LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • wt kap. 20 pp. 175-183
  • Żomm Quddiem Għajnejk il-Jum taʼ Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żomm Quddiem Għajnejk il-Jum taʼ Jehovah
  • Qim lill-Uniku Alla Veru
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ibqaʼ Għassa għas-​Sinjal
  • Il-​Frid tan-​Nies
  • X’Se Jiġri fil-​Futur?
  • Żomm Sewwa f’Moħħok il-Jum taʼ Jehovah
    Magħqudin fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru
  • Qegħdin Aħna Ngħixu fl-​“Aħħar Jiem”?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • L-Iskop t’Alla Dalwaqt Se Jiġi Rrealizzat
    X’Inhu l-Iskop tal-Ħajja? Kif Tista’ Ssibu?
  • L-appostli jistaqsu għal sinjal
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
Ara Iżjed
Qim lill-Uniku Alla Veru
wt kap. 20 pp. 175-183

Kapitlu Għoxrin

Żomm Quddiem Għajnejk il-​Jum taʼ Jehovah

1. Kif ħassejtek meta tgħallimt li l-​ħelsien mill-​uġigħ taʼ qalb taʼ din is-​sistema qadima hu qrib?

WAĦDA mill-​ewwel affarijiet li tgħallimt mill-​Bibbja kienet li l-​iskop taʼ Jehovah hu li l-​art kollha ssir ġenna. F’din id-​dinja l-​ġdida, mhux se jkun hemm iktar gwerer, kriminalità, faqar, mard, sofferenza, u mewt. Saħansitra l-​mejtin se jiġu rxoxtati. Xi prospetti meraviljużi dawn! Il-​fatt li dawn dalwaqt se jseħħu huwa enfasizzat mill-​evidenza li l-​preżenza inviżibbli taʼ Kristu bħala s-​Sultan ħakkiem bdiet fl-​1914 u li minn dakinhar ’l hawn ninsabu fl-​aħħar jiem taʼ din id-​dinja mill-​agħar. Fit-​tmiem taʼ dawn l-​aħħar jiem, Jehovah se jeqred lil din is-​sistema t’affarijiet preżenti u se jġib id-​dinja l-​ġdida mwiegħda!

2. X’inhu “jum il-​Mulej”?

2 Il-​Bibbja ssejjaħ dan iż-​żmien taʼ qerda li ġej “jum il-​Mulej.” (2 Pietru 3:10) Huwa “jum il-​korla tal-​Mulej” kontra d-​dinja taʼ Satana kollha kemm hi. (Sofonija 2:3) Dan jilħaq il-​quċċata tiegħu fil-​gwerra “taʼ nhar il-​Jum il-​kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox . . . , li bil-​Lhudi jsejjħulu Ħarmagedon [Armageddon],” li fih “is-​slaten tad-​dinja kollha” se jinqerdu. (Apokalissi 16:​14, 16) Juri l-​mod kif tgħix ħajtek li int konvint li dan “jum il-​Mulej” huwa qrib?—Sofonija 1:​14-​18; Ġeremija 25:33.

3. (a) Meta se jiġi l-​jum taʼ Jehovah? (b) Kif sewa taʼ benefiċċju l-​fatt li Jehovah ma rrivelax “dak il-​jum u s-​siegħa”?

3 Il-​Bibbja ma tgħidilniex id-​data eżatta meta Ġesù Kristu se jiġi bħala Dak li jwettaq il-​ġudizzju taʼ Jehovah kontra s-​sistema t’affarijiet taʼ Satana. “Dwar dak il-​jum u s-​siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-​anġli fis-​sema, u anqas l-​Iben; ħadd ħlief il-​Missier,” qal Ġesù. (Mark 13:32) Jekk xi wħud ma jħobbux tassew lil Jehovah, f’moħħhom huma se jipprovaw itawlu ż-​żmien tal-​jum tiegħu u jimxu wara affarijiet sekulari. Imma dawk li jħobbu verament lil Jehovah se jaqduh b’ruħhom kollha, jiġi meta jiġi t-​tmiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar.—Salm 37:4; 1 Ġwann 5:3.

4. X’qal Ġesù bħala twissija?

4 Bħala twissija għal dawk li jħobbu lil Jehovah, Ġesù jgħid: “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-​waqt.” (Mark 13:​33-37) Hu jħeġġiġna biex ma nħallux l-​ikel u x-​xorb jew l-​ansjetajiet tal-​ħajja jtellfulna l-​attenzjoni tagħna b’tali mod li ma nibqgħux naraw is-​serjetà taż-​żminijiet.—Luqa 21:​34-36; Mattew 24:​37-42.

5. Bħalma spjega Pietru, x’se jġib il-​jum taʼ Jehovah?

5 B’mod simili, Pietru jwissina biex inżommu quddiem għajnejna “l-​miġja tal-​Jum taʼ Alla. Hu minħabba f’dan il-​Jum li s-​smewwiet jinħarqu u jinħallu, u l-​elementi tad-​dinja jinqerdu bin-​nar.” Il-​gvernijiet umani kollha—“is-​smewwiet”—se jinqerdu, kif ukoll is-​soċjetà umana in ġenerali li hi mill-​agħar. “L-​elementi tad-​dinja” huma l-​ideat u l-​attivitajiet taʼ din id-​dinja mill-​agħar, bħall-​attitudni tagħha li trid tkun indipendenti minn Alla u l-​mod taʼ ħajja immorali u materjalistika tagħha. Minflok dawn l-​affarijiet se jkun hawn “smewwiet ġodda [is-Saltna t’Alla fis-​sema] u art ġdida [soċjetà ġdida fuq l-​art]” fejn se “tgħammar il-​ġustizzja.” (2 Pietru 3:​10-13) Dawn il-​ġrajjiet li jheżżu lid-​dinja se jibdew f’daqqa u f’jum u siegħa mhux mistennijin.—Mattew 24:44.

Ibqaʼ Għassa għas-​Sinjal

6. (a) It-​tweġiba taʼ Ġesù għall-​mistoqsija tad-​dixxipli tiegħu sa liema punt applikat għat-​tmiem tas-​sistema Lhudija? (b) Liema partijiet mit-​tweġiba taʼ Ġesù jitfgħu l-​attenzjoni fuq il-​ġrajjiet u l-​attitudnijiet mill-​1914 ’il quddiem?

6 Meta nqisu ż-​żminijiet li qed ngħixu fihom, għandna nsiru nafu sew id-​dettalji tas-​sinjal kompost li jidentifika l-​aħħar jiem—“tmiem id-​dinja.” Żomm f’moħħok li meta Ġesù wieġeb il-​mistoqsija tad-​dixxipli tiegħu, li nsibu f’Mattew 24:​3, ftit minn dak li ddeskriva fil-​versi 4 sa 22 kellu twettiq fuq skala żgħira fuq is-​sistema Lhudija bejn is-​snin 33 u 70 E.K. Imma l-​profezija għandha t-​twettiq ewlieni tagħha fil-​perijodu mill-​1914 ’l hawn, iż-​żmien ‘tal-​miġja [taʼ Kristu] u taʼ tmiem id-​dinja.’ Mattew 24:​23-​28 jgħidilna x’kellu jseħħ mis-​sena 70 E.K. saż-​żmien matul il-​preżenza taʼ Kristu. L-​iżviluppi deskritti f’Mattew 24:29–25:46 seħħew matul iż-​żmien tat-​tmiem.

7. (a) Għala għandna personalment noqogħdu b’għajnejna miftuħin dwar kif il-​kundizzjonijiet kurrenti qed iwettqu s-​sinjal? (b) Wieġeb il-​mistoqsijiet fl-​aħħar taʼ dan il-​paragrafu biex turi kif is-​sinjal ilu jitwettaq mill-​1914 ’l hawn.

7 Aħna għandna personalment noqogħdu b’għajnejna miftuħin għall-​ġrajjiet u l-​attitudnijiet li jwettqu s-​sinjal. Li norbtu dawn l-​affarijiet mal-​profeziji Bibliċi se jgħinna nżommu quddiem għajnejna l-​jum taʼ Jehovah. Dan se jġagħalna wkoll inkunu konvinċenti meta nwissu lil oħrajn dwar kemm ninsabu qrib taʼ dan il-​jum. (Isaija 61:​1, 2) B’dawn il-​miri f’moħħna, ejja nirrivedu l-​mistoqsijiet li ġejjin li jenfasizzaw partijiet mis-​sinjal, kif insibu f’Mattew 24:7 u f’Luqa 21:​10, 11.

B’liema mod straordinarju beda jitwettaq il-​qawmien imbassar taʼ “ġens kontra ġens u saltna kontra saltna” mill-​1914 ’il quddiem? Rigward il-​gwerer, x’beda jiġri minn dakinhar ’l hawn?

Fl-​1918, liema pesta swiet iktar ħajjiet mill-​Ewwel Gwerra Dinjija? Minkejja l-​għarfien mediku tal-​bniedem, liema mard għadu joqtol lil miljuni taʼ nies?

Sa liema punt il-​ġuħ effettwa lid-​dinja minkejja l-​avvanzi xjentifiċi taʼ l-​aħħar seklu?

X’jikkonvinċik li dak li qed jiddeskrivi t-​2 Timotju 3:​1-5, 13, m’huwiex il-​mod kif dejjem kienet il-​ħajja, imma l-​mod kif il-​kundizzjonijiet ħżiena żdiedu hekk kif mexjin lejn it-​tmiem taʼ l-​aħħar jiem?

Il-​Frid tan-​Nies

8. (a) Skond Ġesù, liema żviluppi oħra huma marbutin mal-​konklużjoni tas-​sistema t’affarijiet kif deskritt f’Mattew 13:​24-​30, 36-​43? (b) Xi tfisser it-​tixbiha taʼ Ġesù?

8 Skond Ġesù, hemm żviluppi sinifikanti oħra li huma marbutin mal-​konklużjoni tas-​sistema t’affarijiet. Wieħed minnhom hu l-​frid taʼ “wlied is-​Saltna” minn “ulied il-​ħażin.” Ġesù tkellem dwar dan fil-​parabbola tiegħu taʼ l-​għalqa tal-​qamħ li ġiet miżrugħa bis-​sikrana minn għadu. “Il-​qamħ” fit-​tixbiha tiegħu jirrappreżenta lill-​Kristjani veri li huma mill-​midlukin. “Is-​sikrana” tirrappreżenta lil dawk li jistqarru li huma Kristjani imma jagħtu prova li huma “wlied il-​ħażin” għax huma marbutin mad-​dinja li l-​ħakkiem tagħha huwa x-​Xitan. Dawn jiġu mifrudin minn “ulied is-​Saltna [t’Alla]” u huma mmarkati għall-​qerda. (Mattew 13:​24-​30, 36-​43) Seħħ fil-​fatt dan il-​frid?

9. (a) Wara l-​Ewwel Gwerra Dinjija, liema frid kbir seħħ taʼ dawk kollha li kienu jistqarru li huma Kristjani? (b) Il-​Kristjani midlukin kif taw evidenza li kienu qaddejja veri tas-​Saltna?

9 Wara l-​Ewwel Gwerra Dinjija, dawk kollha li kienu jistqarru li huma Kristjani ġew mifrudin f’żewġ klassijiet: (1) il-​kleru tal-​Kristjaneżmu u s-​segwaċi tiegħu, li taw appoġġ sħiħ lil-​Lega tan-​Nazzjonijiet (issa l-​Ġnus Magħquda) filwaqt li żammew il-​lealtà tagħhom lejn pajjiżhom, u (2) il-​Kristjani veri taʼ dik l-​era taʼ wara l-​gwerra, li appoġġaw bis-​sħiħ lis-​Saltna Messjanika t’Alla, u mhux lill-​ġnus taʼ din id-​dinja. (Ġwann 17:16) Dawn taw prova li huma qaddejja veri tas-​Saltna t’Alla billi ħadu sehem f’li jippridkaw “l-​Evanġelju tas-​Saltna” mad-​dinja kollha. (Mattew 24:14) B’liema riżultati?

10. X’kien l-​ewwel riżultat mill-​attività taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna?

10 L-​ewwelnett, kien hemm il-​ġbir tal-​fdal taʼ dawk midlukin bl-​ispirtu t’Alla, li għandhom it-​tama li jkunu maʼ Kristu bħala parti mis-​Saltna tas-​sema. Għalkemm dawn l-​uħud kienu mxerrdin fost il-​ġnus, ġew magħqudin f’unità bħala organizzazzjoni. L-​issiġillar taʼ dawn l-​uħud midlukin dalwaqt se jitlesta.—Apokalissi 7:​3, 4.

11. (a) Liema xogħol taʼ ġbir qed ikompli, u fi qbil maʼ liema profezija? (b) Xi jfisser it-​twettiq taʼ din il-​profezija?

11 Imbagħad, taħt id-​direzzjoni taʼ Kristu, beda l-​ġbir taʼ “kotra kbira . . . minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien.” Din hija fformata min-​“nagħaġ oħra” li se jiġu salvati mit-​tribulazzjoni l-​kbira għal ġod-​dinja l-​ġdida t’Alla. (Apokalissi 7:​9, 14; Ġwann 10:16) Dan ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna t’Alla qabel ma jiġi t-​tmiem għadu sejjer sal-​ġurnata taʼ llum. Il-​kotra kbira taʼ nagħaġ oħra, li issa tgħodd mal-​miljuni, qed tgħin lealment lill-​fdal midluk biex jixxandar il-​messaġġ vitali tas-​Saltna. Dan il-​messaġġ qed jisimgħuh il-​ġnus kollha.

X’Se Jiġri fil-​Futur?

12. Kemm iktar għad irid isir xogħol taʼ l-​ippridkar qabel ma jiġi l-​jum taʼ Jehovah?

12 Dan kollu li rajna jfisser li ninsabu fit-​tmiem taʼ l-​aħħar jiem u li l-​jum taʼ Jehovah hu fil-​qrib. Iżda hemm xi profeziji li għadhom iridu jitwettqu qabel jibda dan il-​jum li jispira l-​biżaʼ? Iva. L-​ewwelnett, il-​frid tan-​nies dwar il-​kwistjoni tas-​Saltna għadu ma spiċċax. F’xi nħawi fejn għal snin sħaħ kien hemm oppożizzjoni ħarxa, illum hemm żjieda taʼ dixxipli ġodda. Anki fejn in-​nies jirrifjutaw l-​aħbar tajba, il-​ħniena taʼ Jehovah tintwera bix-​xiehda li aħna nagħtu. Għalhekk kompli agħmel dan ix-​xogħol! Ġesù jassigurana li meta x-​xogħol jitlesta, jiġi t-​tmiem.

13. Kif insibu fl-​1 Tessalonikin 5:​2, 3, liema ġrajja notevoli għad trid isseħħ, u din x’se tkun tfisser għalina?

13 Profezija Biblika oħra importanti ferm tbassar: “Meta kulħadd jibda jgħid: ‘Sliem u mistrieħ’, dak il-​ħin stess, bħall-​uġigħ fuq mara li tkun waslet għall-​ħlas, tiġi fuqhom għal għarrieda l-​qerda u ma jeħilsu b’xejn.” (1 Tessalonikin 5:​2, 3) Għad irridu naraw kif se sseħħ din il-​proklamazzjoni taʼ “sliem u mistrieħ.” Imma żgur li mhux se tkun tfisser li l-​mexxejja dinjin ikunu tassew solvew il-​problemi taʼ l-​umanità. Dawk li qed iżommu l-​jum taʼ Jehovah quddiem għajnejhom mhux se jitqarrqu minn din il-​proklamazzjoni. Huma jafu li eżatt wara dan se tiġi l-​qerda għall-​għarrieda.

14. Liema ġrajjiet se jseħħu matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, u kif se jiġru waħda wara l-​oħra?

14 Fil-​bidu tat-​tribulazzjoni l-​kbira, il-​ħakkiema se jduru kontra Babilonja l-​Kbira, l-​imperu dinji tar-​reliġjon falza, u se jġibuha fix-​xejn. (Mattew 24:21; Apokalissi 17:​15, 16) Wara dan, il-​ġnus se jduru kontra dawk li jappoġġaw is-​sovranità taʼ Jehovah, u b’hekk iqanqlu l-​qilla taʼ Jehovah kontra l-​gvernijiet politiċi u dawk li jappoġġawhom. Dan se jirriżulta f’qerda totali għalihom f’Armageddon, il-​quċċata tat-​tribulazzjoni l-​kbira. Imbagħad, Satana u d-​demonji tiegħu se jiġu mitfugħin fl-​abbiss, u ma jkunux jistgħu jinfluwenzaw iktar lill-​bnedmin. Dan se jtemm il-​jum taʼ Jehovah meta ismu se jiġi mqaddes.—Eżekjel 38:​18, 22, 23; Apokalissi 19:11–​20:3.

15. Għala ma jkunx għaqli li nirraġunaw li l-​jum taʼ Jehovah għadu ’l bogħod?

15 It-​tmiem taʼ din is-​sistema se jiġi eżatt fil-​ħin, fiż-​żmien determinat minn Alla. Mhux se jiddawwar. (Ħabakkuk 2:3) Ftakar, il-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 70 E.K. ġiet malajr, meta l-​Lhud ma kinux qed jistennewha, meta ħasbu li l-​periklu kien għadda. U xi ngħidu għal Babilonja tal-​qedem? Kienet setgħana, taħseb li ħadd ma jistaʼ għaliha, u mdawra bi swar enormi. Imma waqgħet f’lejl wieħed. Bl-​istess mod ukoll se tiġi l-​qerda għall-​għarrieda fuq is-​sistema mill-​agħar preżenti. Meta tiġi, jalla nkunu magħqudin fil-​qima vera, għax inkunu żammejna quddiem għajnejna l-​jum taʼ Jehovah.

Diskussjoni Bħala Reviżjoni

• Għala huwa vitali li nżommu quddiem għajnejna l-​jum taʼ Jehovah? Kif nistgħu nagħmlu dan?

• Kif aħna effettwati personalment mill-​frid tan-​nies li qed iseħħ?

• X’għad irid jiġri fil-​futur qabel jibda l-​jum taʼ Jehovah? Għalhekk, x’irridu nkunu qegħdin nagħmlu personalment?

[Stampi f’paġna 180, 181]

Dalwaqt se jintemmu l-​aħħar jiem bil-​qerda tas-​sistema taʼ Satana

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja