STUDJU 11
Kordjalità u Sentiment
L-EMOZZJONI hija parti fundamentali mill-ħajja tal-bnedmin. Meta individwu jesprimi l-emozzjonijiet tiegħu, jirrivela dak li hemm f’qalbu, ix-xorta taʼ persuna li hu minn ġewwa, kif iħossu dwar is-sitwazzjonijiet u n-nies. Minħabba l-esperjenzi koroh f’ħajjithom—u f’xi każi minħabba l-influwenzi kulturali—ħafna nies jaħbu l-emozzjonijiet tagħhom. Iżda Ġeħova jinkuraġġina biex nikkultivaw kwalitajiet pożittivi fil-persuna li aħna minn ġewwa u mbagħad nesprimu ruħna b’mod adattat dwar dak li hemm ġewwa fina.—Rum. 12:10; 1 Tess. 2:7, 8.
Meta nitħaddtu, il-kliem li nużaw jistaʼ jidentifika b’mod korrett l-emozzjonijiet. Iżda jekk kliemna ma jiġix espress b’sentiment li jikkorrispondi miegħu, dawk li jisimgħuna jistgħu jiddubitaw is-sinċerità tagħna. Mill-banda l-oħra, jekk il-kliem jiġi espress b’sentiment xieraq, diskorsna jistaʼ jikseb sbuħija u qawwa li jistgħu jmissu qalb is-semmiegħa.
Esprimi Kordjalità. Sentimenti kordjali spiss huma marbutin maʼ ħsibijiet dwar in-nies. B’hekk, meta nitkellmu dwar il-kwalitajiet li jiġbduk taʼ Ġeħova u meta nesprimu l-apprezzament tagħna għat-tjubija taʼ Ġeħova, leħinna għandu jkun dħuli. (Is. 63:7-9) U meta nitkellmu maʼ bnedmin sħabna, il-mod kif nitkellmu għandu juri wkoll kordjalità li tiġbdek.
Raġel bil-ġdiem jersaq lejn Ġesù u bil-ħniena jitolbu jfejqu. Immaġina t-ton taʼ Ġesù meta qal: “Irrid. Indaf.” (Mk. 1:40, 41) Ġib quddiem għajnejk ukoll ix-xena taʼ mara li kienet tbati bi tnixxija taʼ demm għal 12-il sena u li avviċinat bil-mod lil Ġesù minn warajh u messitlu t-tarf tal-libsa. Meta rrealizzat li induna biha, il-mara ġiet b’rogħda fuqha, inxteħtet f’riġlejn Ġesù u qalet quddiem kulħadd għala messet il-libsa tiegħu u kif tfejqet. Aħseb dwar il-mod kif Ġesù qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek; mur fil-paċi.” (Lq. 8:42b-48) Il-kordjalità li wera Ġesù f’dawn l-okkażjonijiet tmissilna qalbna sal-ġurnata tal-lum.
Il-mod kif nitkellmu man-nies se juri jekk, bħal Ġesù, inħossux mogħdrija għalihom u jekk tassew inkunux irridu ngħinuhom. Espressjoni taʼ kordjalità bħal din hi sinċiera, mhux eċċessiva. Il-kordjalità tagħna tistaʼ tagħmel differenza kbira fuq kif iwieġbu n-nies. Ħafna mill-affarijiet li ngħidu fil-ministeru tal-għalqa jirrikjedu din il-kordjalità, speċjalment meta nkunu qed nirraġunaw, ninkuraġġixxu, inħeġġu, u nissimpatizzaw.
Jekk tħoss sentiment kordjali lejn ħaddieħor, urih fuq wiċċek. Meta turi kordjalità, l-udjenza tiegħek se tinġibed lejk bħal meta tinġibed lejn is-sħana tan-nar f’lejla kiesħa. Jekk il-kordjalità ma tkunx evidenti fuq wiċċek, dawk fl-udjenza tiegħek jistgħu ma jkunux konvinti li int sinċerament jimpurtak minnhom. Il-kordjalità ma tistax tintlibes bħal maskra—għandha tkun ġenwina.
Il-kordjalità trid tkun evidenti wkoll fil-vuċi tiegħek. Jekk għandek leħnek oħxon u goff, jistaʼ jkun diffiċli li tesprimi l-kordjalità f’diskorsok. Iżda maż-żmien u bi sforz ħabrieki jistaʼ jirnexxilek. Ħaġa waħda li tistaʼ tgħinek, mill-ħarsa teknika, hija li tiftakar li l-ħsejjes qosra u mgħaġġlin jagħmlu d-diskors jinstemaʼ aħrax. Tgħallem tawwal ittri rotob fil-kliem, bħall-vokali. Dan se jgħin biex ikollok diskors iktar kordjali.
Madankollu, iktar importanti minn dan hu fuqiex qed tiffoka l-interess tiegħek. Jekk ħsibijietek ikunu ffokati b’mod sinċier fuq dawk li titkellem magħhom u jkollok xewqa ħerqana li turi xi ħaġa li jistgħu jibbenefikaw minnha, dan is-sentiment se jidher fil-mod kif titkellem.
Taħdita ħajja hija stimulanti, iżda sentiment teneru huwa meħtieġ ukoll. Mhux dejjem ikun biżżejjed li nipperswadu l-moħħ; irridu wkoll inqanqlu l-qalb.
Esprimi Sentimenti Oħrajn. Persuna inkwetata għandha mnejn tesprimi emozzjonijiet bħall-ansjetà, il-biżaʼ, u d-dwejjaq. Il-ferħ huwa emozzjoni li għandha tkun prominenti f’ħajjitna u li nesprimu bil-libertà meta nitkellmu maʼ oħrajn. Mill-banda l-oħra, xi emozzjonijiet iridu jitrażżnu. Mhumiex konsistenti mal-personalità Kristjana. (Efes. 4:31, 32; Flp. 4:4) L-emozzjonijiet taʼ kull xorta jistgħu jintwerew bil-kliem li nagħżlu, bit-ton taʼ leħinna, bl-intensità li biha nitkellmu, bl-espressjoni taʼ wiċċna, u bil-ġesti.
Il-Bibbja titkellem dwar l-emozzjonijiet kollha kemm huma tal-bniedem. Kultant sempliċement issemmihom. Drabi oħrajn tirrakkonta ġrajjiet jew tikkwota stqarrijiet li jirrivelaw l-emozzjonijiet. Il-qari taʼ materjal bħal dan b’leħen għoli se jkollu impatt iktar qawwi, kemm fuqek kif ukoll fuq is-semmiegħa, jekk leħnek jirrifletti dawn l-emozzjonijiet. Sabiex tagħmel dan jeħtieġ tpoġġi lilek innifsek fil-post taʼ dawk li se taqra dwarhom. Madankollu, taħdita mhijiex xi produzzjoni teatrali, għalhekk oqgħod attent li ma tesaġerax. Agħmel is-siltiet ħajjin fl-imħuħ tas-semmiegħa.
Adattat għall-Materjal. Bħall-entużjażmu, il-kordjalità u l-emozzjonijiet l-oħrajn kollha li tesprimi jiddependu ħafna minn dak li tkun qed tgħid.
Sib Mattew 11:28-30, u ara x’jgħidu dawn il-versi. Imbagħad aqra l-kundanna taʼ Ġesù lill-iskribi u l-Fariżej, bħalma hi mniżżla f’Mattew kapitlu 23. Ma nistgħux nimmaġinawh jesprimi dan il-kliem aħrax taʼ kundanna b’mod li hu bla ħajja u bla ħeġġa.
Liema xorta taʼ sentiment taħseb li hu meħtieġ f’rakkont bħal dak li nsibu f’Ġenesi kapitlu 44 rigward it-talba taʼ Ġuda dwar ħuh Benjamin? Innota l-emozzjoni espressa f’Ġenesi 44 vers 13, l-indikazzjoni taʼ kif ħassu Ġuda dwar ir-raġuni għall-inkwiet f’Ġenesi 44 vers 16, u kif irreaġixxa Ġużeppi nnifsu, bħalma hu mniżżel f’Ġenesi 45:1.
B’hekk, sew jekk qed naqraw u sew jekk qed nitkellmu, biex nagħmlu dan b’mod effettiv irridu naħsbu mhux biss fil-kliem u fl-ideat imma wkoll fis-sentiment li għandu jmur magħhom.