KAPITLU 15
Nitgħallmu Nuru Qalb Tajba
TAF x’inhu preġudizzju?— Tajjeb, il-preġudizzju hu meta jkun hemm xi ħadd li ma jogħġbokx sempliċement għax forsi jidher differenti jew jitkellem lingwa differenti. Mela li tkun preġudikat dwar xi ħadd ifisser li jkollok xi ħaġa li ddejqek fih jew li taħseb dwaru b’ċertu mod qabel ma ssir tafu tajjeb.
Taħseb li huwa tajjeb li jkun hemm xi ħadd li ma jogħġbokx qabel ma ssir taf x’tip taʼ persuna hu jew sempliċement għax jidher differenti minnek?— Le, il-preġudizzju m’huwiex tajjeb, u lanqas ma tkun qalbek tajba jekk tkun hekk. Aħna m’għandniex inkunu kattivi maʼ xi ħadd sempliċement għax forsi hu differenti minna.
Aħseb ftit dwar dan. Taf lil xi ħadd li għandu l-kulur tal-ġilda tiegħu differenti minn tiegħek jew li jitkellem lingwa differenti minn tiegħek?— Forsi taf anki nies li jidhru differenti għax weġġgħu b’xi ħaġa jew għax huma morda. Turi int qalb tajba u mħabba maʼ dawk li huma differenti minnek?—
Kif għandna nittrattaw lil dawk li forsi jkunu differenti minna?
Jekk nisimgħu mill-Għalliem il-Kbir, Ġesù Kristu, se nuru qalb tajba maʼ kulħadd. M’għandhiex tagħmel differenza għalina minn liema pajjiż ġej xi ħadd jew x’kulur hi l-ġilda tiegħu. Għandna nuruh qalb tajba. Għalkemm mhux in-nies kollha jemmnu hekk, Ġesù hekk għallem. Ejja nitkellmu dwar din il-ħaġa.
Wieħed raġel Lhudi li kellu preġudizzju lejn ħaddieħor mar għand Ġesù u staqsieh il-mistoqsija, ‘Xi rrid nagħmel biex ngħix għal dejjem?’ Ġesù kien jaf li dan ir-raġel x’aktarx riedu jgħid li għandna nuru qalb tajba biss maʼ nies taʼ l-istess razza jew pajjiż tagħna. Għalhekk, minflok ma tah it-tweġiba hu, Ġesù staqsa lir-raġel: ‘Il-Liġi t’Alla x’tgħid li rridu nagħmlu?’
Ir-raġel wieġeb: ‘Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha, u ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’ Ġesù qal: ‘Tajjeb weġibt. Ibqaʼ agħmel dan u tieħu l-ħajja taʼ dejjem.’
Madankollu, ir-raġel ma riedx juri qalb tajba jew imħabba maʼ nies li kienu differenti minnu. Allura hu pprova jsib skuża. Hu staqsa lil Ġesù: “Min tassew hu l-proxxmu tiegħi?” Forsi hu xtaq li Ġesù jgħidlu: “Il-proxxmu tiegħek huma ħbiebek” jew, “Dawn huma nies li jidhru bħalek.” Biex iwieġeb il-mistoqsija, Ġesù qal storja dwar raġel Lhudi u ieħor Samaritan. Din kienet tgħid hekk.
Wieħed raġel kien għaddej fit-triq biex imur mill-belt taʼ Ġerusalemm għal Ġeriko. Dan ir-raġel kien Lhudi. Hu u miexi qabduh il-ħallelin. Huma waddbuh maʼ l-art u ħadulu l-flus u l-ħwejjeġ li kellu. Il-ħallelin sawtuh u ħallewh nofsu mejjet mal-ġenb tat-triq.
Ftit ħin wara, wieħed qassis għadda minn dik it-triq. Hu ra lir-raġel li kien imweġġaʼ ħafna. Int x’kont tagħmel?— Il-qassis qasam għan-naħa l-oħra tat-triq u baqaʼ miexi. Lanqas biss waqaf. M’għamel xejn biex jgħin lir-raġel.
Imbagħad, mit-triq għadda raġel ieħor li kien reliġjuż ħafna. Dan kien Levita li kien jaqdi fit-tempju taʼ Ġerusalemm. Kien se jieqaf biex jgħinu?— Le. Għamel l-istess ħaġa bħall-qassis.
Fl-aħħar għadda wieħed Samaritan. Qed tarah ġej minn wara dik il-kantuniera?— Hu ra lir-raġel Lhudi muġugħ maʼ l-art. Issa, kważi s-Samaritani u l-Lhud kollha ma kinux iħobbu lil xulxin. (Ġwanni 4:9) Allura kien dan is-Samaritan se jħalli lir-raġel hemmhekk mingħajr ma jgħinu? Kien hu se jgħid f’qalbu: ‘Għala għandi ngħin lil dan il-Lhudi? Hu mhux se jgħinni jekk inweġġaʼ’?
Is-Samaritan għala kien proxxmu tajjeb?
Is-Samaritan ra lir-raġel mal-ġenb tat-triq u tħassru. Ma felaħx jitilqu hemm u jħallih imut. Għalhekk niżel minn fuq il-ħmar, mar ħdejn ir-raġel, u beda jdewwilu l-feriti. Hu ferraʼ żejt u nbid fuqhom għax dawn jgħinu l-feriti jfiqu. Imbagħad rabathomlu b’ċarruta.
Is-Samaritan refaʼ bil-mod lir-raġel muġugħ u tellgħu fuq il-ħmar tiegħu. Imbagħad komplew sejrin sakemm waslu f’lukanda. Hemmhekk is-Samaritan kera kamra fejn setaʼ joqgħod ir-raġel, u ħa ħsiebu sewwa.
Issa Ġesù staqsa lir-raġel li kien qiegħed ikellem: ‘Minn dawn it-tlieta, min taħseb li kien il-proxxmu tajjeb?’ Int x’tgħid? Kien il-qassis, il-Levita, jew is-Samaritan?—
Ir-raġel wieġeb: ‘Ir-raġel li waqaf u ħa ħsieb ir-raġel imweġġaʼ kien il-proxxmu tajjeb.’ Ġesù qal: ‘Sewwa qed tgħid. Mur u agħmel l-istess int ukoll.’—Luqa 10:25-37.
Kemm kienet storja tajba hux? Fiha naraw ċar min huwa l-proxxmu tagħna. M’humiex biss il-ħbieb tal-qalb tagħna. U m’humiex biss in-nies li għandhom l-istess kulur tal-ġilda bħalna jew li jitkellmu l-istess lingwa. Ġesù għallimna nuru qalb tajba man-nies, minkejja l-pajjiż li ġejjin minnu, il-mod kif jidhru, jew il-lingwa li jitkellmu.
Alla Ġeħova hekk hu. M’għandux preġudizzju. “Missierkom li hu fis-smewwiet . . . itellaʼ x-xemx tiegħu fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin,” qal Ġesù. “U jniżżel ix-xita fuq in-nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.” Mela, allura, aħna rridu nuru qalb tajba maʼ kulħadd, bħalma jagħmel Alla.—Mattew 5:44-48.
Int kif tistaʼ tkun proxxmu tajjeb?
Mela jekk tara lil xi ħadd li weġġaʼ, x’se tagħmel?— U jekk dan il-bniedem ikun ġej minn pajjiż differenti jew għandu l-kulur tal-ġilda tiegħu differenti minn tiegħek? Dan xorta jibqaʼ l-proxxmu tiegħek, u int għandek tgħinu. Jekk tħoss li għadek żgħir biex tgħinu, f’dak il-każ tistaʼ tistaqsi lil xi ħadd akbar minnek biex jgħinu. Jew tistaʼ tistaqsi lil xi pulizija jew għalliem taʼ l-iskola. Hekk tkun qed turi qalb tajba, bħar-raġel Samaritan.
L-Għalliem il-Kbir iridna nkunu qalbna tajba. Iridna ngħinu lil nies oħra, huma min huma. Għalhekk irrakkonta l-istorja dwar is-Samaritan li kellu qalbu tajba.
Biex tkompli titgħallem turi qalb tajba man-nies minkejja r-razza jew il-pajjiż tagħhom, aqra Proverbji 19:22; Atti 10:34, 35; u 17:26.