq l-art. Hu jikteb: “Ġerusalemm taʼ fuq, li hi ommna, hi ħielsa.” (Galatin 4:26) X’inhi din “Ġerusalemm taʼ fuq”? Jidher ċar li m’hijiex il-belt taʼ Ġerusalemm fl-Art Imwiegħda. Din il-belt hija taʼ l-art, mhux “taʼ fuq,” fil-qasam tas-sema. “Ġerusalemm taʼ fuq” hija l-“mara” li Alla għandu fis-sema, l-organizzazzjoni tiegħu taʼ ħlejjaq spirti setgħanin.
5. Fid-dramm simboliku li hemm f’Galatin 4:22-31, min hu ffigurat minn (a) Abraham? (b) Sara? (ċ) Iżakk? (d) Ħagar? (e) Ismagħel?
5 Iżda, Jehovah kif jistaʼ jkollu żewġ nisa simboliċi—waħda tas-sema u l-oħra taʼ l-art? Hawn xi nuqqas taʼ qbil hawnhekk? Lanqas xejn. L-appostlu Pawlu juri li r-risposta tinsab fl-istampa profetika provduta mill-familja t’Abraham. (Galatin 4:22-31; ara “Il-Familja t’Abraham—Stampa Profetika,” f’paġna 218.) Sara, il-“ħielsa,” mart Abraham, tiffigura l-organizzazzjoni taʼ ħlejjaq spirti li għal Jehovah hi bħal martu. Ħagar, tfajla lsira u l-mara sekondarja, jew konkubina, t’Abraham, tiffigura lil Ġerusalemm taʼ l-art.
6. L-organizzazzjoni li Alla għandu fis-sema f’liema sens għaddiet minn perijodu twil bla tfal?
6 B’dan l-isfond, nibdew naraw is-sinifikat profond taʼ Isaija 54:1. Wara għaxriet taʼ snin bħala mara ħawlija, Sara wildet lil Iżakk meta kellha 90 sena. Bl-istess mod, l-organizzazzjoni li Jehovah għandu fis-sema għaddiet minn perijodu twil li fih kienet bla tfal. Lura fil-ġnien taʼ Għeden, Jehovah wiegħed li l-“mara” tiegħu kienet se tipproduċi n-‘nisel.’ (Ġenesi 3:15) Iktar minn 2,000 sena wara, Jehovah għamel il-patt tiegħu m’Abraham rigward in-Nisel tal-wegħda. Imma l-“mara” li Alla għandu fis-sema kellha tistenna ħafna u ħafna iktar sekli qabel ma tipproduċi dan in-Nisel. Xorta waħda, wasal iż-żmien meta t-tfal taʼ din li darba kienet “mara bla tfal” kienu iktar numerużi minn dawk taʼ Iżrael tal-laħam. It-tixbiha tal-mara ħawlija tgħinna naraw għala l-anġli kienu daqshekk ħerqanin biex jaraw b’għajnejhom il-wasla tan-Nisel imbassar. (1 Pietru 1:12) Dan meta seħħ finalment?
7. “Ġerusalemm taʼ fuq” meta kellha għalfejn tifraħ, bħalma tbassar f’Isaija 54:1, u għala twieġeb hekk?
7 It-twelid taʼ Ġesù bħala tarbija ċertament li kien okkażjoni taʼ ferħ fost l-anġli. (Luqa 2:9-14) Imma din ma kinitx il-ġrajja mbassra f’Isaija 54:1. Kien biss meta Ġesù tnissel bl-ispirtu qaddis fis-sena 29 E.K. li hu sar iben spiritwali taʼ “Ġerusalemm taʼ fuq,” rikonoxxut pubblikament minn Alla nnifsu bħala ‘Ibnu, l-għażiż.’ (Mark 1:10, 11; Lhud 1:5; 5:4, 5) Kien f’dan iż-żmien li l-“mara” li Alla għandu fis-sema kellha għalfejn tifraħ, bi twettiq taʼ Isaija 54:1. Sa fl-aħħar kienet ipproduċiet in-Nisel imwiegħed, il-Messija! Is-sekli sħaħ li fihom kienet bla tfal kienu għaddew. Madankollu, il-ferħ tagħha ma ntemmx hawnhekk.
