STUDJU 23
Valur Prattiku Magħmul Ċar
KEMM jekk qed titkellem maʼ individwu wieħed jew maʼ udjenza akbar, ma jkunx għaqli li tassumi li s-semmiegħ(a) tiegħek se jkun interessat fis-suġġett tiegħek sempliċement għax int interessat fih. Il-messaġġ tiegħek hu importanti, imma jekk ma turix b’mod ċar x’inhu l-valur prattiku tiegħu, x’aktarx li l-udjenza ma ddumx ma titlef l-interess fih.
Dan hu minnu anki dwar udjenza f’Sala tas-Saltna. Huma jistgħu jagħtu widen meta tuża tixbiha jew esperjenza li qatt ma semgħuha qabel. Imma jistgħu ma jibqgħux jagħtu widen meta titkellem dwar affarijiet li jafuhom diġà, speċjalment jekk ma tibnix fuq dawn l-affarijiet. Trid tgħinhom jaraw għala u kif dak li qed tgħid hu tassew taʼ benefiċċju għalihom.
Il-Bibbja tinkuraġġina naħsbu f’termini prattiċi, jew dwar x’inhu għaqli. (Prov. 3:21) Ġeħova uża lil Ġwanni l-Għammied biex jidderieġi lin-nies lejn “l-għaqal tan-nies sewwa,” jiġifieri lejn dak li hu taʼ benefiċċju u prattiku. (Lq. 1:17) Dan l-għaqal għandu l-għeruq tiegħu fil-biżaʼ bnin minn Ġeħova. (Salm 111:10) Dawk li japprezzaw dan l-għaqal huma megħjunin ikampaw b’suċċess mal-ħajja issa u jżommu sod mal-ħajja vera, il-ħajja eterna li ġejja.—1 Tim. 4:8; 6:19.
Kif Tagħmel Taħdita Prattika. Jekk it-taħdita tiegħek se tkun waħda prattika, ma tridx taħseb bis-serjetà dwar il-materjal biss imma wkoll dwar l-udjenza. Tħarisx lejha sempliċement bħala grupp. Dan il-grupp hu magħmul minn individwi u familji. Jistaʼ jkun hemm uħud ċkejknin, adoloxxenti, adulti, u xi wħud li huma mdaħħlin fiż-żmien. Jistaʼ jkun hemm uħud ġodda interessati kif ukoll dawk li bdew jaqdu lil Ġeħova qabel ma twilidt int. Xi wħud jistgħu jkunu maturi spiritwalment; oħrajn jistgħu jkunu għadhom influwenzati ħafna minn ċerti attitudnijiet u prattiki tad-dinja. Staqsi lilek innifsek: ‘Il-materjal li se niddiskuti kif jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għal dawk fl-udjenza? Kif nistaʼ ngħinhom jifhmu l-punt?’ Tistaʼ tiddeċiedi li tagħti l-attenzjoni prinċipali lil grupp wieħed jew tnejn imsemmijin hawnhekk. Madankollu, tinsiex lill-oħrajn kompletament.
Xi ngħidu jekk tiġi inkarigat tiddiskuti tagħlim Bibliku bażiku? Kif tistaʼ tagħmel taħdita bħal din taʼ benefiċċju għal udjenza li diġà temmen dan it-tagħlim? Stinka biex issaħħaħ il-konvinzjoni tagħha fih. Kif? Billi tirraġuna dwar l-evidenza Skritturali li tappoġġah. Tistaʼ wkoll tkabbar l-apprezzament tagħha għal dan it-tagħlim Bibliku. Dan jistaʼ jsir billi turi kif it-tagħlim hu konsistenti maʼ veritajiet Bibliċi oħrajn u mal-personalità taʼ Ġeħova. Uża eżempji—jekk inhu possibbli esperjenzi li seħħew fir-realtà—li juru kif minħabba li fehmu dan it-tagħlim partikulari xi wħud ibbenefikaw u l-ħarsa tagħhom lejn il-futur ġiet influwenzata.
Tillimitax l-applikazzjoni prattika għal ftit rimarki qosra fil-konklużjoni tat-taħdita tiegħek. Mill-bidu nett, kull individwu fl-udjenza tiegħek għandu jħoss: “Dan jgħodd għalija.” Wara li tkun poġġejt din il-bażi, kompli agħmel applikazzjoni prattika int u tiżviluppa kull punt prinċipali fil-qalba tat-taħdita kif ukoll fil-konklużjoni.
Meta turi kif japplika l-materjal, kun ċert li tagħmel dan b’tali mod li hu konsistenti mal-prinċipji Bibliċi. Dan xi jfisser? Ifisser li turi l-imħabba u l-empatija. (1 Pt. 3:8; 1 Ġw. 4:8) Anki meta kien qed jittratta maʼ problemi diffiċli f’Tessalonika, l-appostlu Pawlu aċċerta ruħu li jenfasizza l-aspetti pożittivi tal-progress spiritwali taʼ ħutu l-Kristjani f’dak il-post. Ukoll, hu esprima fiduċja li huma kienu se jkunu jridu jagħmlu dak li hu sewwa rigward il-kwistjoni li kien qed jiddiskuti. (1 Tess. 4:1-12) X’eżempju mill-aqwa biex nimitawh!
Għandha t-taħdita tiegħek l-iskop li tqanqal lill-udjenza tieħu sehem fix-xogħol tal-ippritkar u t-tagħlim tal-aħbar tajba lil oħrajn? Ibni l-entużjażmu u l-apprezzament għal dan il-privileġġ. Madankollu, waqt li tagħmel dan żomm f’moħħok li mhux kulħadd jistaʼ jieħu sehem indaqs, u l-Bibbja tqisu dan. (Mt. 13:23) Tgħabbix lil ħutek b’sentimenti taʼ ħtija. Ebrej 10:24 iħeġġiġna biex “nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin.” Jekk nitqanqlu għall-imħabba, l-għemejjel ibbażati fuq il-motiv tajjeb se jiġu wara. Minflok ma tiddetta l-livell kif oħrajn għandhom jaġixxu, irrikonoxxi li dak li jrid Ġeħova hu li ninkuraġġixxu “l-ubbidjenza bil-fidi.” (Rum. 16:26) B’dan f’moħħna, aħna nfittxu li nsaħħu l-fidi—kemm tagħna u kemm dik taʼ ħutna.
Għin lil Oħrajn Jaraw il-Valur Prattiku. Int u tagħti xhieda lil oħrajn, tinsiex tenfasizza l-valur prattiku tal-aħbar tajba. Biex tagħmel dan trid tikkunsidra x’għandhom f’moħħhom in-nies fit-territorju tiegħek. Kif tistaʼ tkun taf? Ismaʼ l-aħbarijiet fuq ir-radju jew it-televixin. Ara x’hemm fil-faċċati tal-gazzetti. Ukoll, stinka biex iddaħħal in-nies f’konversazzjoni, u ismaʼ meta jitkellmu. Għandek mnejn issib li jkunu qed jissieltu maʼ problemi urġenti—telf tal-impjieg, ħlas tal-kera, mard, mewt taʼ membru tal-familja, periklu minħabba l-kriminalità, inġustizzja taħt idejn xi ħadd fl-awtorità, żwieġ imkisser, li jżommu kontroll fuq it-tfal, u nibqgħu sejrin. Tistaʼ tgħinhom il-Bibbja? Dażgur li iva.
Meta tibda konversazzjoni, int x’aktarx li jkollok suġġett f’moħħok. Madankollu, jekk il-persuna tindika li għandha kwistjoni oħra fuq moħħha li tinteressaha personalment, toqgħodx lura milli tiddiskuti lilha jekk tkun tistaʼ tagħmel dan, jew offri li tiġi lura b’xi informazzjoni taʼ għajnuna. M’għandniex xi ngħidu, aħna nevitaw li ‘nindaħlu fejn ma jesagħniex,’ imma minflok, bil-ferħ naqsmu maʼ oħrajn il-pariri prattiċi li toffri l-Bibbja. (2 Tess. 3:11) Ovvjament, dak li jimpressjona l-iktar lin-nies hu l-parir tal-Bibbja li jikkonċerna lil ħajjithom stess.
Jekk in-nies ma jistgħux jaraw kif il-messaġġ tagħna jeffettwahom personalment, għandhom mnejn itemmu l-konversazzjoni malajr. Anki jekk iħalluna nitkellmu, jekk nonqsu milli nuruhom il-valur prattiku tas-suġġett il-messaġġ tagħna jistaʼ jkollu ftit li xejn effett fuq ħajjithom. B’kuntrast, jekk nuru ċar x’inhu l-valur prattiku tal-messaġġ, id-diskussjoni tagħna tistaʼ ġġib bidla kbira fil-ħajjiet tan-nies.
Meta tikkonduċi studji tal-Bibbja, kompli enfasizza l-applikazzjoni prattika. (Prov. 4:7) Għin lill-istudenti jifhmu l-pariri, il-prinċipji, u l-eżempji Skritturali li juruhom kif jimxu fil-mogħdijiet taʼ Ġeħova. Enfasizza l-benefiċċji li jiġu milli jagħmlu dan. (Is. 48:17, 18) Dan se jqanqal lill-istudenti jagħmlu l-bidliet meħtiġin f’ħajjithom. Ibni fihom l-imħabba għal Ġeħova u x-xewqa li jogħġbuh, u ħalli l-motivazzjoni biex japplikaw il-pariri tal-Kelma taʼ Alla tiġi mill-qalb.