KAPITLU 20
Int Dejjem Trid Tkun l-Ewwel?
TAF lil xi ħadd li dejjem irid ikun l-ewwel?— Dan forsi jimbotta lil xi ħadd biex ikun hu l-ewwel fil-kju. Qatt rajt xi ħaġa bħal din tiġri?— L-Għalliem il-Kbir ra wkoll lill-kbar jipprovaw jieħdu l-ewwel postijiet, jew l-iktar postijiet importanti. U ma ħax gost b’dan. Ejja naraw x’ġara.
Qatt rajt lil xi nies jipprovaw ikunu l-ewwel?
Il-Bibbja tgħidilna li Ġesù ġie mistieden għal ikla kbira fid-dar taʼ wieħed Fariżew, li kien mexxej reliġjuż importanti. Wara li wasal, Ġesù beda jħares lejn in-nies l-oħra deħlin u rahom jagħżlu l-aħjar postijiet. Għalhekk qal storja lil dawk li kienu mistidnin. Trid tismagħha?—
Ġesù qal: ‘Meta xi ħadd jistiednek għal festa taʼ tieġ, tagħżilx l-aħjar post jew l-iktar wieħed importanti.’ Taf għala qal hekk Ġesù?— Hu spjega li forsi xi ħadd iktar importanti jkun ġie mistieden. Mela, kif tistaʼ tara fl-istampa, dak li qed jagħmel il-festa jiġi u jgħid: ‘Agħti l-post lil dan ir-raġel, u int mur hemm.’ Kif iħossu dan il-mistieden imbagħad?— Iħossu jistħi għax il-mistidnin l-oħra kollha jkunu qed iħarsu lejh meta jmur f’post inqas importanti.
Ġesù kien qed juri li mhux sew li tkun trid l-aħjar post. Għalhekk qal: ‘Meta tkun mistieden għal festa tat-tieġ, mur oqgħod fl-aħħar post, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek, “Ħabib, itlaʼ iktar ’il fuq.” Imbagħad int tiġi onorat quddiem il-mistidnin l-oħrajn kollha meta tmur f’post aħjar.’—Luqa 14:1, 7-11.
X’lezzjoni kien qed jgħallem Ġesù meta tkellem dwar dawk li jieħdu l-aħjar, jew l-ewwel, postijiet?
Fhimtu l-punt taʼ l-istorja taʼ Ġesù?— Ejja nużaw eżempju ħa naraw jekk fhimtux. Immaġina li tielaʼ fuq karozza tal-linja mimlija. Għandek int tgħaġġel biex tilħaq post u tħalli lil xi ħadd akbar minnek bil-wieqfa?— Jieħu pjaċir Ġesù jekk tagħmel hekk?—
Forsi hemm min jgħid li għal Ġesù ma jimpurtax x’nagħmlu aħna. Imma int temmnu dan?— Meta Ġesù kien f’dik l-ikla l-kbira fid-dar tal-Fariżew, hu qagħad jara lin-nies jagħżlu l-postijiet tagħhom. Ma taħsibx li llum ukoll jinteressah dak li nagħmlu aħna?— Issa li Ġesù qiegħed fis-sema, żgur li jistaʼ jarana sew.
Meta xi ħadd jipprova jkun l-ewwel, jistaʼ jaqlaʼ l-inkwiet. Taʼ spiss tinqalaʼ xi ġlieda, u n-nies jirrabjaw. Kultant dan jiġri meta t-tfal imorru ħarġa flimkien. Hekk kif ikunu telgħin fil-karozza tal-linja, it-tfal jgħaġġlu biex jitilgħu l-ewwel. Ikunu jridu l-aħjar postijiet, dawk ħdejn it-tieqa. Imbagħad x’jistaʼ jiġri?— Eħe, jistgħu jiġġieldu.
Meta wieħed ikun irid jiġi l-ewwel jistaʼ jaqlaʼ ħafna inkwiet. Anki fost l-appostli taʼ Ġesù qam l-inkwiet minħabba f’hekk. Bħalma tgħallimna f’Kapitlu 6 taʼ dan il-ktieb, huma ġġieldu bejniethom dwar min kien l-akbar fosthom. Imbagħad x’għamel Ġesù?— Iva, ikkoreġiehom. Imma iktar tard reġgħu ġġieldu. Ejja naraw kif bdew jiġġieldu.
L-appostli, flimkien m’oħrajn, sejrin maʼ Ġesù lejn il-belt taʼ Ġerusalemm għall-aħħar darba. Ġesù għadu kif kellimhom dwar is-Saltna tiegħu, u allura Ġakbu u Ġwanni kienu qed jaħsbu dwar meta se jaħkmu bħala slaten miegħu. Tkellmu wkoll m’ommhom, Salomè, dwar dan. (Mattew 27:56; Marku 15:40) Mela huma u sejrin Ġerusalemm, Salomè tmur għand Ġesù, tinżel quddiemu, u titolbu pjaċir.
“Xi trid?” Ġesù staqsa. Hi wiġbitu li xtaqet li Ġesù jħalli lil uliedha joqogħdu bil-qiegħda ħdejh fis-Saltna tiegħu, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug. Issa, meta l-għaxar appostli l-oħra jsiru jafu dak li Ġakbu u Ġwanni riedu lil ommhom titlob lil Ġesù, kif taħseb li jħossuhom?—
Salomè x’titolbu lil Ġesù, u xi jkun ir-riżultat?
Iva, huma rrabjati ħafna maʼ Ġakbu u Ġwanni. Allura Ġesù jagħti lill-appostli tiegħu kollha parir tajjeb. Ġesù jgħidilhom li l-ħakkiema tal-ġnus jieħdu gost ikunu kbar u importanti. Iridu li jkollhom pożizzjoni għolja biex kulħadd jobdihom. Imma Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu li m’għandhomx ikunu hekk. Minflok, Ġesù jgħid: “Kulmin irid ikun l-ewwel fostkom irid ikun l-ilsir tagħkom.” Immaġina naqra!—Mattew 20:20-28.
Taf x’jagħmel ilsir?— Hu jaqdi jew jagħmel affarijiet għal nies oħra, mhux jistenna li oħrajn jaqduh. Hu jieħu l-aħħar post, mhux l-ewwel post. Jaġixxi bħala l-inqas wieħed importanti, mhux bħala l-iktar wieħed importanti. U ftakar, Ġesù qal li dak li jrid ikun l-ewwel għandu jaġixxi taʼ lsir m’oħrajn.
Issa, x’taħseb li jfisser dan għalina?— Taħseb li lsir joqgħod jiġġieled maʼ sidu dwar min se jieħu l-aħjar post? Jew joqgħod jiġġieled dwar min se jiekol l-ewwel? X’taħseb?— Ġesù spjega li lsir dejjem ipoġġi lil sidu qablu.—Luqa 17:7-10.
Mela flok nipprovaw inkunu l-ewwel, x’għandna nagħmlu?— Iva, għandna nkunu bħal ilsiera għal oħrajn. U dan ifisser li npoġġu lil oħrajn qabilna. Ifisser li nqisu lil oħrajn iktar importanti minna. Tistaʼ taħseb kif tistaʼ tpoġġi lil oħrajn l-ewwel?— Għax ma tmurx lura f’paġni 40 u 41 u terġaʼ tħares lejn xi eżempji taʼ kif tistaʼ tpoġġi lil oħrajn l-ewwel billi taqdihom.
Żgur li tiftakar li l-Għalliem il-Kbir poġġa lil oħrajn qablu billi qdiehom. Fl-aħħar lejla li qattaʼ maʼ l-appostli tiegħu, qagħad anki jitbaxxa u jaħslilhom saqajhom. Jekk aħna wkoll inpoġġu lil oħrajn l-ewwel billi naqduhom, se nkunu qed nogħġbu kemm lill-Għalliem il-Kbir u kemm lil Missieru, Alla Ġeħova.
Ejja naqraw ftit iktar versi mill-Bibbja li jinkuraġġuna npoġġu lil oħrajn qabilna: Luqa 9:48; Rumani 12:3; u Filippin 2:3, 4.