STUDJU 40
Eżattezza f’Dak li Jingħad
GĦALA Kristjan forsi jagħmel stqarrija li mhix vera? Hu forsi jkun sempliċement qed jirripeti xi ħaġa li semaʼ, mingħajr ma jieħu l-ħin biex jiċċekkja l-fatti. Jew jistaʼ jesaġera kwistjoni għax mingħajr ma jinduna, ikun qara ħażin il-materjal li uża bħala sors. Meta nagħtu attenzjoni bir-reqqa għall-eżattezza anki fi kwistjonijiet żgħar, is-semmiegħa tagħna se jaraw li jistaʼ jkollhom il-fiduċja li l-aspetti iktar importanti tal-messaġġ tagħna huma veri.
Fil-Ministeru tal-Għalqa. Meta jirrealizzaw li għad għandhom ħafna x’jitgħallmu, ħafna jibżgħu jibdew joħorġu fil-ministeru tal-għalqa. Madankollu, dawn malajr isibu li huma kapaċi jagħtu xhieda effettiva, anki b’għarfien bażiku tal-verità biss. Kif? Is-sigriet hu l-preparazzjoni.
Qabel ma toħroġ fis-servizz tal-għalqa, sir familjari mas-suġġett li trid tiddiskuti. Ipprova aħseb f’mistoqsijiet li s-semmiegħa tiegħek jistgħu jqajmu. Fittex tweġibiet sodisfaċenti bbażati minn fuq il-Bibbja. Dan se jippreparak biex tagħti tweġibiet eżatti b’mod rilassat. Se tikkonduċi studju tal-Bibbja? Irrivedi l-materjal tal-istudju bir-reqqa. Kun ċert li tifhem il-bażi Skritturali għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet stampati.
Xi ngħidu jekk inkwilin jew sieħeb tax-xogħol jagħmel mistoqsija li m’intix preparat biex twiġibha? Jekk m’intix ċert mill-fatti, irreżisti t-tentazzjoni li taqtaʼ. “Qalb il-ġust timmedita sabiex twieġeb.” (Prov. 15:28) Forsi tistaʼ ssib l-għajnuna li teħtieġ fil-ktieb Reasoning From the Scriptures jew fis-“Suġġetti Bibliċi Għal Diskussjoni” jekk huma disponibbli bil-lingwa tiegħek. Jekk m’għandek ebda wieħed minn dawn miegħek, offri li tmur lura wara li tkun għamilt ftit riċerka. Jekk dak li jkun għamillek il-mistoqsija jkun sinċier, mhux se jiddejjaq jistenna għat-tweġiba korretta. Hu jistaʼ, fil-fatt, jibqaʼ impressjonat b’mod favorevoli bl-umiltà tiegħek.
Il-ħidma fil-ministeru tal-għalqa maʼ pubblikaturi tal-esperjenza tistaʼ tgħinek tiżviluppa sengħa f’li timmaniġġa sew il-Kelma taʼ Alla. Osserva liema skritturi jużaw u kif jirraġunaw fuqhom. Aċċetta b’umiltà kwalunkwe suġġeriment jew korrezzjoni li joffru. Id-dixxiplu żeluż Apollo bbenefika mill-għajnuna li rċieva minn oħrajn. Luqa ddeskriva lil Apollo bħala li “jinqalaʼ biex jitkellem,” “midħla sew taʼ l-Iskrittura,” u “mħeġġeġ bl-ispirtu,” raġel “jitkellem u jgħallem b’eżattezza dwar Ġesù.” Madankollu, ma kienx fehem kollox. Meta Prixilla u Akwila indunaw b’dan, “ħaduh magħhom u fissrulu t-triq t’Alla iktar eżatt.”—Atti 18:24-28.
“Iżomm Sod mal-Kelma li Tistaʼ Tafdaha.” Il-preżentazzjonijiet tagħna fil-laqgħat għandhom juru li nistmaw ħafna l-irwol tal-kongregazzjoni bħala “pilastru u appoġġ tal-verità.” (1 Tim. 3:15) Sabiex inżommu mal-verità, hu importanti li nieħdu s-sens tal-iskritturi li nippjanaw li nużaw fit-taħditiet. Ikkunsidra l-kuntest u l-iskop tagħhom.
Dak li tgħid f’laqgħa tal-kongregazzjoni jistaʼ jiġi ripetut minn ħaddieħor. M’għandniex xi ngħidu, “ilkoll nitfixklu ħafna drabi.” (Ġak. 3:2) Iżda int se tibbenefika billi tiżviluppa drawwiet li jgħinuk titkellem eżatt. Ħafna aħwa rġiel li huma miktubin fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, maż-żmien, isiru anzjani. Dawk li huma fdati b’responsabbiltà bħal din jiġi mitlub minnhom “iktar mis-soltu.” (Lq. 12:48) Jekk anzjan b’mod traskurat jagħti parir żbaljat li jirriżulta fi problemi serji għall-membri tal-kongregazzjoni, l-anzjan jistaʼ jġarrab id-diżapprovazzjoni t’Alla. (Mt. 12:36, 37) B’hekk, ħu li jikkwalifika bħala anzjan irid ikun magħruf għall-fatt li “jżomm sod mal-kelma li tistaʼ tafdaha, biex ikun jistaʼ jħeġġeġ bit-tagħlim mimli saħħa.”—Titu 1:9.
Oqgħod attent li l-konklużjonijiet tiegħek ikunu fi qbil mal-“kliem mimli saħħa” li jidher fil-ġabra tal-verità Skritturali kollha kemm hi. (2 Tim. 1:13) Dan m’għandux ibeżżgħek. Forsi għad trid taqra l-Bibbja kollha kemm hi. Kompli aħdem fuq dan. Iżda sadanittant innota kif is-suġġerimenti li ġejjin jistgħu jgħinuk tanalizza l-materjal li tkun qed taħseb biex tuża fit-tagħlim tiegħek.
L-ewwel staqsi lilek innifsek: ‘Huwa dan il-materjal fi qbil maʼ dak li diġà tgħallimt mill-Bibbja? Se jiġbed lis-semmiegħa tiegħi lejn Ġeħova, jew se jpoġġi l-għerf tad-dinja fuq pedestall, u jinkuraġġixxi lin-nies jiġu gwidati minnu?’ Ġesù qal: “Kelmtek hi l-verità.” (Ġw. 17:17; Dt. 13:1-5; 1 Kor. 1:19-21) Imbagħad, agħmel użu tajjeb mill-għodod tal-istudju provduti mill-klassi tal-ilsir leali u għaqli. Dawn se jgħinuk mhux biss biex tifhem l-iskritturi b’mod korrett iżda wkoll biex tapplikahom bil-bilanċ u b’mod raġunevoli. Jekk tibbaża t-taħditiet tiegħek fuq il-“mudell taʼ kliem mimli saħħa” u tistrieħ fuq il-mezz taʼ komunikazzjoni li juża Ġeħova meta tispjega u tapplika l-iskritturi, l-istqarrijiet tiegħek se jkunu eżatti.
Iċċekkja l-Eżattezza tal-Informazzjoni. Ġrajjiet kurrenti, kwotazzjonijiet, u esperjenzi jistgħu jkunu taʼ għajnuna meta tkun qed tispjega u tapplika ċerti punti. Kif tistaʼ tkun ċert li huma eżatti? Mod wieħed hu billi tikseb affarijiet bħal dawn minn sorsi taʼ min joqgħod fuqhom. Tinsiex tiċċekkja li l-informazzjoni tkun aġġornata. L-istatistiki jistgħu ma jibqgħux jgħoddu; sejbiet xjentifiċi malajr jiqdiemu; u hekk kif il-bniedem jikber fil-fehma tal-istorja u l-lingwi tal-qedem, il-konklużjonijiet ibbażati fuq għarfien taʼ qabel ikollhom bżonn jiġu riveduti. Oqgħod tassew attent jekk qed taħseb biex tuża xi informazzjoni mill-gazzetti, it-televixin, ir-radju, l-e-mail, jew l-Internet. Proverbji 14:15 jagħti l-parir: “Kulmin hu bla esperjenza jafda f’kull kelma li jismaʼ, imma min hu prudenti jqis il-passi tiegħu.” Staqsi lilek innifsek: ‘Is-sors huwa magħruf għall-eżattezza? Tistaʼ l-informazzjoni tiġi verifikata b’xi mezz ieħor?’ Jekk tiddubita l-verità tal-informazzjoni, tużahiex.
Minbarra li tiċċekkja kemm tistaʼ toqgħod fuqhom is-sorsi, ikkunsidra bir-reqqa kif bi ħsiebek tuża l-informazzjoni. Kun ċert li l-użu tiegħek tal-kwotazzjonijiet u l-istatistiki jkun fi qbil mal-kuntest li minnu meħudin. Fi sforz biex tenfasizza l-punt tiegħek, oqgħod attent li “ftit nies” ma ssirx “il-biċċa l-kbira min-nies,” li “ħafna nies” ma ssirx “kulħadd,” u li “f’xi każi” ma ssirx “dejjem.” Jekk tgħaġġeb il-kwistjonijiet jew tesaġera r-rapporti li jinvolvu xi numru, ammont, jew is-serjetà taʼ xi ħaġa se tqajjem id-dubji dwar il-kredibilità.
Meta tkun eżatt b’mod konsistenti f’dak li tgħid, int se ssir magħruf bħala persuna li tirrispetta l-verità. Dan jirrifletti tajjeb fuq ix-Xhieda taʼ Ġeħova bħala grupp. Iktar importanti minn hekk, dan jonora lil “Ġeħova, l-Alla tal-verità.”—Salm 31:5.