LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be studju 2 p. 86-p. 88 para. 3
  • Kliem Imlissen Ċar

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kliem Imlissen Ċar
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Materjal Simili
  • Għidu Dak li “Hu Tajjeb Biex Jibni”
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Kun t’Eżempju Tajjeb Meta Titkellem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • “Għidu dak li hu tajjeb biex jibni”
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Kwalità tal-​Leħen
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be studju 2 p. 86-p. 88 para. 3

STUDJU 2

Kliem Imlissen Ċar

X’hemm bżonn tagħmel?

Esprimi l-​kliem b’mod li jkun jistaʼ jiġi mifhum faċilment mill-​udjenza tiegħek. Dan jinvolvi (1) użu xieraq tal-​organi tat-​taħdit u (2) fehma taʼ kif jinbena l-​kliem.

Għala Importanti?

Meta tippronunzja l-​kliem bl-​attenzjoni, oħrajn jistgħu jifhmu dak li tkun qed tgħid. Kliem li jitlissen ċar x’aktarx li jittieħed bis-​serjetà.

SABIEX tikkomunika b’mod effettiv, trid titkellem ċar. Dak li tkun trid tgħid jistaʼ jkun interessanti, saħansitra importanti, iżda ħafna minnu jintilef jekk kliemek ma jinftihemx faċilment.

In-​nies ma jiġux imqanqlin minn diskors li ma jifhmux sew. Avolja individwu jkollu leħen qawwi u li jwassal, jekk igedwed il-​kliem, mhux se jqanqal lil oħrajn biex jaġixxu. Ikun bħallikieku qed jitkellem b’lingwa barranija li s-​semmiegħ ma jifhimx. (Ġer. 5:15) Il-​Bibbja tfakkarna: “Jekk mit-​trumbetta toħroġ sejħa li ma tkunx ċara, min jitħejja għall-​battalja? Hekk ukoll, jekk bi lsienkom ma tlissnux kliem li jinftiehem faċilment, kif se jintgħaraf x’qed jintqal? Fil-​fatt, tkunu qed titkellmu fl-​arja.”—1 Kor. 14:8, 9.

Xi Jġiegħel lid-​Diskors Ma Jinftihemx? Jistaʼ jkun li ma tiftaħx ħalqek biżżejjed. Muskoli tax-​xedaq li jkunu riġidi u xofftejn li bilkemm jiċċaqalqu jistgħu jwasslu biex dak li jkun jitkellem b’leħen maħnuq.

Diskorsok jistaʼ jkun diffiċli li jinftiehem ukoll jekk taħtaf il-​kliem. Huwa bħal meta ddoqq rekording taʼ diskors b’ritmu iktar mgħaġġel milli suppost jindaqq. Il-​kliem hemm ikun, imma ħafna mill-​benefiċċju jintilef.

Xi drabi, id-​diskors li ma jinftihemx hu marbut maʼ difett fl-​istruttura tal-​organi tat-​taħdit. Iżda anki dawk l-​uħud li jridu jkampaw maʼ problema bħal din jistgħu jmorru għall-​aħjar billi japplikaw is-​suġġerimenti li jinsabu f’dan l-​istudju.

Madankollu, spiss id-​diskors ma jinftihemx għax il-​kliem jingħad bi tgedwid—bla pawsa bejn kelma u oħra, u b’hekk ikun diffiċli li wieħed jifhem kull kelma. Il-​problema tistaʼ tinvolvi li taqbeż xi sillabi jew xi ittri importanti jew li twaqqaʼ l-​aħħar parti tal-​kliem. Meta individwu jaħtaf il-​kliem bl-​addoċċ, is-​semmiegħa tiegħu forsi jifhmu xi ideat u frażijiet iżda jkollhom jaqtgħu x’inhuma l-​oħrajn. Jekk wieħed ma jlissinx il-​kliem ċar, it-​tagħlim tiegħu jistaʼ ma jkunx daqshekk effettiv.

Kif Titkellem Ċar. Wieħed mill-​fatturi importanti biex tlissen il-​kliem ċar hu li tifhem il-​mod kif inhu magħmul il-​kliem fil-​lingwa tiegħek. Fil-​biċċa l-​kbira mil-​lingwi, il-​kliem hu magħmul minn sillabi. Is-​sillabi huma magħmulin minn ittra waħda jew iktar li jitlissnu flimkien. F’lingwi bħal dawn, kull sillaba normalment titlissen meta persuna titkellem, għalkemm mhux kollha jitlissnu bl-​istess ammont taʼ enfasi. Jekk trid ittejjeb iċ-​ċarezza tad-​diskors tiegħek, naqqas il-​pass u agħmel l-​almu tiegħek biex tlissen kull sillaba. Għall-​ewwel, dan jistaʼ jinstemaʼ preċiż iżżejjed, imma hekk kif tipprattika, bil-​mod il-​mod se terġaʼ taqbad ritmu naturali fid-​diskors. Sabiex tkun fluwenti, int bla dubju se taħtaf ċertu kliem, imma dan għandu jiġi evitat jekk hemm xi periklu li jintilef is-​sens tal-​kliem.

Oqgħod attent: Biex ittejjeb il-​pronunzja tiegħek, tistaʼ tipprattika billi titkellem u taqra b’mod preċiż iżżejjed. Iżda tħallix li dan isir il-​mod normali kif titkellem, għax inkella tinstemaʼ falz u mhux naturali.

Jekk diskorsok jinstemaʼ xi ftit maħnuq, tgħallem żomm rasek ’il fuq u geddumek ’il bogħod minn sidrek. Meta taqra mill-​Bibbja, żomm il-​ktieb fl-​għoli biżżejjed ħalli tkun tistaʼ ddawwar ħarstek mill-​udjenza għall-​Bibbja b’sempliċi daqqa t’għajn ’l isfel. Dan jippermetti li kliemek jitlissen bla tfixkil.

Billi titgħallem tnaqqas it-​tensjoni tistaʼ wkoll ittejjeb id-​diskors tiegħek. Huwa fatt magħruf li t-​tensjoni fil-​muskoli tal-​wiċċ jew fil-​muskoli li jikkontrollaw in-​nifs tistaʼ ttellef fid-​diskors. Din it-​tensjoni tfixkel il-​koordinazzjoni armonjuża li għandu jkun hemm bejn il-​moħħ, l-​organi tal-​vuċi, u l-​kontroll tan-​nifs tiegħek—sistema li għandha tkun bla skossi u naturali.

Il-​muskoli tax-​xedaq iridu jkunu rilassati sabiex iwieġbu minnufih għad-​direzzjoni li jibgħat il-​moħħ. Ix-​xofftejn ukoll iridu jkunu rilassati. Dawn għandhom ikunu lesti li jikbru u jiċkienu malajr sabiex jesprimu l-​ħafna ħsejjes li joriġinaw mill-​ħalq u mill-​gerżuma. Jekk hemm it-​tensjoni fix-​xedaq u fix-​xofftejn, il-​ħalq ma jinfetaħx kif suppost, u l-​ħoss se jkun sforzat minn bejn is-​snien. Dan jirriżulta f’leħen aħrax, maħnuq, u li ma jinftihemx. Madankollu, li tirrilassa x-​xedaq u x-​xofftejn ma jfissirx li tlissen il-​kliem kif ġie ġie. Dan għandu jkun bilanċjat mad-​drawwa li tifforma l-​ħsejjes b’tali mod li l-​pronunzja tkun ċara.

Meta tanalizza s-​sitwazzjoni tiegħek, għandek mnejn issibha taʼ għajnuna li taqra b’leħen għoli. Osserva mill-​qrib kif qed tħaddem l-​organi meraviljużi tat-​taħdit. Tiftaħ ħalqek biżżejjed b’mod li l-​ħsejjes tad-​diskors jistgħu joħorġu mingħajr tfixkil? Trid tiftakar li l-​ilsien mhuwiex l-​uniku organu tat-​taħdit, għalkemm hu wieħed mill-​organi li l-​iktar għandu x’jagħmel. L-​għonq, ix-​xedaq taʼ isfel, ix-​xofftejn, il-​muskoli tal-​wiċċ, u l-​muskoli tal-​griżmejn, ilkoll għandhom irwol. Meta titkellem, ikun hemm ċaqliq fil-​wiċċ? Jekk le, mela hemm probabbiltà kbira li d-​diskors tiegħek mhux qed jinftiehem.

Jekk għandek tejp rekorder, irrekordja lilek innifsek waqt li titkellem b’mod naturali, daqslikieku qed tkellem lil xi ħadd meta tkun fil-​ministeru tal-​għalqa. Agħmel dan għal ftit minuti. Meta tismaʼ dan ir-​rekording tistaʼ tiġi megħjun tara liema problemi jistaʼ jkollok biex tlissen ċar ċertu kliem. Oqgħod attent għal meta titkellem maħnuq, tgedwed, jew tqassar il-​kliem, u pprova skopri x’inhu l-​kaġun. Spiss, tistaʼ ssewwi dawn il-​problemi billi taħdem fuq il-​punti li ġew diskussi.

Għandek xi diffikultà fil-​mod kif titkellem? Ipprattika billi tiftaħ ħalqek ftit iktar milli tiftħu s-​soltu, u mbagħad ipprova ppronunzja l-​kliem saħansitra b’iktar attenzjoni. Imla l-​pulmun bl-​arja meta tieħu n-​nifs, u tkellem bil-​mod. Dan għen lil ħafna nies b’diffikultajiet fil-​mod kif jitkellmu biex jitħaddtu b’iktar ċarezza. Jekk għandek diffikultà biex tippronunzja sew l-​ittri se, że, u ze, żomm ilsienek lura mis-​snien taʼ quddiem meta tkun se tlissinhom. Għalkemm il-​problema tiegħek tistaʼ ma tkunx solvuta għalkollox, tinkwetax. Ftakar li Ġeħova għażel lil Mosè, raġel li setaʼ kellu xi diffikultà fil-​mod kif jitkellem, biex iwassal messaġġi vitali kemm lin-​nies taʼ Israel u kemm lill-​Fargħun tal-​Eġittu. (Eżo. 4:10-​12) Jekk tassew trid, hu jistaʼ jgħin lilek ukoll, u se jbierek il-​ministeru tiegħek b’suċċess.

KIF JIRNEXXILEK TAGĦMEL DAN

  • Tkellem u aqra kull kelma b’mod ċar—bi pronunzja xierqa, b’leħen għoli biżżejjed, u b’pass raġunevoli.

  • Tgedwidx il-​kliem jew tgħidu bla pawsa bejn kelma u oħra b’mod li t-​tifsira ma tkunx ċara għas-​semmiegħa tiegħek.

  • Żomm rasek ’il fuq, u iftaħ ħalqek biżżejjed meta titkellem.

  • Ipprattika kif tistaʼ tirrilassa għonqok, ix-​xedaq, xofftejk, il-​muskoli tal-​wiċċ, u l-​muskoli tal-​griżmejn.

TAĦRIĠ: Tkellem bħas-​soltu. Kemm tiftħu ħalqek? Għandek bżonn tiftħu ftit iżjed u tuża iktar il-​muskoli tal-​wiċċ? Ipprattika dan meta taqra b’leħen għoli Mattew 8:23-​27. Kun ċert li żżomm rasek ’il fuq, u stinka biex tirrilassa l-​muskoli tax-​xedaq.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja