LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • wt kap. 16 pp. 144-150
  • “Ħa Jkollkom Imħabba Sħiħa Lejn Xulxin”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Ħa Jkollkom Imħabba Sħiħa Lejn Xulxin”
  • Qim lill-Uniku Alla Veru
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Meta Jinqalgħu l-​Problemi
  • Fittex Modi biex ‘Tiftaħ Qalbek’
  • “Ħa Jkollkom Imħabba Intensa Lejn Xulxin”
    Magħqudin fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru
  • Ibqgħu “Imxu fl-Imħabba”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • “Fuq Kollox, Ħa Jkollkom Imħabba Profonda”
    Ibqaʼ Għassa!
  • Komplu Ikbru fl-Imħabba Lejn l-Aħwa
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
Ara Iżjed
Qim lill-Uniku Alla Veru
wt kap. 16 pp. 144-150

Kapitlu Sittax

“Ħa Jkollkom Imħabba Sħiħa Lejn Xulxin”

1. Taʼ spiss x’jimpressjona lil uħud li jiġu l-​ewwel darba għal-​laqgħat tax-​Xhieda taʼ Jehovah?

META n-​nies jiġu l-​ewwel darba għal-​laqgħat tax-​Xhieda taʼ Jehovah, taʼ spiss jibqgħu impressjonati bl-​imħabba li tintwera hemmhekk. Jarawha fil-​merħba li jingħataw u fis-​sħubija mill-​qalb li kulħadd jidher qed igawdi. Il-​viżitaturi li jiġu għall-​konvenzjonijiet tagħna wkoll jinnotawha din l-​imħabba. Riporter taʼ gazzetta kiteb rigward konvenzjoni li attenda: ‘Ma tara lil ħadd taħt l-​influwenza tad-​drogi jew taʼ l-​alkoħol. Ma tismax twerżiq u għajat. L-​ebda rassa. L-​ebda imbottar. Ħadd ma jidgħi jew jitkellem ħażin. L-​ebda ċajt doppju sens jew kliem oxxen. Ħadd ma jpejjep. Ma jsirx serq. Ħadd ma jwaddab fliexken vojta maʼ l-​art. Ħaġa tassew mhix tas-​soltu.’ Dan kollu huwa evidenza taʼ l-​imħabba, it-​tip li “ma tagħmilx dak li m’hux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha.”—1 Korintin 13:​4-8.

2. (a) Maż-​żmien, x’għandu jkun evidenti rigward l-​imħabba li nuru? (b) Hekk kif nimitaw lil Kristu, liema tip taʼ mħabba rridu nikkultivaw?

2 L-​imħabba taʼ l-​aħwa hija l-​marka li tidentifika lill-​Kristjani ġenwini. (Ġwann 13:35) Hekk kif nikbru spiritwalment, nitgħallmu kif nesprimu l-​imħabba iktar bis-​sħiħ. L-​appostlu Pawlu talab biex l-​imħabba tal-​Kristjani sħabu “tikber u toktor dejjem iżjed.” (Filippin 1:9) L-​appostlu Ġwanni wera li mħabbitna għandha tkun waħda li tissagrifika lilha nfisha. Hu kiteb: “B’dan naslu biex nagħrfu x’inhi l-​imħabba: li Ġesù Kristu ta ħajtu għalina. Aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna għall-​aħwa.” (1 Ġwann 3:16; Ġwann 15:​12, 13) Lesti tassew li nagħtu ħajjitna għal ħutna? Filwaqt li ħafna sitwazzjonijiet ma jirrikjedux dan, sa liema punt noħorġu barra minn triqitna biex ngħinuhom issa, saħansitra meta ma jkunx konvenjenti għalina?

3. (a) B’liema mod nistgħu nesprimu mħabbitna iktar bis-​sħiħ? (b) Għala huwa vitali li jkollna mħabba sħiħa lejn xulxin issa?

3 Flimkien maʼ l-​azzjonijiet tagħna li jirriflettu spirtu taʼ sagrifiċċju, għandna bżonn ikollna sentimenti ġenwini u mill-​qalb lejn ħutna. Il-​Kelma t’Alla tħeġġiġna: “Ħobbu lil xulxin bħal aħwa.” (Rumani 12:10) Ilkoll inħossuna miġbudin lejn xi nies iżjed minn oħrajn. Imma nistgħu nitgħallmu nħossu l-​istess ġibda lejn oħrajn ukoll? Hekk kif joqrob it-​tmiem taʼ din is-​sistema qadima, huwa vitali għalina li nersqu eqreb lejn il-​Kristjani sħabna. Il-​Bibbja tgħid: “Qrib hu t-​tmiem taʼ kollox; . . . Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba sħiħa lejn xulxin, għax l-​imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.”—1 Pietru 4:​7, 8.

Meta Jinqalgħu l-​Problemi

4. (a) Għala jistgħu jinqalgħu xi problemi bejn dawk fil-​kongregazzjoni? (b) Waqt li forsi mhux dejjem inħossuna inklinati li napplikaw il-​pariri tal-​Bibbja, liema ġid jistaʼ jirriżulta jekk nagħmlu dan?

4 M’għandniex xi ngħidu, ladarba aħna imperfetti, se jkun hemm drabi meta nagħmlu xi affarijiet li bihom noffendu lil oħrajn. Ħutna wkoll għandhom mnejn jidinbu kontrina b’diversi modi. (1 Ġwann 1:8) Jekk issib ruħek f’sitwazzjoni bħal din, x’għandek tagħmel? L-​Iskrittura tipprovdi d-​direzzjoni meħtieġa. Imma dak li tgħid hi forsi ma jaqbilx maʼ dak li, bħala bnedmin imperfetti, aħna inklinati li nagħmlu. (Rumani 7:​21-23) Minkejja dan, il-​fatt li napplikaw il-​pariri li fiha l-​Bibbja jagħti evidenza li aħna nixtiequ sinċerament li nogħġbu lil Jehovah. Meta nagħmlu dan se nsebbħu iktar il-​kwalità taʼ mħabbitna lejn oħrajn.

5. Jekk xi ħadd iweġġagħna, għala m’għandniex inpattuhielu?

5 Meta n-​nies ikunu mweġġgħin, xi drabi jfittxu modi kif ipattuha lil dak li jkun offendiehom. Imma dan jiggrava iktar is-​sitwazzjoni. Jekk ikun hemm bżonn taʼ tpattija, għandna nħalluha f’idejn Alla. (Proverbji 24:29; Rumani 12:​17-21) Oħrajn forsi jipprovaw jevitaw il-​kuntatt maʼ dak li jkun offendiehom. Imma aħna ma rridux nagħmlu hekk maʼ l-​aduraturi sħabna, għax biex il-​qima tagħna stess tiġi aċċettata jiddependi, minn banda, milli nħobbu lil ħutna. (1 Ġwann 4:20) B’hekk, Pawlu kiteb: “Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-​Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll.” (Kolossin 3:13) Tistaʼ int tagħmel hekk?

6. (a) Kemm-il darba għandna naħfrulu lil ħuna? (b) X’għandna niftakru dwarna nfusna meta xi ħadd jidneb kontrina?

6 Xi ngħidu jekk xi ħadd jidneb kontrina ripetutament imma ma jikkommettix dnubiet kbar li minħabba fihom jistaʼ jiġi maqtugħ mis-​sħubija mill-​kongregazzjoni? Għal dnubiet żgħar bħal dawn, l-​appostlu Pietru ssuġġerixxa li naħfru “sa sebaʼ darbiet.” Imma Ġesù qal: “Ma ngħidlikx sa sebaʼ darbiet, . . . imma sa sebgħa u sebgħin darba.” Hu enfasizza d-​dejn kbir li għandna m’Alla mqabbel maʼ dak li kwalunkwe bniedem forsi għandu magħna. (Mattew 18:​21-35) Aħna nidinbu kontra Alla kuljum b’diversi modi—xi drabi b’xi att egoistiku, b’dak li ngħidu jew naħsbu, jew b’dak li nonqsu li nagħmlu—saħansitra ġieli lanqas biss nirrealizzaw li nkunu qed nidinbu. (Rumani 3:23) Madankollu, Alla jibqaʼ jkun ħanin magħna. (Salm 103:​10-14; 130:​3, 4) Hu jirrikjedi minna li nittrattaw lil xulxin bl-​istess mod. (Mattew 6:​14, 15; Efesin 4:​1-3) Imbagħad inkunu qed nipprattikaw it-​tip taʼ mħabba li “ma żżommx f’qalbha għad-​deni.”—1 Korintin 13:​4, 5; 1 Pietru 3:​8, 9.

7. X’għandna nagħmlu jekk ħu jkollu xi ħaġa kontrina?

7 Xi drabi nistgħu nirrealizzaw li għalkemm aħna m’għandna xejn f’qalbna kontra ħuna, hu jistaʼ jkollu xi ħaġa kontrina. Nistgħu nagħżlu li nħallu l-​imħabba tgħatti dan in-​nuqqas bħalma jissuġġerixxi l-​1 Pietru 4:8. Jew nistgħu nieħdu l-​inizjattiva biex inkellmuh, u b’hekk nipprovaw nerġgħu nibnu relazzjoni taʼ paċi miegħu.—Mattew 5:​23, 24.

8. Jekk xi ħu jkun qed jagħmel xi ħaġa li ddejjaqna, x’jistaʼ jsir dwar dan?

8 Jistaʼ jkun li xi ħu jkun qed jagħmel xi ħaġa li ddejjaq mhux biss lilek imma lil oħrajn ukoll. Taħseb li jkun tajjeb li tmur tkellmu? Forsi. Jekk int personalment tispjegalu l-​problema bil-​ħlewwa, jistaʼ jkun hemm riżultati tajbin. Imma l-​ewwel trid tistaqsi lilek innifsek: ‘Tassew li qed jagħmel xi ħaġa mhux Skritturali? Jew forsi l-​problema qiegħda għax l-​isfond tal-​ħajja u t-​trobbija tiegħi huma differenti minn tiegħu?’ Oqgħod attent li ma toħloqx livelli fuq l-​opinjoni tiegħek stess u mbagħad tiġġudika lil oħrajn skond dawn. (Ġakbu 4:​11, 12) Jehovah b’mod imparzjali jaċċetta nies minn kull sfond tal-​ħajja u huwa paċenzjuż magħhom waqt li jikbru spiritwalment.

9. (a) Min għandu jagħti attenzjoni lil każijiet taʼ ħażen gravi fil-​kongregazzjoni? (b) Meta tkun ir-​responsabbiltà li jaġixxi l-​ewwel dak li jkun sar id-​dnub kontrih, u x’għandha tkun il-​mira tiegħu?

9 Jekk xi ħadd fil-​kongregazzjoni jinvolvi ruħu f’xi ħażen gravi, bħall-​immoralità, għandha tingħata attenzjoni minnufih. Minn min? Mill-​anzjani. (Ġakbu 5:​14, 15) Madankollu, jekk isir xi dnub kontra xi individwu, forsi fi kwistjoni taʼ negozju jew fl-​użu ħażin taʼ l-​ilsien, imbagħad, dak li jkun sar id-​dnub kontrih irid l-​ewwel jipprova javviċina fil-​privat lil dak li jkun offendieh. (Mattew 18:15) Jekk dan ma jsolvix il-​kwistjoni, iridu jittieħdu iktar passi, kif imsemmijin f’Mattew 18:​16, 17. L-​imħabba għal ħuna li jkun żbalja u x-​xewqa biex ‘nirbħuh lura’ se jgħinuna nagħmlu dan b’mod li nistgħu nilħqulu qalbu.—Proverbji 16:23.

10. Meta tinqalaʼ xi problema, x’se jgħinna nqisu s-​sitwazzjoni b’mod xieraq?

10 Meta tinqalaʼ xi problema, kemm jekk tkun kbira u kemm jekk żgħira, aħna nibbenefikaw jekk nipprovaw nifhmu kif Jehovah iħares lejha. Hu ma japprova l-​ebda għamla taʼ dnub, u fiż-​żmien xieraq tiegħu, dawk li jipprattikaw dnubiet gravi u ma jindmux jitqaċċtu mill-​organizzazzjoni tiegħu. Madankollu, ejja ma ninsewx li lkoll nidinbu b’modi żgħar u jkollna bżonn tas-​sabar u l-​ħniena tiegħu. B’hekk, Jehovah ipoġġi quddiemna mudell li għandna nimitawh meta niffaċċjaw id-​dnubiet t’oħrajn. Meta nuru l-​ħniena, inkunu qed nirriflettu l-​imħabba tiegħu.—Efesin 5:​1, 2.

Fittex Modi biex ‘Tiftaħ Qalbek’

11. Pawlu għala inkuraġġixxa lill-​Korintin biex ‘jiftħu qalbhom’?

11 Pawlu qattaʼ xhur sħaħ jibni spiritwalment il-​kongregazzjoni taʼ Korintu, fil-​Greċja. Hu ħadem iebes biex jgħin lill-​aħwa t’hemmhekk, u kien iħobbhom ħafna. Imma xi wħud minnhom kienu bierda lejh. Kienu jħobbu jikkritikawh. Hu ħeġġiġhom biex ‘jiftħu qalbhom’ u juruh affezzjoni. (2 Korintin 6:​11-13; 12:15) Nagħmlu sew li nikkunsidraw sa liema punt nesprimu l-​imħabba lejn oħrajn u nfittxu kif nistgħu nagħmlu l-​wisaʼ f’qalbna.—1 Ġwann 3:14.

12. Kif nistgħu nikbru f’imħabbitna għal kull persuna fil-​kongregazzjoni?

12 Hemm xi wħud fil-​kongregazzjoni li nsibuha diffiċli nagħmluha magħhom? Jekk noħorġu barra minn triqitna biex nagħlqu għajnejna għad-​differenzi tal-​personalità—sewwa sew bħalma rridu lilhom jagħmlu għalina—dan jistaʼ jgħinna nsaħħu r-​relazzjoni taʼ bejnietna. Is-​sentimenti tagħna lejhom jistgħu jitjiebu wkoll jekk infittxu l-​kwalitajiet tajbin tagħhom u nikkonċentraw fuqhom. Dan żgur se jġiegħel li tikber imħabbitna għalihom.—Luqa 6:​32, 33, 36.

13. Kif nistgħu nagħmlu l-​wisaʼ f’qalbna biex nuru l-​imħabba lejn dawk fil-​kongregazzjoni tagħna?

13 Nammettu li hemm limitu f’dak li nistgħu nagħmlu għal oħrajn. Forsi ma nkunux nistgħu nkellmu lil kulħadd f’kull laqgħa. Jistaʼ ma jkunx possibbli li ninkludu lil kulħadd meta nistiednu xi ħbieb għall-​ikel. Imma nistgħu nagħmlu l-​wisaʼ f’qalbna u nqattgħu ftit minuti biex insiru nafu iktar aħjar lil xi ħadd fil-​kongregazzjoni tagħna? Nistgħu kultant nistiednu lil xi ħadd li ma nafuhx sew biex jaħdem magħna fil-​ministeru taʼ l-​għalqa?

14. Meta nkunu fost Kristjani li qatt ma ltqajna magħhom qabel, kif nistgħu nuru mħabba sħiħa lejhom?

14 Il-​konvenzjonijiet Kristjani jkun fihom ħafna opportunitajiet biex nagħmlu l-​wisaʼ f’qalbna ħalli nuru mħabbitna. Għandu mnejn ikun hemm eluf preżenti. Ma nistgħux inkellmuhom kollha, imma nistgħu naġixxu b’mod li juri li npoġġu l-​benesseri tagħhom qabel il-​konvenjenza tagħna. Bejn is-​sessjonijiet, nistgħu nuru interess persunali waqt li nieħdu l-​inizjattiva biex nitkellmu maʼ xi wħud taʼ madwarna. Xi darba dawk kollha li jgħixu fuq l-​art se jkunu aħwa, magħqudin flimkien fil-​qima t’Alla veru u Missier taʼ kulħadd. X’ferħ se jkun li nsiru nafu lil xulxin! L-​imħabba sħiħa se tqanqalna biex nagħmlu dan. Għax ma nibdewx minn issa?

Diskussjoni Bħala Reviżjoni

• Meta jinqalgħu xi problemi bejn il-​Kristjani, kif għandhom jiġu solvuti, u għala?

• Hekk kif nikbru spiritwalment, b’liema modi għandha tikber imħabbitna wkoll?

• Kif inhu possibbli li nuru mħabba sħiħa lejn oħrajn li m’humiex ħbieb tagħna mill-​qrib?

[Stampa f’paġna 148]

L-​imħabba Kristjana tintwera b’ħafna modi, bħal fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja