Kapitlu Tmintax
“M’Huma Ebda Parti mid-Dinja”
1. (a) Qabel mewtu, x’talab Ġesù għan-nom tad-dixxipli tiegħu? (b) Għala huwa daqshekk importanti li ma nkunu “ebda parti mid-dinja”?
FIL-LEJLA qabel ma nqatel, Ġesù talab għan-nom tad-dixxipli tiegħu. Peress li kien jaf li Satana kien se jagħmlilhom pressjoni tremenda, Ġesù qal lil Missieru: “Jien nitolbok, mhux biex toħroġhom ’il barra mid-dinja, imma biex tgħasses fuqhom minħabba l-wieħed mill-agħar. M’huma ebda parti mid-dinja, sewwa sew bħalma jien ma jien ebda parti mid-dinja.” (Ġwann 17:15, 16, NW) Għala huwa daqshekk importanti li wieħed ikun separat mid-dinja? Għax Satana huwa l-ħakkiem tagħha. Il-Kristjani żgur ma jridux isiru parti mid-dinja li tinsab fil-kontroll tiegħu.—Luqa 4:5-8; Ġwann 14:30; 1 Ġwann 5:19.
2. B’liema modi Ġesù ma kien ebda parti mid-dinja?
2 Il-fatt li ma kien ebda parti mid-dinja ma kienx ifisser li Ġesù ma kellux imħabba għal oħrajn. Għall-kuntrarju, hu fejjaq lill-morda, qajjem lill-mejtin, u għallem lin-nies dwar is-Saltna t’Alla. Saħansitra ta ħajtu għall-umanità. Imma hu ma kienx iħobb l-attitudnijiet u l-azzjonijiet mill-agħar taʼ dawk li kienu juru l-ispirtu tad-dinja taʼ Satana. B’hekk, hu wissa kontra affarijiet bħal xewqat immorali, ħajja materjalistika, u xenqa għall-prominenza. (Mattew 5:27, 28; 6:19-21; Luqa 20:46, 47) Mhux taʼ b’xejn mela li Ġesù evita wkoll il-politika tad-dinja. Għalkemm kien Lhudi, hu żamm in-newtralità fil-kontroversji politiċi bejn ir-Rumani u l-Lhud.
“Is-Saltna Tiegħi M’Hijiex taʼ Din id-Dinja”
3. (a) Liema akkuża rigward Ġesù għamlu l-mexxejja reliġjużi Lhud lil Pilatu, u għala? (b) X’juri li Ġesù ma kellu l-ebda interess li jsir sultan bħala bniedem?
3 Ikkunsidra x’ġara meta l-mexxejja reliġjużi Lhud arrestaw lil Ġesù u ħaduh għand Ponzju Pilatu, il-gvernatur Ruman. Fir-realtà, dawk il-mexxejja kienu rrabjati għax Ġesù kien kixfilhom l-ipokrisija tagħhom. Biex iġagħlu lill-gvernatur jieħu azzjoni kontra Ġesù, huma akkużawh u qalu: “Aħna sibna li dan il-bniedem qiegħed ixewwex lill-ġens tagħna, li m’huwiex iħalli lil min iħallas it-taxxa lil Ċesari, u li qiegħed jgħid li hu l-Messija Sultan.” (Luqa 23:2) B’mod ċar, din kienet gidba għax sena qabel meta n-nies riedu jagħmlu lil Ġesù sultan, hu rrifjuta. (Ġwann 6:15) Hu kien jaf li kellu jkun Sultan tas-sema fil-futur. (Luqa 19:11, 12) Ukoll, kellu jingħata t-tron, mhux mill-bnedmin, imma minn Jehovah.
4. X’kienet l-attitudni taʼ Ġesù dwar il-ħlas tat-taxxi?
4 Tlett ijiem biss qabel ma Ġesù ġie arrestat, il-Fariżej ipprovaw iġagħlu lil Ġesù jgħid xi ħaġa dwar il-kwistjoni tal-ħlas tat-taxxi li setgħu jakkużawh biha. Imma hu qal: “Uruni dinar [munita Rumana]. Il-wiċċ u l-kitba taʼ min huma?” Meta qalulu “taʼ Ċesari,” hu weġibhom: “Mela agħtu lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, u lil Alla dak li hu taʼ Alla.”—Luqa 20:20-25.
5. (a) Liema lezzjoni għallem Ġesù lid-dixxipli tiegħu meta s-suldati marru biex jarrestawh? (b) Ġesù kif spjega r-raġuni għal dak li kien għamel? (ċ) X’kien ir-riżultat taʼ din il-prova?
5 Le, Ġesù m’għallimx ir-ribelljoni kontra l-awtoritajiet sekulari. Meta s-suldati u rġiel oħra marru biex jarrestaw lil Ġesù, Pietru ħareġ sejf u ħabat għal raġel minnhom, u qatagħlu widintu. Imma Ġesù qallu: “Erġaʼ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered.” (Mattew 26:51, 52) L-għada Ġesù ta lil Pilatu r-raġuni għal dak li kien għamel, meta qal: “Is-saltna tiegħi m’hijiex taʼ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet taʼ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud.” (Ġwann 18:36) Pilatu ammetta li ma kien sab “ebda ħtija” kontra Ġesù. Imma ċeda għall-pressjoni li għamlulu nies mill-agħar, u ġiegħel li Ġesù jinqatel.—Luqa 23:13-15; Ġwann 19:12-16.
Id-Dixxipli Jsegwu t-Tmexxija taʼ Ġesù
6. Il-Kristjani tal-bidu kif urew li evitaw l-ispirtu tad-dinja imma li kienu jħobbu lin-nies?
6 B’hekk, id-dixxipli taʼ Ġesù fehmu x’kien meħtieġ biex ma jkunu ebda parti mid-dinja. Kien ifisser li jevitaw l-ispirtu u l-azzjonijiet mill-agħar tad-dinja, li kienu jinkludu l-vjolenza u d-divertiment immorali li kienu jsiru fl-arena u t-teatru Ruman. Minħabba dan, id-dixxipli bdew jiġu msejħin għedewwa tal-bnedmin. Imma huma mhux talli ma kinux jobogħdu lil sħabhom il-bnedmin, talli kienu jaħdmu iebes biex jgħinu lil oħrajn jibbenefikaw mill-provvedimenti t’Alla għas-salvazzjoni.
7. (a) Minħabba li ma kienu ebda parti mid-dinja, x’esperjenzaw id-dixxipli tal-bidu? (b) Huma kif kienu jqisu lill-ħakkiema politiċi u l-ħlas tat-taxxi, u għala?
7 Is-segwaċi taʼ Ġesù ġew persegwitati l-istess bħalu, taʼ spiss minn uffiċjali tal-gvern li kienu informati ħażin. Madankollu, madwar is-sena 56 E.K., l-appostlu Pawlu kiteb lill-Kristjani f’Ruma, waqt li ħeġġiġhom biex ‘jobdu lill-awtorità taʼ fuqhom [lill-ħakkiema politiċi].’ Hu qalilhom ukoll: “Ma hemmx awtorità jekk m’hix ġejja minn Alla.” Dan ma jfissirx li Jehovah jistabbilixxi lill-gvernijiet sekulari, imma hu jippermetti li jeżistu sakemm is-Saltna tiegħu biss taħkem l-art kollha. B’mod xieraq, Pawlu wissa lill-Kristjani biex jirrispettaw lill-mexxejja sekulari u jħallsu t-taxxi.—Rumani 13:1-7; Titu 3:1, 2.
8. (a) Sa liema punt għandhom il-Kristjani jkunu sottomessi lejn l-awtoritajiet taʼ fuqhom? (b) Il-Kristjani tal-bidu kif segwew l-eżempju taʼ Ġesù?
8 Madankollu, l-ubbidjenza lejn il-ħakkiema politiċi trid tkun relattiva, mhux assoluta. Fejn ikun hemm konflitt bejn il-liġijiet taʼ Jehovah u l-liġijiet tal-bniedem, dawk li jaqdu lil Jehovah iridu jobdu l-liġijiet Tiegħu. Innota x’jgħid dwar il-Kristjani tal-bidu l-ktieb On the Road to Civilization—A World History: “Il-Kristjani rrifjutaw li jieħdu sehem f’ċerti dmirijiet taċ-ċittadini Rumani. Il-Kristjani . . . kienu jħossu li qed imorru kontra r-reliġjon tagħhom jekk jidħlu fis-servizz militari. Ma kinux jaċċettaw xi kariga politika. Ma kinux iqimu lill-imperatur.” Meta l-qorti għolja Lhudija b’saħħa ordnat lid-dixxipli biex ma jkomplux jippridkaw, huma wieġbu: “Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-bnedmin.”—Atti 5:27-29.
9. (a) Il-Kristjani f’Ġerusalemm għala ħadu dik l-azzjoni fis-sena 66 E.K.? (b) B’liema mod huwa dan mudell prezzjuż?
9 Rigward il-kontroversji politiċi u militari, id-dixxipli żammew newtralità assoluta. Fis-sena 66 E.K., il-Lhud li kienu jgħixu fil-Lhudija ħaduha kontra Ċesari. L-armata Rumana dawret minnufih lil Ġerusalemm. X’għamlu l-Kristjani tal-belt? Huma ftakru fil-parir taʼ Ġesù biex joħorġu mill-belt. Meta r-Rumani rtiraw għal ftit żmien, il-Kristjani ħarbu minn ġox-Xmara Ġordan għar-reġjun muntanjuż taʼ Pella. (Luqa 21:20-24) In-newtralità tagħhom kellha sservi taʼ mudell għall-Kristjani leali iktar tard.
Il-Kristjani Jridu Jibqgħu Newtrali f’Dawn l-Aħħar Jiem
10. (a) F’liema xogħol ix-Xhieda taʼ Jehovah jibqgħu medhijin, u għala? (b) Rigward xiex huma newtrali?
10 Juru d-dokumenti storiċi li hemm xi grupp f’dawn l-aħħar jiem li segwa l-istess newtralità assoluta tal-Kristjani tal-bidu? Iva, dawn huma x-Xhieda taʼ Jehovah. Matul dan il-perijodu kollu taʼ żmien, huma baqgħu jippridkaw li s-Saltna t’Alla hija l-uniku mezz li se jġib paċi dejjiema, prosperità, u hena għal dawk li jħobbu s-sewwa. (Mattew 24:14) Imma rigward il-kontroversji fost il-ġnus, huma żammew newtralità assoluta.
11. (a) In-newtralità tax-Xhieda kif hija b’kuntrast mal-prattiċi tal-kleru? (b) X’ħarsa għandhom ix-Xhieda taʼ Jehovah rigward x’sehem jieħu ħaddieħor fil-politika?
11 B’kuntrast kbir maʼ dan, il-membri tal-kleru tar-reliġjonijiet taʼ din id-dinja involvew ruħhom sew fi kwistjonijiet politiċi. F’xi pajjiżi, huma għamlu kampanji favur jew kontra kandidati politiċi. Xi wħud mill-kleru saħansitra jaċċettaw kariga politika. Oħrajn influwenzaw lill-politikanti biex jippreferu skemi soċjali jew liġijiet approvati mill-kleru. Madankollu, ix-Xhieda taʼ Jehovah ma jindaħlux fil-politika. Lanqas ma jindaħlu lil ħaddieħor x’għandu jagħmel dwar jekk jingħaqadx maʼ xi partit politiku, joħroġx għall-politika, jew jivvotax fl-elezzjonijiet. Ġesù qal li d-dixxipli tiegħu m’għandhom ikunu ebda parti mid-dinja, u għalhekk ix-Xhieda taʼ Jehovah ma jieħdu l-ebda sehem fil-politika.
12. X’riżultat naraw minħabba li r-reliġjonijiet taʼ din id-dinja m’humiex newtrali?
12 Bħalma bassar Ġesù, il-ġnus kemm-il darba għamlu gwerer. Saħansitra fl-istess pajjiż, il-partiti ġġieldu kontra xulxin. (Mattew 24:3, 6, 7) Il-mexxejja reliġjużi kważi dejjem appoġġaw ġens jew partit kontra ieħor, waqt li ħeġġew lis-segwaċi tagħhom biex jagħmlu l-istess. X’inhu r-riżultat? Membri taʼ l-istess reliġjon joqtlu lil xulxin fil-gwerra sempliċement minħabba d-differenzi fin-nazzjonalità jew fit-tribù. Din hija kontra r-rieda t’Alla.—1 Ġwann 3:10-12; 4:8, 20.
13. X’turi l-evidenza dwar in-newtralità tax-Xhieda taʼ Jehovah?
13 Madankollu, ix-Xhieda taʼ Jehovah żammew newtralità assoluta fil-konflitti kollha. The Watchtower taʼ l-1 taʼ Novembru, 1939 stqarr: “Kulmin hu fuq in-naħa tal-Mulej se jkun newtrali fil-gwerer bejn il-ġnus.” Ix-Xhieda taʼ Jehovah f’kull ġens u f’kull ċirkustanza jibqgħu jappoġġaw din il-pożizzjoni. Huma ma jħallux il-politika u l-gwerer, li qed jifirdu d-dinja, ikissru l-fratellanza internazzjonali tagħhom. Huma “jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel.” Ladarba huma newtrali ma jitgħallmux iktar il-gwerra.—Isaija 2:3, 4; 2 Korintin 10:3, 4.
14. Minħabba li jibqgħu separati mid-dinja, x’esperjenzaw ix-Xhieda taʼ Jehovah?
14 Liema hu riżultat wieħed tan-newtralità tagħhom? Ġesù qal: “Billi m’intomx tad-dinja, . . . id-dinja tobgħodkom.” (Ġwann 15:19) Ħafna mix-Xhieda taʼ Jehovah ġew mitfugħin il-ħabs talli huma qaddejja t’Alla. Xi wħud ġew torturati, saħansitra maqtulin, l-istess bħalma ġara lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu. Dan jiġri għax Satana, “l-alla taʼ din id-dinja,” jopponi lill-qaddejja taʼ Jehovah, li m’huma ebda parti minnha.—2 Korintin 4:4; Apokalissi 12:12.
15. (a) Lejn xiex huma mexjin il-ġnus kollha, u x-Xhieda taʼ Jehovah xi jridu joqogħdu attenti li jevitaw? (b) Għala hija kwistjoni serja li nżommu separati mid-dinja?
15 Il-qaddejja taʼ Jehovah jinsabu ferħanin li m’huma ebda parti mid-dinja, għax il-ġnus kollha tagħha mexjin lejn tmiemhom f’Armageddon. (Danjel 2:44; Apokalissi 16:14, 16; 19:11-21) Aħna se nevitaw li jkollna dan it-tmiem għax inżommu ’l bogħod mid-dinja. Bħala nies magħqudin fid-dinja kollha, aħna leali lejn is-Saltna t’Alla fis-sema. Veru, talli m’aħna ebda parti mid-dinja, nesperjenzaw twaqqigħ għaċ-ċajt u persekuzzjoni mingħandha. Iżda dalwaqt, dan se jieqaf ladarba din id-dinja preżenti mill-agħar, li qiegħda fil-kontroll taʼ Satana, se tinqered għal dejjem. Mill-banda l-oħra, dawk li jaqdu lil Jehovah se jgħixu għal dejjem fid-dinja l-ġdida, ġusta u sewwa tiegħu, taħt is-Saltna t’Alla.—2 Pietru 3:10-13; 1 Ġwann 2:15-17.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
• Ġesù kif wera xi jfisser li ma tkun “ebda parti mid-dinja”?
• X’kienet l-attitudni tal-Kristjani tal-bidu lejn (a) l-ispirtu tad-dinja, (b) il-ħakkiema sekulari, u (ċ) il-ħlas tat-taxxi?
• B’liema modi x-Xhieda taʼ Jehovah fi żminijiet moderni taw evidenza tan-newtralità Kristjana tagħhom?
[Stampa f’paġna 165]
Ġesù spjega li hu u s-segwaċi tiegħu ma kienu “ebda parti mid-dinja”