STUDJU 12
Ġesti u Espressjonijiet tal-Wiċċ
NIES li ġejjin minn ċerti kulturi jużaw il-ġesti iktar minn nies li ġejjin minn kulturi oħrajn. Madankollu, tistaʼ tgħid li kulħadd jitkellem bil-bidliet fl-espressjoni tal-wiċċ u b’xi forma taʼ ġesti. Dan hu minnu kemm fil-konversazzjoni persunali u kemm fit-taħdit pubbliku.
Il-ġesti kienu naturali għal Ġesù u d-dixxipli tiegħu tal-bidu. F’okkażjoni minnhom, xi ħadd qal lil Ġesù li ommu u ħutu riedu jkellmuh. Ġesù wieġeb: “Min hi ommi, u min huma ħuti?” Imbagħad il-Bibbja tkompli tgħid: “Waqt li medd idu lejn id-dixxipli tiegħu qal: ‘Ara! Ommi u ħuti!’” (Mt. 12:48, 49) Fost referenzi oħrajn, il-Bibbja turi f’Atti 12:17 u 13:16 li l-appostli Pietru u Pawlu wkoll użaw il-ġesti b’mod spontanju.
L-ideat u s-sentimenti ma jiġux komunikati biss bil-vuċi imma wkoll permezz tal-ġesti u l-espressjonijiet tal-wiċċ. Dak li qed jitkellem jistaʼ jagħti l-impressjoni li hu indifferenti jekk ma jagħmilx użu tajjeb minnhom. Iżda meta dawn il-mezzi taʼ komunikazzjoni jintużaw flimkien bit-tattika, l-effettività tad-diskors titjieb bil-kbir. Anki meta titkellem bit-telefon, jekk tagħmel użu xieraq mill-ġesti u l-espressjonijiet tal-wiċċ, leħnek se juri iktar faċilment l-importanza tal-messaġġ tiegħek kif ukoll tas-sentimenti persunali dwar dak li qed tgħid. B’hekk, sew jekk qed titkellem b’mod spontanju u sew jekk qed taqra, sew jekk l-udjenza li għandek qed tħares lejk u sew jekk qed tħares lejn il-kopja tagħha tal-Bibbja, il-ġesti u l-espressjonijiet tal-wiċċ huma taʼ valur.
Il-ġesti u l-espressjonijiet tal-wiċċ m’għandhomx jittieħdu minn xi ktieb. Qatt ma kellek għalfejn tistudja kif tidħaq jew kif tirrabja. Il-ġesti għandhom ukoll jesprimu sentimenti li qegħdin fik. Iktar ma jkunu spontanji l-ġesti tiegħek, iktar aħjar.
Il-ġesti jaqgħu f’żewġ kategoriji ġenerali: ġesti deskrittivi u ġesti enfatiċi. Il-ġesti deskrittivi jesprimu azzjoni jew juru qies u post. Fl-iskola, meta tkun qed taħdem fuq l-użu tal-ġesti, tikkuntentax b’ġest jew tnejn biss. Ipprova uża l-ġesti b’mod naturali matul it-taħdita kollha tiegħek. Jekk qed ikollok diffikultà biex tagħmel dan, tistaʼ ssibha taʼ għajnuna li tfittex kliem li juri direzzjoni, distanza, qies, post, jew pożizzjonijiet relattivi. Madankollu, f’ħafna każi kulma jkollok bżonn hu li tkun medhi fit-taħdita tiegħek, ma tinkwetax dwar l-impressjoni li qed tħalli, iżda titkellem u taġixxi bħalma kieku tagħmel fil-ħajja taʼ kuljum. Meta individwu jkun rilassat, il-ġesti jiġu naturali.
Il-ġesti enfatiċi jesprimu sentiment u konvinzjoni. Dawn jagħtu l-punteġġatura u l-ħajja lill-ideat u jsaħħuhom. Il-ġesti enfatiċi huma importanti. Iżda oqgħod attent! Il-ġesti enfatiċi jistgħu faċilment isiru vizzji. Jekk tuża dejjem l-istess ġest għal darba wara l-oħra, tistaʼ tiġbed l-attenzjoni lejn il-ġest stess flok issebbaħ it-taħdita tiegħek. Jekk l-indokratur tal-iskola tiegħek jindika li għandek din il-problema, ipprova llimita lilek innifsek għall-ġesti deskrittivi biss għal xi żmien. Wara ftit, erġaʼ ibda uża l-ġesti enfatiċi.
Meta tagħżel sa liema punt għandek tuża l-ġesti enfatiċi u x-xorta taʼ ġesti li huma adattati, ikkunsidra s-sentimenti taʼ dawk li qed titkellem magħhom. Dawk fl-udjenza jistgħu jħossuhom skomdi jekk tipponta lejhom. F’xi kulturi, kieku r-raġel kellu jagħmel ċerti ġesti, bħal pereżempju jpoġġi idu quddiem ħalqu biex juri stagħġib, dan jistaʼ jitqies bħala li hu effemminat. F’xi nħawi fid-dinja, huwa meqjus bħala li mhux xieraq li n-nisa jagħmlu ħafna ġesti bl-idejn. B’hekk, f’dawn il-postijiet, l-aħwa nisa b’mod speċjali jridu jagħmlu użu tajjeb mill-espressjonijiet tal-wiċċ. U quddiem grupp żgħir taʼ nies, ġesti esaġerati jistgħu jitqiesu bħala komiċi fi kważi kull post fid-dinja.
Hekk kif tikseb l-esperjenza u ssir iktar komdu fit-taħdit, kwalunkwe ġest enfatiku li tuża se jesprimi s-sentimenti ġewwinin tiegħek b’mod naturali, u juri l-konvinzjoni u s-sinċerità tiegħek. Dan se jżid is-sinifikat tat-taħdit tiegħek.
L-Espressjoni taʼ Wiċċek. Mill-ġisem kollu, spiss il-wiċċ hu l-iktar li jistaʼ jesprimi kif tkun qed tħossok verament. Għajnejk, kif tqiegħed xofftejk, u kif tmejjel rasek, kollha għandhom l-irwol tagħhom. Mingħajr ma tlissen kelma, wiċċek jistaʼ juri indifferenza, stmerrija, taħwid, stagħġib, jew pjaċir. Meta espressjonijiet tal-wiċċ bħal dawn jakkumpanjaw il-kelma li tingħad, iżidu l-impatt viżwali u emozzjonali. Il-Ħallieq poġġa għadd kbir taʼ muskoli fil-wiċċ—iktar minn 30 b’kollox. Kważi nofshom jintużaw meta titbissem.
Sew jekk qiegħed fuq il-platform u sew jekk qed tieħu sehem fil-ministeru tal-għalqa, int qed tistinka biex taqsam man-nies messaġġ li hu pjaċevoli, wieħed li jistaʼ jferrħilhom qalbhom. Tbissima kordjali tikkonferma dan. Mill-banda l-oħra, jekk wiċċek ikun bla espressjoni, dan jistaʼ jqajjem dubji dwar is-sinċerità tiegħek.
Iktar minn hekk, tbissima turi lil oħrajn li int trid turihom qalb tajba. Dan hu importanti b’mod speċjali f’dawn iż-żminijiet meta n-nies spiss jibżgħu minn nies li ma jafuhomx. It-tbissima tiegħek tistaʼ tgħin lin-nies jirrilassaw u jaċċettaw iktar dak li tgħid.