Ulied Numerużi għall-Mara Ħawlija
8. Il-“mara” li Alla għandu fis-sema għala kellha raġun tifraħ wara li pproduċiet in-Nisel imwiegħed?
8 Wara l-mewt u l-irxoxt taʼ Ġesù, il-“mara” li Alla għandu fis-sema ferħet meta ħadet lura lil dan l-Iben favorit bħala “l-kbir li qam mill-imwiet.” (Kolossin 1:18) Imbagħad bdiet tipproduċi iktar ulied spiritwali. Nhar Pentekoste tas-sena 33 E.K., madwar 120 mis-segwaċi taʼ Ġesù ġew midlukin bl-ispirtu qaddis, u b’hekk ġew adottati bħala werrieta sħab maʼ Kristu. Iktar tard dak il-jum żdiedu 3,000 oħra. (Ġwann 1:12; Atti 1:13-15; 2:1-4, 41; Rumani 8:14-16) Dan il-grupp taʼ wlied baqaʼ jikber. Matul l-ewwel sekli taʼ l-apostasija fil-Kristjaneżmu, it-tkabbir kważi waqaf għalkollox. Madankollu, dan kellu jinbidel fis-seklu 20.
9, 10. Għal mara li fil-qedem kienet tgħammar fit-tined, x’kienet tfisser l-istruzzjoni biex ‘tkabbar il-post taʼ l-għarix tagħha,’ u dan għala jkun żmien taʼ ferħ għaliha?
9 Isaija jissokta jipprofetizza dwar perijodu taʼ tkabbir impressjonanti: “Kabbar il-post taʼ l-għarix tiegħek, wessaʼ t-tined taʼ l-għamajjar tiegħek, tibżax għalihom; tawwal il-ħbula tiegħek, waħħal tajjeb il-kunjardi. Għax lejn il-lemin għad tinfirex u lejn ix-xellug, u nislek jiret il-ġnus, u fl-ibliet mitluqa jgħammar. Tibżax, int ma jkollokx mniex tistħi! Tħammarx aktar wiċċek, għax għajb ma jkollokx aktar. Int għad tinsa l-għajb taʼ rmulitek, ma tiftakarx iżjed fil-mistħija tar-romol tiegħek.”—Isaija 54:2-4.
10 Hawnhekk Ġerusalemm tissemma bħallikieku kienet mara miżżewġa u omm li qed tgħammar fit-tined, preċiż bħalma kienet Sara. Meta titbierek b’familja li qed tikber, ikun wasal iż-żmien biex omm bħal din tieħu ħsieb tkabbar darha. Ikollha bżonn twessaʼ t-tined, ittawwal il-ħbula, u twaħħal il-kunjardi fil-pożizzjonijiet ġodda tagħhom. Dan hu xogħol hieni għaliha, u f’dan iż-żmien meta jkollha ħafna x’tagħmel, ikun faċli għaliha li tinsa s-snin li qattgħet tinkwieta jekk hux se jkollha tfal biex tkompli r-razza.
11. (a) Il-“mara” li Alla għandu fis-sema kif tbierket fl-1914? (Ara n-nota taʼ taħt.) (b) Mill-1919 ’il quddiem, il-midlukin fuq l-art liema barka esperjenzaw?
11 Ġerusalemm taʼ l-art tbierket bi żmien taʼ tiġdid bħal dan wara l-eżilju f’Babilonja. “Ġerusalemm taʼ fuq” tbierket saħansitra iktar.a B’mod partikulari mill-1919 ’l hawn, il-membri tan-‘nisel’ midluk tagħha ffjorixxew fil-kundizzjoni spiritwali tagħhom li kienet għadha kif ġiet imġedda. (Isaija 61:4; 66:8) Huma ‘wirtu l-ġnus’ fis-sens li marru f’ħafna pajjiżi biex ifittxu lil dawk kollha li riedu jissieħbu mal-familja spiritwali tagħhom. Bħala riżultat, seħħ tkabbir mgħaġġel ħafna fil-ġbir taʼ l-ulied midlukin. L-għadd finali tagħhom taʼ 144,000 deher li mtela f’xi żmien f’nofs is-snin tletin tas-seklu l-ieħor. (Apokalissi 14:3) F’dak iż-żmien ix-xogħol taʼ l-ippridkar ma baqax immirat fuq li jinġabru l-midlukin. Xorta waħda, it-tkabbir ma waqafx meta nġabru l-midlukin.
12. Minbarra l-midlukin, min huma dawk li nġabru fil-kongregazzjoni Kristjana mis-snin tletin tas-seklu l-ieħor ’l hawn?
12 Ġesù nnifsu bassar li, minbarra l-“merħla ċkejkna” taʼ ħutu l-midlukin, kien se jkollu “nagħaġ oħra” li jridu jiddaħħlu fil-maqjel tan-nagħaġ ifformat minn Kristjani veri. (Luqa 12:32; Ġwann 10:16) Għalkemm ma jinsabux fost l-ulied midlukin taʼ “Ġerusalemm taʼ fuq,” dawn l-imseħbin leali tal-midlukin iwettqu sehem importanti li ġie profetizzat żmien twil ilu. (Żakkarija 8:23) Mis-snin tletin tas-seklu l-ieħor sa llum, inġabret “kotra kbira” minnhom, u dan wassal biex il-kongregazzjoni Kristjana kibret iżjed minn qatt qabel. (Apokalissi 7:9, 10) Illum din il-kotra kbira tgħodd bil-miljuni. Dan it-tkabbir kollu ħoloq ħtieġa urġenti għal iktar Swali tas-Saltna, Swali taʼ l-Assembleat, u fergħat b’kumplessi taʼ bini. Kliem Isaija jidher dejjem iktar xieraq. Xi privileġġ li tkun parti minn dan it-tkabbir imbassar!
Omm li Tħoss għal Nisilha
13, 14. (a) Liema diffikultà donnha tidher li hemm dwar ftit mill-espressjonijiet diretti lejn il-“mara” li Alla għandu fis-sema? (b) Liema dehen nistgħu niksbu mill-mod kif Alla juża r-relazzjonijiet tal-familja bħala tixbiha?
13 Rajna li fit-twettiq akbar, il-“mara” tal-profezija tirrappreżenta lill-organizzazzjoni li Jehovah għandu fis-sema. Imma wara li naqraw Isaija 54:4, għandna mnejn niskantaw kif din l-organizzazzjoni taʼ ħlejjaq spirti qatt sofriet l-għajb jew it-tmaqdir. Il-versi taʼ wara jgħidu li l-“mara” t’Alla se tiġi miċħuda, imnikkta, u attakkata. Hi saħansitra se tqanqal l-għadab t’Alla. Kif jistgħu dawn l-affarijiet japplikaw għal organizzazzjoni taʼ ħlejjaq spirti perfetti li qatt ma dinbu? Ir-risposta tinsab fin-natura tal-familja.
14 Jehovah juża relazzjonijiet tal-familja—raġel u mara miżżewġin, omm u tfal—biex iwassal veritajiet spiritwali profondi għaliex dawn is-simboli huma sinifikanti għall-bnedmin. Huma kemm huma l-esperjenzi tal-familja tagħna stess jew hi x’inhi l-kwalità tagħhom, aħna x’aktarx li għandna xi idea dwar kif għandhom ikunu żwieġ tajjeb u relazzjoni tajba bejn il-ġenituri u t-tfal. Għalhekk, kemm jgħallimna b’mod ċar Jehovah li hu għandu relazzjoni intima mill-qalb u taʼ fiduċja mal-qtajjaʼ kbar taʼ qaddejja spirti tiegħu! U kemm jgħallimna b’mod impressjonanti li l-organizzazzjoni tiegħu fis-sema tħoss għan-nisel tagħha fuq l-art li hu mnissel bl-ispirtu! Meta l-qaddejja umani jsofru, il-qaddejja leali fis-sema, “Ġerusalemm taʼ fuq,” isofru. Bl-istess mod, Ġesù qal: “Kull ma għamiltu maʼ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti [midlukin bl-ispirtu], għamiltuh miegħi.”—Mattew 25:40.
15, 16. Liema hu l-ewwel twettiq taʼ Isaija 54:5, 6, u liema hu t-twettiq akbar?
15 Għalhekk, m’għandux jissorprendina li ħafna minn dak li jintqal lill-“mara” li Jehovah għandu fis-sema jirrifletti l-esperjenzi taʼ wliedha fuq l-art. Qis dan il-kliem: “L-għarus tiegħek il-Ħallieq tiegħek, Jaħweh taʼ l-eżerċti jismu; il-feddej tiegħek, il-Qaddis taʼ Iżrael, ‘Alla taʼ l-art kollha’ jissejjaħ. Iva, bħal mara mitluqa u mdejjqa f’qalbha sejjaħlek il-Mulej, ‘bħal mara mitluqa f’żgħożitha,’ jgħid il-Mulej Alla tiegħek.”—Isaija 54:5, 6.
16 Min hi l-mara miżżewġa msemmija hawnhekk? Fl-ewwel twettiq, din hija Ġerusalemm, li tirrappreżenta lin-nies t’Alla. Matul is-70 sena t’eżilju f’Babilonja, huma se jħossu li Jehovah bħallikieku ċaħadhom u telaqhom għalkollox. Fit-twettiq akbar, il-kliem jirreferi għal “Ġerusalemm taʼ fuq” u l-esperjenza tagħha f’li finalment tipproduċi n-‘nisel’ bi twettiq taʼ Ġenesi 3:15.
Dixxiplina għal Ftit, Barkiet għal Dejjem
17. (a) Ġerusalemm taʼ l-art kif se ġġarrab “saħna” taʼ korla divina? (b) L-ulied taʼ “Ġerusalemm taʼ fuq” liema “saħna” ġarrbu?
17 Tkompli l-profezija: “‘Għal ftit jien tlaqtek; imma bi mħabba bla qjies jien nerġaʼ niġbrok. Fis-saħna tal-korla ħbejt wiċċi għal ftit minnek; bi mħabba taʼ dejjem inħenn għalik,’ jgħid il-Mulej, il-Feddej tiegħek.” (Isaija 54:7, 8) Ġerusalemm taʼ l-art tinfena mis-“saħna” tal-korla t’Alla meta l-qawwiet armati Babiloniżi jattakkawha fis-sena 607 Q.E.K. Is-sebgħin sena t’eżilju jistgħu jidhru li huma żmien twil. Xorta waħda, dawn il-provi jdumu “għal ftit” meta jitqabblu mal-barkiet għal dejjem li hemm maħżunin għal dawk li jaċċettaw id-dixxiplina. Bl-istess mod, l-ulied midlukin taʼ “Ġerusalemm taʼ fuq” ħassew bħallikieku kienu nfnew minn “saħna” t’għadab divin meta Jehovah ħalliehom jiġu attakkati mill-elementi politiċi li kienu mxewxin minn Babilonja l-Kbira. Imma kemm dehret qasira iktar tard din il-miżura taʼ dixxiplina, meta tqabbilha mas-snin taʼ barkiet spiritwali li ġew mill-1919 ’l hawn!
18. Liema prinċipju importanti nistgħu nitgħallmu rigward l-għadab taʼ Jehovah kontra l-poplu tiegħu, u dan kif jistaʼ jeffettwana personalment?
18 Dawn il-versi jesprimu verità kbira oħra—l-għadab t’Alla jdum għal ftit, imma l-ħniena tiegħu tibqaʼ għal dejjem. Ir-rabja tiegħu tixgħel kontra l-ħażen, imma din tkun dejjem kontrollata, dejjem bi skop. U jekk naċċettaw id-dixxiplina taʼ Jehovah, ir-rabja tiegħu ddum “għal ftit,” imbagħad tbatti. Minflokha jagħtina “mħabba bla qjies”—il-maħfra u l-qalb tajba bl-imħabba tiegħu. Dawn idumu għal “dejjem.” Għalhekk, meta nagħmlu xi dnub, qatt m’għandna naħsbuha darbtejn biex nindmu u nfittxu li nerġgħu nitħabbu m’Alla. Jekk id-dnub ikun taʼ natura serja, għandna navviċinaw immedjatament lill-anzjani tal-kongregazzjoni. (Ġakbu 5:14) Veru, forsi tkun meħtieġa d-dixxiplina, u jistaʼ jkun diffiċli li naċċettawha. (Lhud 12:11) Imma se tkun qasira meta titqabbel mal-barkiet għal dejjem li jgelglu mingħand Alla Jehovah meta wieħed jirċievi l-maħfra tiegħu!
19, 20. (a) X’inhu l-patt tal-qawsalla, u x’importanza għandu għall-eżiljati f’Babilonja? (b) Illum ‘il-patt tas-sliem’ jipprovdi liema assiguranza għall-Kristjani midlukin?
19 Jehovah issa joffri rassiguranza taʼ faraġ lin-nies tiegħu: “‘Dan għalija bħal fi żmien Noè, meta ħlift li l-ilma ma jerġax jgħarraq l-art. Hekk naħlef issa li ma nisħonx aktar għalik, u lanqas ma nċanfrek. Jistgħu jitħarrku l-muntanji, jitheżhżu l-għoljiet, imma mħabbti minn miegħek ma titħarrikx, u s-sliem tal-patt tiegħi ma jitheżhiżx,’ jgħid il-Mulej li jħenn għalik.” (Isaija 54:9, 10) Wara d-Dilluvju, Alla għamel patt—kultant magħruf bħala l-patt tal-qawsalla—maʼ Noè u maʼ kull ruħ ħajja oħra. Jehovah wiegħed li mhux se jġib qerda iktar fuq l-art permezz taʼ dilluvju globali. (Ġenesi 9:8-17) X’ifisser dan għal Isaija u n-nies tiegħu?
20 Huwa taʼ faraġ li jkunu jafu li l-kastig li jridu jsofru—l-eżilju taʼ 70 sena f’Babilonja—se jseħħ darba biss. Meta jgħaddi, qatt iktar ma jerġaʼ jseħħ. Minn dakinhar ’il quddiem se jibda jopera ‘l-patt tas-sliem’ t’Alla. Il-kelma Ebrajka għal “sliem” ma tfissirx biss li ma jkunx hemm gwerer imma wkoll li jkun hemm benesseri taʼ kull tip. Min-naħa t’Alla dan il-patt huwa permanenti. Iktar faċli li jgħibu l-għoljiet u l-muntanji milli tintemm il-qalb tajba bl-imħabba tiegħu lejn il-poplu leali tiegħu. B’sogħba, il-membri tal-ġens tiegħu fuq l-art fl-aħħar mill-aħħar m’humiex se jonorawh il-patt min-naħa tagħhom u se jiksru s-sliem tagħhom stess billi jiċħdu lill-Messija. Madankollu, ulied “Ġerusalemm taʼ fuq” marru ferm aħjar. Meta għadda l-perijodu taʼ dixxiplina diffiċli tagħhom, huma kienu ċerti li se jkollhom il-protezzjoni divina.
Is-Sigurtà Spiritwali tal-Poplu t’Alla
21, 22. (a) Għala jingħad li “Ġerusalemm taʼ fuq” ġiet mgħakksa u mħabbta mill-irwiefen? (b) Il-kundizzjoni mbierka tal-“mara” li Alla għandu fis-sema x’kellha tfisser għan-‘nisel’ tagħha fuq l-art?
21 Jehovah jissokta jbassar sigurtà għall-poplu leali tiegħu: “Magħkusa, mħabbta mill-irwiefen, mara bla faraġ! Jien inqiegħed il-ġebel tiegħek bl-ifjen tajn; u l-pedamenti tiegħek biż-żaffir. Nagħmel l-amberżuni taʼ swarek tar-rubini, u bwiebek tal-karbunkli, u d-dawra tas-swar tal-ħaġar prezzjuż. Uliedek ilkoll ikunu mgħallma mill-Mulej, kbir għad ikun ġid uliedek. Fuq sies il-ġustizzja titwaqqaf, ’il bogħod mit-tagħkis, għax ma għandekx mniex tibżaʼ; u ’l bogħod mit-twerwir, għax ma jersaqx lejk. Jekk jaħbtu għalik, ma jkunx minni; min jaħbat għalik, jaqaʼ quddiemek.”—Isaija 54:11-15.
22 M’għandniex xi ngħidu, il-“mara” taʼ Jehovah fil-qasam taʼ l-ispirti qatt ma ġiet mgħakksa jew imħabbta mill-irwiefen direttament. Imma sofriet meta sofrew il-membri tan-‘nisel’ midluk tagħha fuq l-art, speċjalment meta kienu f’jasar spiritwali matul il-perijodu taʼ l-1918-19. Mill-banda l-oħra, meta l-“mara” tas-sema tiġi glorifikata, dan juri li fost il-membri taʼ nisilha jeżisti stat simili. Għalhekk, ikkunsidra d-deskrizzjoni taʼ tifħir għal “Ġerusalemm taʼ fuq.” Bħalma jinnota xogħol taʼ referenza, il-ħaġar prezzjuż fuq il-bibien, l-“ifjen tajn” li jiswa l-flus, il-pedamenti, u saħansitra d-dawra tas-swar jissuġġerixxu “ġmiel, sbuħija, safa, saħħa, u qawwa.” X’kien li se jwassal lill-Kristjani midlukin f’din il-kundizzjoni mbierka u mimlija sigurtà?
23. (a) Li jkunu “mgħallma mill-Mulej” kellu liema effett fuq il-Kristjani midlukin fl-aħħar jiem? (b) In-nies t’Alla f’liema sens tbierku b’“dawra tas-swar tal-ħaġar prezzjuż”?
23 It-tweġiba qiegħda fil-vers 13 taʼ Isaija kapitlu 54—ilkoll se jkunu “mgħallma mill-Mulej.” Ġesù nnifsu applika l-kliem taʼ dan il-vers għas-segwaċi midlukin tiegħu. (Ġwann 6:45) Il-profeta Danjel bassar li matul dan iż-“żmien taʼ l-aħħar,” il-midlukin kienu se jitbierku b’abbundanza t’għarfien veru u dehen spiritwali. (Danjel 12:3, 4) Bis-saħħa taʼ dan id-dehen huma setgħu jmexxu l-akbar kampanja edukattiva fl-istorja tad-dinja, dik li jxerrdu t-tagħlim divin maʼ l-art kollha. (Mattew 24:14) Fl-istess waqt, dan id-dehen għenhom jaraw id-differenza li hemm bejn ir-reliġjon vera u dik falza. Isaija 54:12 isemmi “dawra tas-swar tal-ħaġar prezzjuż.” Mill-1919 ’l hawn, Jehovah ta lill-midlukin fehma li dejjem tiċċara iktar dwar id-dawra tas-swar—il-fruntieri spiritwali. B’dan hu sseparahom mir-reliġjon falza u mill-elementi tad-dinja li jiċħdu ’l Alla. (Eżekjel 44:23; Ġwann 17:14; Ġakbu 1:27) Huma b’hekk jiġu separati bħala l-poplu t’Alla.—1 Pietru 2:9.
24. Kif nistgħu naċċertaw ruħna li qed niġu mgħallmin minn Jehovah?
24 B’hekk, kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jistaqsi lilu nnifsu, ‘Qiegħed jien niġi mgħallem minn Jehovah?’ Dan it-tagħlim ma nirċivuhx awtomatikament. Irridu nagħmlu sforz. Jekk naqraw il-Kelma t’Alla regolarment u nimmeditaw fuqha u jekk nieħdu l-istruzzjoni billi naqraw il-letteratura bbażata fuq il-Bibbja u pubblikata mill-“ilsir leali u diskret” u billi nippreparaw għal-laqgħat Kristjani u nattenduhom, tabilħaqq li se nkunu mgħallmin minn Jehovah. (Mattew 24:45-47, NW) Jekk nagħmlu ħilitna biex napplikaw dak li nitgħallmu u nibqgħu mqajmin u għassa spiritwalment, it-tagħlim divin se jisseparana bħala li aħna differenti minn dawk li qegħdin f’din id-dinja taʼ mingħajr Alla. (1 Pietru 5:8, 9) U fuq kollox, dan se jgħinna ‘nersqu lejn Alla.’—Ġakbu 1:22-25; 4:8.
25. Il-wegħda t’Alla li se jkollhom is-sliem xi tfisser għan-nies tiegħu fi żmienna?
25 Il-profezija taʼ Isaija turi wkoll li l-midlukin jitbierku bi sliem abbundanti. Ifisser dan li huma qatt ma jiġu attakkati? Le, imma Alla jassigurahom li hu la se jibgħat dawn l-attakki u lanqas se jħallihom jirnexxu. Naqraw: “‘Ara, jiena ħlaqt il-ħaddied li jonfoħ fuq in-nar tal-ġamar, u joħroġ l-għodda skond l-għan tagħha, u jiena ħlaqt il-qerried biex iħarbat. Ebda arma magħmula kontrik ma tiswa, u kull ilsien li jħaqqaq kontrik toħorġu b’ħati. Din hi x-xorti [jew, il-wirt] tal-qaddejja tal-Mulej; mingħandi jieħdu r-raġun,’ oraklu tal-Mulej.”—Isaija 54:16, 17.
26. Għala huwa rassiguranti li tkun taf li Jehovah hu l-Ħallieq tal-bnedmin kollha?
26 Għat-tieni darba f’dan il-kapitlu taʼ Isaija, Jehovah jfakkar lill-qaddejja tiegħu li hu l-Ħallieq. Iktar kmieni, hu jgħid lill-mara simbolika tiegħu li hu l-“Ħallieq” tagħha. Issa jgħid li hu l-Ħallieq tal-bnedmin kollha. Vers 16 jiddeskrivi ħaddied li jonfoħ fuq il-ġamar taʼ l-inkwina tiegħu hekk kif isawwar l-armi qerrieda tiegħu u gwerrier, “qerried biex iħarbat.” Nies bħal dawn jistgħu jidhru li huma tal-biżaʼ għal sħabhom il-bnedmin, imma kif jistgħu biss jittamaw li se jirbħu kontra l-Ħallieq tagħhom? Hekk ukoll illum, anki meta l-qawwiet armati l-iktar b’saħħithom taʼ din id-dinja jattakkaw lin-nies taʼ Jehovah, fl-aħħar mill-aħħar ma se jkollhom ebda ċans li jirnexxu. Kif jistaʼ jkun dan?
27, 28. Dwar liema ħaġa nistgħu nkunu ċerti matul dawn iż-żminijiet mimlijin inkwiet, u għala nafu li l-attakki taʼ Satana kontrina mhux se jkunu effettivi?
27 Għadda ż-żmien biex isir attakk qerriedi kontra n-nies t’Alla u l-qima tagħhom bl-ispirtu u l-verità. (Ġwann 4:23, 24) Jehovah ppermetta li Babilonja l-Kbira twettaq attakk wieħed li fil-fatt irnexxa għal ftit. Għal mument wieħed, “Ġerusalemm taʼ fuq” rat lil nisilha jiġi msikket kważi għalkollox hekk kif ix-xogħol taʼ l-ippridkar fuq l-art kważi waqaf għalkollox. Qatt iktar! Issa hi tifraħ minħabba wliedha, għax, f’sens spiritwali, ħadd ma jistaʼ jirbħilhom. (Ġwann 16:33; 1 Ġwann 5:4) Iva, kien hemm armi għall-attakk imsawrin kontrihom, u se jkun hemm iktar. (Apokalissi 12:17) Imma dawn la rnexxew u lanqas se jirnexxu. Satana m’għandu ebda arma li biha jistaʼ jirbaħ il-fidi u jitfi ż-żelu jaħraq tal-midlukin u taʼ sħabhom. Dan is-sliem spiritwali huwa l-wirt tal-qaddejja taʼ Jehovah, u għalhekk ħadd ma jistaʼ jiħodhulhom bil-forza.—Salm 118:6; Rumani 8:38, 39.
28 Le, xejn minn dak li tistaʼ tagħmel id-dinja taʼ Satana ma qatt se jwaqqaf ix-xogħol u l-qima safja u dejjiema li jagħtu lil Alla l-qaddejja dedikati tiegħu. In-nisel midluk taʼ “Ġerusalemm taʼ fuq” kiseb faraġ kbir minn din l-assiguranza. Il-membri tal-kotra l-kbira wkoll jiksbu faraġ minn dan. Iktar ma nsiru nafu dwar l-organizzazzjoni li Jehovah għandu fis-sema u dwar il-mod kif din taġixxi maʼ l-adoraturi tiegħu fuq l-art, iktar se tissaħħaħ il-fidi tagħna. Dment li l-fidi tagħna tkun b’saħħitha, l-armi taʼ Satana se juru li huma bla fejda fil-ġlieda kontrina!
[Nota taʼ taħt]
a Skond Apokalissi 12:1-17, il-“mara” t’Alla tbierket bil-kbir għax wildet ‘nisel’ importanti ferm—mhux xi iben spirtu, imma s-Saltna Messjanika fis-sema. Dan it-twelid seħħ fl-1914. (Ara Revelation—Its Grand Climax At Hand!, paġni 177-86.) Il-profezija taʼ Isaija tiffoka fuq il-ferħ li din tħoss bħala riżultat tal-barka t’Alla fuq l-ulied midlukin li għandha fuq l-art.
[Kaxxa f’paġna 218, 219]
Il-Familja t’Abraham—Stampa Profetika
L-appostlu Pawlu spjega li l-familja t’Abraham isservi bħala dramm simboliku, stampa profetika tar-relazzjoni li Jehovah għandu maʼ l-organizzazzjoni tiegħu fis-sema u mal-ġens taʼ Iżrael fuq l-art taħt il-patt tal-Liġi Mosajka.—Galatin 4:22-31.
Abraham, bħala l-kap tal-familja, jirrappreżenta lil Alla Jehovah. Hu kien lest li joffri lill-għażiż ibnu Iżakk bħala sagrifiċċju. Dan jiffigura bil-quddiem il-fatt li Jehovah kien lest li joffri lil Ibnu l-maħbub bħala sagrifiċċju għad-dnubiet tal-bnedmin.—Ġenesi 22:1-13; Ġwann 3:16.
Sara tiffigura lill-“mara” li Alla għandu fis-sema, l-organizzazzjoni tiegħu taʼ ħlejjaq spirti. Din l-organizzazzjoni tas-sema hija deskritta b’mod xieraq bħala mart Jehovah, għax hi msieħba b’mod intimu miegħu, hi sottomessa lejh bħala l-kap tagħha, u tikkoopera bis-sħiħ fit-twettiq taʼ l-iskopijiet tiegħu. Hi tissejjaħ ukoll “Ġerusalemm taʼ fuq.” (Galatin 4:26) L-istess “mara” tissemma f’Ġenesi 3:15, u hi deskritta fil-viżjoni t’Apokalissi 12:1-6, 13-17.
Iżakk jirrappreżenta lin-Nisel spiritwali tal-mara t’Alla. Primarjament, dan hu Ġesù Kristu. Madankollu, in-nisel sar jinkludi wkoll lil ħut Kristu, il-midlukin, li huma adottati bħala wlied spiritwali u jsiru werrieta mseħbin maʼ Kristu.—Rumani 8:15-17; Galatin 3:16, 29.
Ħagar, il-mara sekondarja, jew konkubina, t’Abraham, kienet ilsira. Hi tiffigura b’mod xieraq lil Ġerusalemm taʼ l-art, li kienet gvernata mill-kodiċi tal-Liġi Mosajka. Din il-Liġi wriet li s-segwaċi kollha tagħha kienu lsiera tad-dnub u l-mewt. Pawlu qal li “Ħagar hija l-muntanja Sinaj li hi fl-Għarabja,” għaliex il-patt tal-Liġi kien stabbilit hemmhekk.—Galatin 3:10, 13; 4:25.
Ismagħel, bin Ħagar, jiffigura lil-Lhud taʼ l-ewwel seklu, ulied Ġerusalemm li kien għadhom imjassrin taħt il-Liġi Mosajka. Bħalma Ismagħel ippersegwita lil Iżakk, hekk ukoll dawn il-Lhud ippersegwitaw lill-Kristjani, li kienu l-ulied midlukin taʼ “Ġerusalemm taʼ fuq,” li hi ffigurata minn Sara. U sewwa sew bħalma Abraham keċċa lil Ħagar u lil Ismagħel, Jehovah fl-aħħar mill-aħħar warrab lil Ġerusalemm u lill-ulied ribellużi tagħha.—Mattew 23:37, 38.
[Stampa f’paġna 220]
Wara l-magħmudija tiegħu, Ġesù ġie midluk bl-ispirtu qaddis, u Isaija 54:1 beda jkollu l-iktar twettiq importanti tiegħu
[Stampa f’paġna 225]
Jehovah ħeba wiċċu minn Ġerusalemm “għal ftit”
[Stampi f’paġna 231]
Jistgħu l-gwerrier u l-ħaddied jirbħu kontra l-Ħallieq tagħhom?