LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be studju 6 p. 101-p. 104 para. 3
  • Enfasi Biex Jingħata s-​Sens Xieraq

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Enfasi Biex Jingħata s-​Sens Xieraq
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Materjal Simili
  • Skritturi Moqrijin b’Enfasi Xierqa
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Kif Nistaʼ Nkampa mal-Istress tal-Iskola?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
  • X’Tistaʼ Tagħmel Meta Tkun Stressjat
    Stenbaħ!—2020
  • Enfasi fuq l-Ideat Prinċipali
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be studju 6 p. 101-p. 104 para. 3

STUDJU 6

Enfasi Biex Jingħata s-​Sens Xieraq

X’hemm bżonn tagħmel?

Enfasizza l-​kliem u l-​frażijiet b’mod li jkun faċli għas-​semmiegħa li jifhmu l-​ideat li qed jiġu espressi.

Għala Importanti?

L-​enfasi biex tagħti s-​sens xieraq tgħin lill-​kelliemi jżomm l-​attenzjoni taʼ dawk fl-​udjenza tiegħu u tgħinu wkoll jipperswadihom jew jimmotivahom.

META titkellem jew taqra b’leħen għoli, huwa importanti li mhux biss tlissen kliem individwali b’mod korrett imma wkoll li tenfasizza l-​kliem fundamentali u l-​espressjonijiet li fihom il-​ħsieb b’mod li twassal l-​ideat b’ċarezza.

L-​enfasi biex tagħti s-​sens xieraq ma tinvolvix biss li tagħmel iktar enfasi fuq ftit jew saħansitra fuq ħafna kliem. L-​enfasi għandha tkun fuq il-​kliem it-​tajjeb. Jekk jiġi enfasizzat il-​kliem żbaljat, it-​tifsir taʼ dak li tgħid jistaʼ ma jkunx ċar għan-​nies fl-​udjenza tiegħek, li min-​naħa tagħhom jistgħu jħallu ħsibijiethom itiru fuq affarijiet oħrajn. Avolja l-​materjal forsi jkun informattiv, taħdita li m’għandhiex enfasi tajba biex tagħti s-​sens se tkun inqas effettiva f’li tqanqal lill-​udjenza.

L-​enfasi miżjuda tistaʼ tintwera b’diversi modi u spiss tintuża b’iktar minn mod wieħed: b’leħen ogħla, b’iktar intensità tas-​sentiment, b’espressjoni bil-​mod u bil-​kalma, billi tieħu pawsa qabel jew wara xi stqarrija (jew it-​tnejn), u b’ġesti u espressjonijiet tal-​wiċċ. B’xi lingwi, l-​enfasi tistaʼ tintwera wkoll billi tbaxxi jew tgħolli t-​ton. Qis il-​materjal u ċ-​ċirkustanzi li għandek biex tara liema jkun l-​iktar xieraq.

Meta tiddeċiedi x’se tenfasizza, ikkunsidra dan li ġej. (1) Fi kwalunkwe sentenza, il-​kliem li għandu jingħata iżjed enfasi mhuwiex determinat biss mill-​kumplament tas-​sentenza iżda wkoll mill-​kuntest. (2) L-​enfasi biex tagħti s-​sens tistaʼ tintuża biex jiġi enfasizzat il-​bidu taʼ ħsieb ġdid, sew jekk hu punt prinċipali u sew jekk hu sempliċement bidla fl-​irraġunar. Tistaʼ wkoll tiġbed l-​attenzjoni għall-​konklużjoni tal-​irraġunar. (3) Kelliemi jistaʼ juża l-​enfasi biex jagħti s-​sens ħalli juri kif iħossu dwar xi kwistjoni. (4) L-​enfasi biex tagħti s-​sens xieraq tistaʼ wkoll tintuża biex jispikkaw il-​punti prinċipali taʼ taħdita.

Sabiex juża l-​enfasi biex jagħti s-​sens b’dawn il-​modi, kelliemi jew qarrej pubbliku jrid jifhem ċar il-​materjal li għandu u jkun ħerqan li l-​udjenza tiegħu tifhmu sew. Rigward l-​istruzzjoni mogħtija fi żmien Esdra, Neħemija 8:8 jgħid: “Komplew jaqraw b’leħen għoli mill-​ktieb, mil-​liġi taʼ l-​Alla l-​veru, u din ġiet spjegata sew, u mfissra; u komplew ifiehmu l-​qari.” Huwa ovvju li dawk li qraw u spjegaw il-​Liġi taʼ Alla f’din l-​okkażjoni għarfu l-​importanza li jgħinu lil dawk fl-​udjenza tagħhom jifhmu t-​tifsir taʼ dak li nqara, iżommuh f’moħħhom, u japplikawh.

X’Jistaʼ Jikkaġuna Problema. Il-​biċċa l-​kbira min-​nies ikunu kapaċi jagħmlu t-​tifsir tagħhom ċar meta jitkellmu b’mod normali fil-​ħajja taʼ kuljum. Madankollu, meta jaqraw materjal miktub minn xi ħadd ieħor, tistaʼ tkun taʼ sfida li jaraw liema kliem jew espressjonijiet għandhom jenfasizzaw. Is-​sigriet huwa li tifhem sew il-​materjal. Dan jirrikjedi studju bir-​reqqa taʼ dak li nkiteb. Mela jekk tintalab taqra xi materjal fil-​laqgħa tal-​kongregazzjoni, int għandek tipprepara b’mod ħabrieki.

Minflok ma jenfasizzaw is-​sens, xi nies jenfasizzaw il-​kliem f’intervalli pjuttost speċifiċi, sew jekk l-​enfasi tkun waħda sinifikanti u sew jekk le. Oħrajn jenfasizzaw kliem li għandu rwol, forsi billi jpoġġu enfasi esaġerata fuq il-​prepożizzjonijiet u l-​konġunzjonijiet, jiġifieri, kliem li jgħaqqad. Meta l-​enfasi ma tgħinx biex il-​ħsieb ikun ċar, din faċli ssir vizzju li jtellef.

Bl-​għan li jużaw l-​enfasi biex jagħtu s-​sens, xi kelliema jgħollu leħinhom b’mod li jistaʼ jagħmel lill-​udjenza tħossha li qed tiġi mċanfra. M’għandniex xi ngħidu, dan rari jagħti l-​aqwa riżultati. Jekk l-​enfasi biex tagħti s-​sens ma tkunx naturali, l-​impressjoni li tistaʼ tingħata hi li l-​kelliemi qed iqis lin-​nies fl-​udjenza tiegħu bħala inferjuri. Kemm ikun aħjar li sempliċement tipprova tilħqilhom qalbhom bl-​imħabba u tgħinhom jaraw li dak li qed jintqal huwa kemm Skritturali kif ukoll raġunevoli!

Kif Titjieb. Spiss persuna li għandha problema bl-​enfasi biex tagħti s-​sens ma tkunx konxja tagħha. Forsi jkun hemm bżonn li xi ħadd ieħor jiġbdilha l-​attenzjoni għal dan. Jekk għandek bżonn titjieb f’dan il-​qasam, l-​indokratur tal-​iskola tiegħek se jgħinek. Ukoll, toqgħodx lura milli titlob l-​għajnuna mingħand xi ħadd ieħor li hu kelliemi tajjeb. Itolbu jisimgħek b’attenzjoni int u taqra u titkellem u mbagħad għidlu jagħtik xi suġġerimenti dwar kif titjieb.

Biex tibda, min jagħtik il-​pariri jistaʼ jissuġġerilek li tuża xi artiklu fit-​Torri tal-​Għassa biex tipprattika fuqu. Bla dubju, hu se jgħidlek biex tanalizza s-​sentenzi individwali ħalli tagħraf tiddeċiedi liema kliem jew frażijiet għandek tenfasizza sabiex tagħmel it-​tifsir faċli biex jinftiehem. Hu jistaʼ jfakkrek biex tagħti attenzjoni speċjali lil ċertu kliem li jkun bil-​korsiv. Ftakar li l-​kliem fis-​sentenza jaħdem flimkien. Spiss, hija ġabra taʼ kliem li għandha tiġi enfasizzata, mhux sempliċement kelma waħda. B’xi lingwi, l-​istudenti jistgħu jiġu mħeġġin jikkunsidraw iktar bir-​reqqa x’jindikaw l-​aċċenti rigward l-​enfasi biex jingħata s-​sens xieraq.

Bħala l-​pass li jmiss biex titgħallem tara xi trid tenfasizza, il-​ħu li jagħtik il-​pariri jistaʼ jħeġġek tikkunsidra kuntest li jiftaħ iktar fuq is-​suġġett mis-​sentenza nfisha. Liema ħsieb bażiku qed jiġi żviluppat fil-​paragrafu kollu kemm hu? Dan kif għandu jinfluwenza dak li tenfasizza f’sentenzi individwali? Ħares lejn it-​titlu tal-​artiklu u lejn is-​sottitlu b’ittri skuri li taħtu jidher il-​materjal li għandek. Kif jeffettwaw l-​għażla tiegħek taʼ espressjonijiet li għandek tenfasizza? Dawn kollha huma fatturi li għandek tqis. Iżda oqgħod attent li ma tpoġġix enfasi qawwija fuq wisq kliem.

Sew jekk tkun se titkellem b’mod spontanju u sew jekk se taqra, il-​ħu li jagħti l-​pariri jistaʼ wkoll iħeġġek tippermetti l-​irraġunar jinfluwenza l-​użu tal-​enfasi biex tagħti s-​sens. Trid tkun konxju tal-​postijiet fejn jintemm l-​irraġunar jew fejn il-​preżentazzjoni taqleb minn ħsieb importanti għal ieħor. Dawk fl-​udjenza se japprezzaw jekk it-​taħdita tiegħek iġġibhom konxji taʼ dan. Dan jistaʼ jsir billi tenfasizza ċertu kliem bħal l-​ewwel nett, issa, fl-​aħħar, b’hekk, u bir-​raġun.

Ukoll, il-​ħu li jagħtik il-​pariri se jiġbidlek l-​attenzjoni lejn ħsibijiet li magħhom trid torbot ċertu sentiment speċjali. Biex tagħmel dan tistaʼ forsi tenfasizza kliem bħal ħafna, żgur, bl-​ebda mod, lanqas qatt, importanti, u dejjem. Meta tagħmel dan tistaʼ teffettwa l-​mod kif l-​udjenza tiegħek tħossha dwar dak li qed tgħid. Jingħad iktar dwar dan fi Studju 11, “Kordjalità u Sentiment.”

Sabiex ittejjeb l-​użu tiegħek tal-​enfasi biex tagħti s-​sens, int se tiġi mħeġġeġ ukoll li jkollok ċar f’moħħok il-​punti prinċipali li trid li l-​udjenza tiftakar. Dan se jingħata iktar konsiderazzjoni fejn jidħol il-​qari pubbliku fi Studju 7, “Enfasi fuq l-​Ideat Prinċipali” u fejn jidħol it-​taħdit fi Studju 37, “Punti Prinċipali Magħmulin Jispikkaw.”

Jekk qed tistinka biex titjieb fil-​ministeru tal-​għalqa, oqgħod attent speċjalment għall-​mod kif taqra l-​iskritturi. Ħudha drawwa li tistaqsi lilek innifsek, ‘Jien għala qed naqra dan il-​vers?’ Bħala għalliem, mhuwiex dejjem biżżejjed li sempliċement tgħid il-​kliem sewwa. Anki li taqra l-​vers b’sentiment jistaʼ ma jkunx biżżejjed. Jekk tkun qed twieġeb il-​mistoqsija taʼ xi ħadd jew qed tgħallem xi verità bażika, huwa tajjeb li tenfasizza mill-​iskrittura l-​kliem jew l-​espressjonijiet li jsostnu dak li qed jiġi diskuss. Inkella, il-​persuna li qed taqralha tistaʼ ma tifhimx il-​punt.

Minħabba li l-​enfasi biex tagħti s-​sens tinvolvi li tpoġġi iżjed enfasi fuq ċertu kliem u frażijiet, kelliemi li m’għandux esperjenza jistaʼ jkollu t-​tendenza li dan il-​kliem u l-​frażijiet jenfasizzahom iżżejjed. Ir-​riżultati jkunu xi ftit jew wisq bħan-​noti li jindaqqu minn persuna li għadha kemm bdiet titgħallem strument mużikali. Madankollu, b’iktar prattika, in-​“noti” individwali sempliċement isiru parti mill-​“mużika” espressa b’mod mill-​isbaħ.

Wara li tkun tgħallimt xi ftit mill-​affarijiet bażiċi, int se tkun tistaʼ tibbenefika billi tosserva kelliema tal-​esperjenza. Ma ddumx ma tirrealizza kemm tistaʼ twettaq affarijiet jekk tvarja l-​livelli taʼ enfasi. U int se tapprezza l-​valur tal-​użu tal-​enfasi b’diversi modi biex tiċċara t-​tifsir taʼ dak li jintqal. Meta titgħallem kif tagħmel l-​enfasi biex tagħti s-​sens xieraq se ttejjeb l-​effettività tal-​qari u tat-​taħdit tiegħek.

Dwar l-​enfasi biex tagħti s-​sens titgħallimx biss b’kemm tgħaddi. Sabiex titkellem b’mod effettiv, ibqaʼ aħdem fuqha sakemm tkun tas-​sengħa fl-​użu tagħha u tkun tistaʼ tużaha b’mod li tinstemaʼ naturali f’widnejn ħaddieħor.

KIF TITGĦALLEM TAGĦMEL DAN

  • Ipprattika kif tidentifika l-​kliem prinċipali u ġabriet taʼ kliem fis-​sentenzi. Oqgħod attent b’mod speċjali li tagħmel dan fuq il-​bażi tal-​kuntest.

  • Ipprova uża l-​enfasi biex tindika (1) bidla fil-​ħsieb u (2) kif tħossok int dwar dak li qed tgħid.

  • Meta taqra l-​iskritturi, ħudha drawwa li tenfasizza l-​kliem li jsostni direttament ir-​raġuni tiegħek għalfejn irreferejt għal dawn il-​versi.

TAĦRIĠ: (1) Agħżel żewġ skritturi li tuża spiss fil-​ministeru tal-​għalqa. Iddeċiedi dwar xiex qed tistinka biex tagħti prova f’kull skrittura. Aqra l-​iskritturi b’leħen għoli b’mod li tenfasizza l-​kliem jew ġabriet taʼ kliem li jsostnu dawn il-​punti. (2) Studja Ebrej 1:1-​14. Il-​kliem “profeti” (v. 1), “Iben” (v. 2), u “anġli” (vv. 4, 5) għala għandhom jingħataw enfasi speċjali sabiex tesprimi ċar l-​irraġunar f’dan il-​kapitlu? Ipprattika billi taqra l-​kapitlu b’leħen għoli b’enfasi biex tagħti s-​sens li tiffoka fuq l-​irraġunar.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja