LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • lr kap. 39 pp. 202-206
  • Alla Jiftakar f’Ibnu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Alla Jiftakar f’Ibnu
  • Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir
  • Materjal Simili
  • Ġesù Hu Ħaj
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Ġesù jiġi mqajjem mill-mewt
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Qabar vojt—Ġesù hu ħaj!
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • Ġesù Huwa Ħaj!
    L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
Ara Iżjed
Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir
lr kap. 39 pp. 202-206

KAPITLU 39

Alla Jiftakar f’Ibnu

ĠESÙ beka meta miet il-​ħabib tiegħu Lazzru. Taħseb li Ġeħova ħassu mdejjaq meta Ġesù bata u miet?— Il-​Bibbja tgħid li Alla jistaʼ ‘jitnikket’ u jweġġaʼ bl-​affarijiet li jsiru.—Salm 78:​40, 41; Ġwanni 11:35.

Tistaʼ timmaġina l-​uġigħ li ħass Ġeħova meta kien qed jara lill-​għażiż Ibnu jmut?— Ġesù kien ċert li Alla ma kienx se jinsieh. Għalhekk, l-​aħħar kliem tiegħu qabel miet kien: “Missier, f’idejk nafda l-​[ħajja] tiegħi.”—Luqa 23:46.

Ġesù kien ċert li kien se jiġi rxoxtat, li ma kienx se jibqaʼ “fl-​imwiet,” jew fil-​qabar, jiġifieri post fejn ikun hemm l-​iġsma mejtin. Wara li Ġesù ġie mqajjem, l-​appostlu Pietru kkwota dak li nkiteb fil-​Bibbja dwar Ġesù, u qal: “La kien mitluq fl-​imwiet u lanqas ġismu ma ra t-​taħsir.” (Atti 2:​31, Għaqda Biblika Maltija; Salm 16:10) Le, il-​ġisem taʼ Ġesù ma kellux iċ-​ċans jitħassar u jinten fil-​qabar.

Meta Ġesù kien fuq l-​art, hu saħansitra qal lid-​dixxipli tiegħu li ma kienx se jibqaʼ mejjet għal ħafna żmien. Hu spjegalhom li kien se “jiġi maqtul, u fit-​tielet jum jiġi mqajjem.” (Luqa 9:22) Mela fil-​fatt, id-​dixxipli mhux suppost kellhom jiskantaw meta Ġesù ġie rxoxtat. Imma baqgħu skantati?— Ejja naraw.

L-Għalliem il-​Kbir imut fuq iz-​zokk tat-​tortura l-​Ġimgħa, madwar it-​tlieta taʼ wara nofsinhar. Ġużeppi, membru sinjur tas-​Sinedriju, ukoll jemmen f’Ġesù bil-​moħbi. Meta jsir jaf li Ġesù miet, imur għand Pilatu, il-​gvernatur Ruman. Ġużeppi jistaqsih jekk jistax iniżżel il-​ġisem taʼ Ġesù minn fuq iz-​zokk u jidfnu. Wara, Ġużeppi jġorr il-​ġisem taʼ Ġesù u jieħdu fi ġnien fejn hemm qabar.

Wara li jqiegħed il-​ġisem fil-​qabar, igerbeb ġebla kbira quddiemu. Issa l-​qabar magħluq. Jasal it-​tielet jum, il-​Ħadd. Ix-​xemx għadha ma telgħetx, allura għadu d-​dlam. Hemm xi rġiel li qegħdin għassa mal-​qabar. Il-​qassisin ewlenin bagħtu lil dawn l-​irġiel hemm. Taf għala?—

Il-qassisin ukoll kienu semgħu li Ġesù qal li kellu jiġi rxoxtat. Allura biex ma jħallux lid-​dixxipli tiegħu jisirqu l-​ġisem u mbagħad jgħidu li Ġesù qam, il-​qassisin jibagħtu l-​għassiesa. F’daqqa waħda, l-​art tibda titheżżeż. Fid-​dlam, tidher leħħa taʼ dawl. Dan anġlu taʼ Ġeħova! Is-​suldati tant jibżgħu li ma jistgħux jiċċaqalqu. L-​anġlu jmur ħdejn il-​qabar u jneħħi l-​ġebla. Il-​qabar huwa vojt!

Is-suldati jibżgħu meta anġlu jurihom il-qabar vojt taʼ Ġesù

Il-​qabar għala huwa vojt? X’ġara?

Iva, ġara bħalma qal l-​appostlu Pietru iktar tard: “Lil dan Ġesù Alla rxoxtah.” (Atti 2:32) Alla għamel lil Ġesù ħaj u tah ġisem bħal dak li Ġesù kellu qabel ġie fuq l-​art. Hu ġie rxoxtat b’ġisem spirtu bħal taʼ l-​anġli. (1 Pietru 3:18) Allura biex in-​nies jaraw lil Ġesù, hu jrid jagħmel ġisem tal-​laħam għalih. Hekk jagħmel?— Ejja naraw.

Issa x-​xemx tielgħa. Is-​suldati telqu. Marija l-​Maddalena u xi dixxipli nisa oħrajn taʼ Ġesù sejrin ħdejn il-​qabar. Qed jgħidu lil xulxin: ‘Min se jgerbilna dik il-​ġebla tqila?’ (Marku 16:3) Imma meta jaslu ħdejn il-​qabar, il-​ġebla tkun diġà mgerba. U l-​qabar vojt! Il-​ġisem tal-​laħam li kellu Ġesù meta miet sparixxa! Mill-​ewwel, Marija l-​Maddalena tmur tiġri biex issib lil xi appostli taʼ Ġesù.

