KAPITLU 42
Għala Għandna Bżonn Naħdmu
X’TIEĦU pjaċir tagħmel l-iktar, taħdem jew tilgħab?— Fil-fatt, m’hemm xejn ħażin li tilgħab. Il-Bibbja titkellem dwar Ġerusalemm bħala ‘mimlija bi tfal subien u bniet jilagħbu fil-pjazez tagħha.’—Żakkarija 8:5.
L-Għalliem il-Kbir kien jieħu pjaċir jara t-tfal jilagħbu. Qabel ġie fuq l-art, hu qal: ‘Jien kont ħdejn Alla bħala ħaddiem tas-sengħa, hieni quddiemu l-ħin kollu.’ Innota li Ġesù kien ħaddiem maʼ Ġeħova fis-sema. U meta kien hemm, hu qal: “L-affarijiet li kont nitgħaxxaq bihom kienu maʼ wlied il-bnedmin.” Iva, bħalma tgħallimna qabel, l-Għalliem il-Kbir kien jinteressah ħafna minn kulħadd, anki miż-żgħar.—Proverbji 8:30, 31, NW.
L-Għalliem il-Kbir biex kien jieħu pjaċir qabel ġie fuq l-art?
Taħseb li Ġesù kien jilgħab meta kien żgħir?— X’aktarx li kien. Imma jekk fis-sema kien “ħaddiem tas-sengħa”, meta kien fuq l-art kien jaħdem ukoll?— Ħeqq, lil Ġesù kienu jgħidulu “bin il-mastrudaxxa.” Imma kienu jgħidulu wkoll “il-mastrudaxxa.” Dan x’juri?— Ġużeppi, li rabba lil Ġesù bħala t-tifel tiegħu, żgur li għallmu. Allura Ġesù wkoll sar mastrudaxxa.—Mattew 13:55; Marku 6:3.
X’tip taʼ mastrudaxxa kien Ġesù?— Jekk kien ħaddiem tas-sengħa fis-sema, ma taħsibx li fuq l-art sar ħaddiem tas-sengħa wkoll?— Aħseb ftit kemm kien iebes dak iż-żmien ix-xogħol taʼ mastrudaxxa. Ġesù x’aktarx kellu joqgħod imur u jaqtaʼ xi siġra, iqattagħha biċċiet, iġorr l-injam id-dar, u mbagħad jifforma l-injam u jaħdmu fi mwejjed, bankijiet, u affarijiet oħra.
Taħseb li Ġesù kien jieħu gost jagħmel dan ix-xogħol?— Kont tieħu pjaċir kieku kont taf tagħmel imwejjed u siġġijiet u affarijiet oħra sbieħ biex jużawhom in-nies?— Il-Bibbja tgħid li huwa tajjeb li wieħed “igawdi xogħol idejh.” Ix-xogħol jagħtik ċertu gost li l-logħob ma jagħtikx.—Koħèlet 3:22.
Fil-fatt, ix-xogħol huwa tajjeb kemm għal moħħna u kemm għal ġisimna. Ħafna tfal kulma jagħmlu hu li joqogħdu bil-qiegħda jaraw it-televixin jew jilagħbu l-logħob tal-kompjuter. Dawn jeħxienu u ma jibqgħux f’saħħithom. La jkunu verament ferħanin u lanqas ma jferrħu lil ħaddieħor. X’għandna bżonn nagħmlu biex inkunu ferħanin?—
F’Kapitlu 17 taʼ dan il-ktieb tgħallimna li jekk nagħtu u nagħmlu affarijiet biex ngħinu lil oħrajn se nkunu ferħanin. (Atti 20:35) Il-Bibbja ssejjaħ lil Ġeħova “l-Alla l-hieni.” (1 Timotju 1:11) U, bħalma qrajna fi Proverbji, Ġesù kien “hieni quddiemu l-ħin kollu.” Ġesù għala kien ferħan?— Hu semma waħda mir-raġunijiet meta qal: “Missieri baqaʼ jaħdem s’issa, u jien nibqaʼ naħdem.”—Ġwanni 5:17.
Meta Ġesù kien fuq l-art, hu ma ħadimx bħala mastrudaxxa ħajtu kollha. Alla Ġeħova kellu xogħol speċjali għalih x’jagħmel fuq l-art. Taf x’kien?— Ġesù qal: “Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla . . . għax għal dan intbgħatt.” (Luqa 4:43) Xi drabi meta Ġesù kien jippriedka lin-nies, dawn kienu jemmnuh. Imbagħad kienu jgħidu lil oħrajn l-affarijiet li qalilhom, bħalma għamlet il-mara Samaritana li qed tara hawn.—Ġwanni 4:7-15, 27-30.
Liema żewġ tipi taʼ xogħol għamel Ġesù meta kien fuq l-art?
Kif taħseb li kien iħossu Ġesù dwar dan ix-xogħol? Taħseb li ried jagħmlu?— Ġesù qal: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda taʼ dak li bagħatni u li ntemm xogħlu.” (Ġwanni 4:34) Kemm tieħu pjaċir tiekol l-ikel favorit tiegħek?— Dan jistaʼ jgħinek tifhem ftit kemm Ġesù kien iħobb ix-xogħol li Alla tah jagħmel.
Alla ħalaqna b’tali mod li meta nitgħallmu naħdmu nistgħu nħossuna ferħanin. Hu jgħid li ta rigal lill-bniedem u r-rigal hu li l-bniedem jistaʼ “jifraħ b’xogħlu.” Allura meta titgħallem taħdem mindu tkun żgħir, il-ħajja tiegħek kollha se tkun iktar sabiħa.—Koħèlet 5:18 (5:19, NW).
Dan ma jfissirx li t-tfal iż-żgħar jistgħu jagħmlu x-xogħol tal-kbar, imma kollha kemm aħna nistgħu nagħmlu xi xogħol. Il-ġenituri tiegħek forsi jmorru jaħdmu kuljum biex jaqilgħu l-flus ħalli bħala familja jkollkom ikel x’tieklu u dar fejn tgħixu. U bħalma suppost taf, hemm ħafna xogħol li jrid isir fid-dar biex din tibqaʼ nadifa u jkun hemm kollox f’postu.
Liema xogħol tistaʼ tagħmel int għall-ġid tal-familja tiegħek kollha?— Tistaʼ tgħin biex tlesti l-mejda għall-ikel, taħsel il-platti, toħroġ iż-żibel barra, tnaddaf il-kamra tiegħek, u terfaʼ l-ġugarelli. Forsi diġà tagħmel xi affarijiet minn dawn. Dan ix-xogħol huwa taʼ ġid kbir għall-familja.
Għala hu importanti li terfaʼ l-ġugarelli wara li tilgħab bihom?
Ejja naraw kif dan ix-xogħol hu taʼ ġid. Il-ġugarelli suppost terfagħhom wara li tilgħab. Għala taħseb li hu importanti dan?— Tkun qed tgħin biex fid-dar ma jkunx hemm imbarazz fin-nofs, u tistaʼ tevita wkoll li jweġġaʼ xi ħadd. Jekk ma tiġborx il-ġugarelli tiegħek, xi darba tistaʼ tiġi ommok b’ħafna basktijiet u affarijiet u tirfes xi wieħed mill-ġugarelli. Imbagħad titfixkel, taqaʼ, u tweġġaʼ. Forsi jkollha tmur l-isptar ukoll. Ma tkunx xi ħaġa kerha ħafna din?— Mela meta terfaʼ l-ġugarelli wara li tilgħab, dan se jkun taʼ ġid għal kulħadd.
Hemm xogħol ieħor li jridu jagħmlu t-tfal. Per eżempju, ix-xogħol taʼ l-iskola. Fl-iskola titgħallem taqra. Xi tfal jieħdu pjaċir jaqraw, imma oħrajn jgħidu li hu diffiċli. Anki jekk ikun diffiċli għall-ewwel, meta titgħallem taqra tajjeb se tieħu pjaċir. U meta tkun taf taqra, tistaʼ titgħallem ħafna affarijiet interessanti. Tkun tistaʼ wkoll taqra waħdek il-ktieb t’Alla stess, il-Bibbja. Mela meta tagħmel ix-xogħol taʼ l-iskola sew, se jkun taʼ ħafna ġid, hux veru?—
Hemm xi nies li jipprovaw jiskansaw ix-xogħol. Forsi taf lil xi ħadd li jagħmel hekk. Imma jekk Alla ħalaqna biex naħdmu, għandna bżonn nitgħallmu kif nieħdu gost naħdmu. Kemm kien jieħu gost jagħmel ix-xogħol tiegħu l-Għalliem il-Kbir?— Kien daqslikieku qed jiekol l-ikel favorit tiegħu. U fuq liema xogħol kien qed jitkellem?— Li jgħid lil oħrajn dwar Alla Ġeħova u kif jistgħu jieħdu l-ħajja taʼ dejjem.
Mela xi ħaġa li tistaʼ tgħinna nieħdu gost naħdmu hi li nistaqsu lilna nfusna, ‘Dan ix-xogħol għala għandu bżonn isir?’ Meta tkun taf għala xi ħaġa hi importanti, iktar issibha faċli biex tagħmilha. U sew jekk ix-xogħol ikun kbir u sew jekk żgħir, agħmel biċċa xogħol tajba. Jekk tagħmel hekk, tkun tistaʼ tifraħ b’xogħol idejk, bħalma għamel l-Għalliem il-Kbir tagħna.
Il-Bibbja tistaʼ tgħin lil xi ħadd isir ħaddiem tajjeb. Aqra x’tgħid fi Proverbji 10:4; 22:29; Koħèlet 3:12, 13; u Kolossin 3:23.