STUDJU 14
Kif Wieħed Ikun Naturali
ESPRIMI lilek innifsek b’mod naturali, u dan jgħinek tirbaħ il-fiduċja taʼ oħrajn. Tpoġġi int il-fiduċja f’xi ħaġa li ntqalet minn xi ħadd liebes maskra? Tagħmel differenza kieku l-wiċċ tal-maskra jkun isbaħ minn wiċċ il-kelliemi stess? X’aktarx li le. Mela flok taħbi min int, kun naturali.
In-naturalezza m’għandekx titfixkilha mat-traskuraġni. L-iżbalji fil-grammatika, il-pronunzja ħażina, u d-diskors li ma jinftihemx mhumiex xierqa. Għandu jiġi evitat kliem informali żżejjed. Irridu dejjem nuru dinjità xierqa, kemm fi kliemna u kemm fil-manjieri tagħna. Xi ħadd li juri naturalezza bħal din la hu formali wisq u lanqas konċernat iżżejjed dwar li jimpressjona lil oħrajn.
Fil-Ministeru tal-Għalqa. Meta tavviċina dar jew lil xi ħadd f’post pubbliku bil-mira li tagħti xhieda, tħossok ansjuż? Ħafna minna hekk inħossuna, iżda għal xi wħud is-sentiment hu iktar persistenti minn taʼ oħrajn. It-tensjoni tistaʼ ġġiegħel il-vuċi tinstemaʼ mhix naturali jew imriegħda, jew l-ansjetà tistaʼ tintwera fiċ-ċaqliq stramb tal-idejn jew tar-ras.
Pubblikatur jistaʼ jiltaqaʼ maʼ din il-problema minħabba diversi raġunijiet. Forsi qed jaħseb dwar l-impressjoni li se jagħti jew jekk il-preżentazzjoni tiegħu hix se tkun waħda taʼ suċċess. Hu normali li individwu jinkwieta dwar dan, iżda l-problemi jinqalgħu meta tingħata wisq attenzjoni lil dawn l-affarijiet. Jekk tkun ansjuż qabel tieħu sehem fil-ministeru, x’jistaʼ jgħin? Preparazzjoni bir-reqqa u talb bil-ħerqa lil Ġeħova. (Atti 4:29) Aħseb dwar il-ħniena kbira li Ġeħova juri meta jistieden lin-nies igawdu saħħa perfetta u ħajja taʼ dejjem f’Ġenna tal-art. Aħseb dwar dawk li qed tistinka biex tgħin u dwar il-bżonn tagħhom li jisimgħu l-aħbar tajba.
Ftakar ukoll li n-nies għandhom il-libertà tal-għażla, għalhekk jistgħu jew jaċċettaw jew jirrifjutaw il-messaġġ. L-istess setaʼ jingħad meta Ġesù ta xhieda f’Israel tal-qedem. L-inkarigu tiegħek sempliċement hu li tipprietka. (Mt. 24:14) Anki meta n-nies ma jħallukx titkellem, il-preżenza tiegħek stess se tagħti xhieda. Tkun irnexxejt għax tkun ħallejt lil Ġeħova jużak biex twettaq ir-rieda tiegħu. Fl-okkażjonijiet meta jkollok l-opportunità li titkellem, x’se jikkaratterizza d-diskors tiegħek? Jekk titgħallem tiffoka l-ħsibijiet tiegħek fuq il-bżonnijiet taʼ oħrajn, diskorsok se jkun naturali u se jiġbed lil dak li jkun.
Meta tagħti xhieda, jekk taġixxi u titkellem bħalma tagħmel fil-ħajja taʼ kuljum, dan se jġiegħel lis-semmiegħa tiegħek iħossuhom komdi. Forsi jkunu iktar lesti li jisimgħu l-ħsibijiet Skritturali li tkun tixtieq taqsam magħhom. Minflok ma tagħmlilhom taħdita, tkellem magħhom. Kun dħuli. Uri interess fihom, u ilqaʼ l-kummenti tagħhom. F’xi lingwi jew kulturi hemm ċerti regoli dwar kif turi rispett meta tkellem nies li ma tafhomx. M’għandniex xi ngħidu, fejn jeżistu dawn ir-regoli jridu jiġu osservati. Iżda dejjem tistaʼ tkun lest bi tbissima rilassata.
Fuq il-“Platform.” Meta titkellem quddiem grupp taʼ nies, ġeneralment ikun aħjar li tuża stil naturali u konversazzjonali fit-taħdita. Bla dubju, meta l-udjenza tkun kbira, hemm bżonn li leħnek iwassal iktar. Jekk tipprova titgħallem it-taħdita tiegħek bl-amment jew jekk in-noti tiegħek huma wisq dettaljati, x’aktarx li int konċernat iżżejjed dwar kif se tpoġġi l-kliem b’mod preċiż. Hu importanti li tuża kliem xieraq, iżda meta tingħata wisq attenzjoni, it-taħdita ssir riġida u formali. Tintilef in-naturalezza. L-ideat tiegħek għandhom ikunu maħsubin bir-reqqa minn qabel, iżda oqgħod attent l-iktar għall-ideat, mhux għall-kliem eżatt.
L-istess jistaʼ jingħad dwar meta tkun qed tiġi intervistat waqt xi laqgħa. Kun preparat sew, iżda taqrax jew titgħallimx it-tweġibiet bl-amment. Għidhom b’modulazzjoni naturali sabiex l-udjenza tieħu iktar pjaċir bil-kummenti spontanji tiegħek.
Anki kwalitajiet mixtiqin tad-diskors, jekk ikunu esaġerati, jistgħu jagħtu l-impressjoni lill-udjenza li mhumiex naturali. Pereżempju, għandek titkellem b’mod ċar u tuża pronunzja xierqa iżda mhux sal-punt li diskorsok jinstemaʼ riġidu jew artifiċjali. Ġesti enfatiċi jew deskrittivi, meta jintużaw sewwa, jistgħu jagħtu l-ħajja lit-taħdita tiegħek, iżda ġesti li huma riġidi jew esaġerati se jtellfu minn dak li tkun qed tgħid. Uża leħen għoli biżżejjed, iżda pprova tgħajjatx iżżejjed. Huwa tajjeb li kultant tuża l-entużjażmu fit-taħdita tiegħek, iżda għandek tevita li tkun bombastiku. Il-modulazzjoni, l-entużjażmu, u s-sentiment għandek tużahom kollha b’mod li ma tiġbidx l-attenzjoni lejk innifsek jew tagħmel lill-udjenza tħossha skomda.
Xi wħud b’mod naturali għandhom mod preċiż kif jesprimu lilhom infushom, anki meta ma jkunux qed jagħtu taħdita. Oħrajn jitkellmu b’mod iktar informali. L-importanti hu li titkellem tajjeb kuljum u li ġġib ruħek b’dinjità Kristjana. Imbagħad, fuq il-platform se jkun iktar faċli għalik li titkellem u taġixxi b’naturalezza li tingħoġob.
Meta Taqra fil-Pubbliku. Jirrikjedi sforz biex tkun naturali fil-qari pubbliku. Biex tikseb dan, identifika l-ideat prinċipali fil-materjal li tkun se taqra, u osserva kif dawn jiġu żviluppati. Żommhom ċari f’moħħok; inkella, se tkun qed taqra biss kliem. Iċċekkja l-pronunzja taʼ kliem li mhux familjari. Ipprattika l-qari b’leħen għoli sabiex tikseb it-ton xieraq u biex tiġbor flimkien il-kliem b’mod li turi ċar il-ħsibijiet. Agħmilha għal darba wara l-oħra sakemm il-qari tiegħek ikun fluwenti. Sir af il-materjal tajjeb biżżejjed sabiex meta taqra b’leħen għoli l-qari tiegħek jinstemaʼ bħal konversazzjoni ħajja. Dan hu kif tkun naturali.
M’għandniex xi ngħidu, ħafna mill-qari pubbliku tagħna jkun mill-pubblikazzjonijiet ibbażati mill-Bibbja. Flimkien mal-inkarigi tal-qari fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, aħna naqraw skritturi fil-ministeru tal-għalqa u meta nagħtu taħditiet mill-platform. L-aħwa rġiel jiġu inkarigati biex jaqraw materjal li jkun qed jiġi kunsidrat fl-Istudju tat-Torri tal-Għassa u fl-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni. Xi aħwa rġiel kwalifikati jirċievu inkarigi biex jaqraw manuskritti quddiem l-udjenza fil-konvenzjonijiet. Sew jekk taqra l-Bibbja u sew jekk taqra materjal ieħor, aqra s-siltiet li jinkludu kwotazzjonijiet b’mod li tagħmel il-materjal ħaj. Jekk jiġu kwotati karattri diversi, biddel leħnek xi ftit għal kull wieħed. Kelma taʼ twissija: Tkunx drammatiku żżejjed, imma agħti l-ħajja lill-qari tiegħek b’mod naturali.
Qari li hu naturali hu qari li jinstemaʼ bħall-konversazzjoni taʼ kuljum. Ma jinstemax artifiċjali iżda hu konvinċenti.