In-nisa l-​oħra jibqgħu ħdejn il-​qabar. Huma jaħsbu: ‘Fejn setaʼ mar il-​ġisem taʼ Ġesù?’ F’salt wieħed jidhru żewġt irġiel bi lbies jiddi. Huma anġli! Dawn jgħidu lin-​nisa: ‘Għala qed tfittxu lil Ġesù hawn? Hu ġie mqajjem. Morru malajr għidu lid-​dixxipli tiegħu.’ Tistaʼ timmaġina kemm ġrew dawn in-​nisa! Huma u sejrin jiltaqaʼ magħhom wieħed raġel. Taf min hu?—

Huwa Ġesù, li ħa ġisem tal-​laħam għalih! Hu wkoll jgħid lin-​nisa: ‘Morru u għidu lid-​dixxipli tiegħi.’ In-​nisa eċċitati ħafna. Dawn isibu lid-​dixxipli u jgħidulhom: ‘Ġesù ħaj! Rajnieh!’ Marija diġà qalet lil Pietru u Ġwanni dwar il-​qabar vojt. Issa dawn imorru jarawh, bħalma tistaʼ tara hawn. Iħarsu lejn id-​drapp taʼ l-​għażel li kien imgeżwer fih Ġesù, imma lanqas huma ċerti x’jaqbdu jaħsbu. Jixtiequ jemmnu li Ġesù reġaʼ qam, imma tidher ħaġa wisq sabiħa biex tkun vera.

Pietru u Ġwanni jħarsu lejn id-drapp tal-għażel li l-ġisem taʼ Ġesù kien imgeżwer fih

X’jistaʼ jkun li qed jaħsbu Pietru u Ġwanni?

Iktar tard dak il-​Ħadd, Ġesù jidher lil tnejn mid-​dixxipli tiegħu li mexjin fit-​triq lejn ir-​raħal t’Għemmaws. Ġesù jimxi u jitkellem magħhom, imma huma ma jagħrfuhx għax m’għandux l-​istess ġisem tal-​laħam li kellu qabel. Jagħrfuh biss meta Ġesù jiekol magħhom u jgħid talba. Id-​dixxipli tant huma ferħanin li jmorru jiġru lura lejn Ġerusalemm li tinsab ħafna kilometri ’l bogħod! Forsi jkun ftit wara dan li Ġesù jidher lil Pietru biex jurih li Hu ħaj.

Imbagħad iktar tard il-​Ħadd fil-​għaxija stess, ħafna mid-​dixxipli jinsabu flimkien ġo kamra. Il-​bibien imsakkrin. F’daqqa waħda, Ġesù jidher fil-​kamra magħhom! Issa huma jafu li l-​Għalliem il-​Kbir veru reġaʼ qam. Immaġina kemm huma ferħanin!—Mattew 28:​1-15; Luqa 24:​1-49; Ġwanni 19:38–​20:21.

Ġesù jagħmel 40 jum jidher b’iġsma differenti tal-​laħam biex juri lid-​dixxipli tiegħu li huwa ħaj. Imbagħad jitlaq minn fuq l-​art u jmur lura għand Missieru fis-​sema. (Atti 1:​9-11) Id-​dixxipli ma jdumux ma jibdew jgħidu lil kulħadd li Alla qajjem lil Ġesù mill-​mewt. Anki meta l-​qassisin isawtuhom u joqtlu lil xi wħud minnhom, huma jkomplu jippridkaw. Huma jafu li jekk imutu, Alla se jiftakar fihom bħalma ftakar f’Ibnu.

Fenek tal-Għid u bajd tal-Għid

Fiż-​żmien tas-​sena meta Ġesù ġie rxoxtat, ħafna nies fuqiex jaħsbu? Imma int fuqiex taħseb?

Kemm kienu differenti dakinhar id-​dixxipli taʼ Ġesù minn ħafna nies illum! Ħafna minnhom jaħsbu biss fil-​fniek u l-​bajd kulurit taʼ l-​Għid fiż-​żmien tas-​sena meta Ġesù ġie rxoxtat. Imma l-​Bibbja ma tgħid xejn dwar il-​fniek u l-​bajd taʼ l-​Għid. Din titkellem dwar li naqdu lil Alla.

Nistgħu nkunu bħad-​dixxipli taʼ Ġesù billi ngħidu lin-​nies li Alla għamel xi ħaġa sabiħa ferm meta rxoxta lil Ibnu. Qatt m’għandna għalfejn nibżgħu, anki jekk in-​nies jgħidu li se joqtluna. Jekk immutu, Ġeħova se jiftakar fina u jirxoxtana, bħalma għamel lil Ġesù.

M’aħniex ferħanin li nafu li Alla jiftakar lil dawk li jaqduh u li anki se jirxoxtahom mill-​mewt?— Meta nsiru nafu dawn l-​affarijiet, suppost se jkollna x-​xewqa li nsiru nafu kif inferrħu lil Alla. Taf li veru nistgħu nferrħuh?— Issa ejja nitkellmu dwar dan.

Jekk nemmnu fl-​irxoxt taʼ Ġesù, it-​tama u l-​fidi tagħna se jsiru sodi. Jekk jogħġbok aqra Atti 2:​22-36; 4:​18-20; u l-​1 Korintin 15:​3-8, 20-23.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja