STUDJU 18
L-Użu tal-Bibbja Biex Twieġeb
META niġu mistoqsijin dwar it-twemmin tagħna, il-mod taʼ ħajja tagħna, il-ħarsa tagħna rigward ġrajjiet kurrenti, jew it-tama tagħna għall-futur, aħna nistinkaw biex nużaw il-Bibbja meta nwieġbu. Għala? Għax hija l-Kelma taʼ Alla. Huwa mill-Bibbja li nieħdu t-twemmin tagħna. Aħna nibbażaw il-mod taʼ ħajja tagħna fuq il-Bibbja. Din issawwar il-ħarsa tagħna lejn il-ġrajjiet tad-dinja. It-tama tagħna għall-futur hi stabbilita fis-sod fil-wegħdi ispirati tal-Bibbja.—2 Tim. 3:16, 17.
Aħna konxji tassew tar-responsabbiltà li nġorru maʼ isimna. Aħna Xhieda taʼ Ġeħova. (Is. 43:12) Għalhekk, ma nwiġbux mistoqsijiet fuq il-bażi tal-filosofija umana, iżda fuq il-bażi taʼ dak li Ġeħova jgħid fil-Kelma ispirata tiegħu. Huwa minnu li bħala individwi aħna għandna opinjonijiet dwar kwistjonijiet, iżda nħallu l-Kelma taʼ Alla ssawrilna l-ħarsa tagħna minħabba li aħna konvinti b’mod sod li hija l-verità. M’għandniex xi ngħidu, il-Bibbja tagħtina l-libertà li jkollna preferenzi persunali f’ħafna affarijiet. Minflok ma nimponu l-preferenzi tagħna fuq oħrajn, aħna nixtiequ ngħallmu l-prinċipji mniżżlin fl-Iskrittura, u b’hekk inħallu s-semmiegħa tagħna jeżerċitaw l-istess libertà tal-għażla li ngawdu aħna. Bħall-appostlu Pawlu, aħna nfittxu li ‘ninkuraġġixxu l-ubbidjenza bil-fidi.’—Rum. 16:26.
Ġesù Kristu hu deskritt bħala “x-xhud leali u veru” f’Rivelazzjoni 3:14. Kif wieġeb il-mistoqsijiet u ttratta mas-sitwazzjonijiet li ffaċċja? Kultant billi uża tixbihat li ġiegħlu lin-nies jaħsbu. Drabi oħrajn billi staqsa lill-individwu li għamillu l-mistoqsija dwar il-fehma tiegħu stess taʼ xi skrittura. U spiss billi kkwota, qal fi kliemu, jew irrefera għall-iskritturi. (Mt. 4:3-10; 12:1-8; Lq. 10:25-28; 17:32) Fl-ewwel seklu, ir-rombli tal-Iskrittura kienu ġeneralment jinżammu fis-sinagogi. M’hemm ebda evidenza li Ġesù kellu kollezzjoni persunali taʼ dawn ir-rombli, iżda hu kien jaf l-Iskrittura tajjeb u spiss irrefera għaliha meta kien jgħallem lil oħrajn. (Lq. 24:27, 44-47) Hu setaʼ tassew jgħid li dak li għallem ma kienx ġej minnu stess. Hu qal dak li kien semaʼ mingħand Missieru.—Ġw. 8:26.
Ix-xewqa tagħna hi li nsegwu l-eżempju taʼ Ġesù. Aħna ma smajniex personalment lil Alla jitkellem, bħal fil-każ taʼ Ġesù. Iżda l-Bibbja hija l-Kelma taʼ Alla. Meta nużawha bħala l-bażi għat-tweġibiet tagħna, aħna nevitaw li niġbdu l-attenzjoni fuqna nfusna. Aħna nuru li minflok ma nagħtu l-opinjoni tagħna bħala bnedmin imperfetti, aħna determinati b’mod sod li nħallu lil Alla jgħidilna x’inhi l-verità.—Ġw. 7:18; Rum. 3:4.
M’għandniex xi ngħidu, ix-xewqa tagħna mhijiex sempliċement li nużaw il-Bibbja iżda li nagħmlu dan b’mod li se jkun l-iktar taʼ benefiċċju għas-semmiegħ tagħna. Aħna rriduh jagħti widen b’moħħ miftuħ. Skont l-attitudni tal-persuna, int tistaʼ tintroduċi ħsibijiet Bibliċi billi tgħid: “Ma taqbilx li fl-aħħar mill-aħħar dak li verament jgħodd hu dak li jgħid Alla?” Jew tistaʼ tgħid: “Kont taf li l-Bibbja tiddiskuti proprju din il-mistoqsija?” Jekk qed tkellem lil xi ħadd li m’għandux rispett lejn il-Bibbja, għandek mnejn tkun trid tuża introduzzjoni li tkun daqsxejn differenti. Tistaʼ tgħid: “Ħalli naqsam din il-profezija tal-qedem miegħek.” Jew tistaʼ tgħid: “L-iktar ktieb imqassam fl-istorja umana jgħid dan . . . ”
Kultant, tistaʼ tagħżel li sempliċement tgħid xi vers fi kliemek. Madankollu, fejn hu possibbli, ikun aħjar li tiftaħ il-Bibbja stess u taqra dak li hemm fiha. Uri l-iskrittura lill-individwu fil-Bibbja tiegħu stess kull meta dan ikun prattiku. Dan l-użu dirett tal-Bibbja spiss ikollu effett qawwi fuq in-nies.—Ebr. 4:12.
L-anzjani Kristjani għandhom responsabbiltà speċjali biex jużaw il-Bibbja meta jwieġbu mistoqsijiet. Waħda mill-kwalifiki biex ħu jaqdi bħala anzjan hi li “fil-mod kif jgħallem iżomm sod mal-kelma li tistaʼ tafdaha.” (Titu 1:9) Membru tal-kongregazzjoni jistaʼ jieħu deċiżjoni serja fil-ħajja wara li anzjan ikun tah xi parir. Kemm hu importanti li dan il-parir ikun ibbażat fis-sod fuq l-Iskrittura! L-eżempju taʼ anzjan f’li jagħmel dan jistaʼ jinfluwenza lil ħafna oħrajn fil-mod kif huma jgħallmu.