LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • lv kap. 7 pp. 74-85
  • Tqis il-Ħajja taʼ Valur Bħalma Jqisha Alla?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tqis il-Ħajja taʼ Valur Bħalma Jqisha Alla?
  • “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IL-​ĦAJJA U D-​DEMM HUMA SAGRI
  • L-​UŻU MEDIKU TAD-​DEMM
  • IL-​LIĠIJIET TAʼ ĠEĦOVA JURU L-​IMĦABBA TIEGĦU BĦALA MISSIER
  • EVITA ĦSIBIJIET LI JAGĦMLU L-​ĦSARA!
  • ŻOMM ’IL BOGĦOD MINN ORGANIZZAZZJONIJIET ĦATJIN TAD-​DEMM
  • URI LI TQIS IL-​ĦAJJA TAʼ VALUR BILLI TIPPRIEDKA L-​MESSAĠĠ TAS-​SALTNA
  • Tapprezza l-ħajja daqskemm japprezzaha Alla?
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Qis il-​Ħajja bil-​Mod Kif Iqisha Alla
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Qis b’Mod Xieraq il-Valur tar-Rigal tal-Ħajja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Irrispetta l-għotja tal-ħajja
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
Ara Iżjed
“Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
lv kap. 7 pp. 74-85

Kapitlu 7

Tqis il-​Ħajja taʼ Valur Bħalma Jqisha Alla?

“Għandek hemm is-​sors tal-​ħajja.” —SALM 36:9.

1, 2. Liema għotja mingħand Alla hija taʼ valur speċjalment illum, u għala?

MISSIERNA tas-​sema tana xi ħaġa imprezzabbli—l-​għotja tal-​ħajja bħala bnedmin intelliġenti li huma kapaċi jimitaw il-​kwalitajiet tiegħu. (Ġenesi 1:27) Grazzi għal din l-​għotja prezzjuża, aħna nistgħu nirraġunaw fuq prinċipji Bibliċi. Billi napplikawhom, aħna nistgħu nikbru u nsiru nies maturi spiritwalment li jħobbu lil Ġeħova u li “għandhom is-​sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.”—Ebrej 5:14.

2 L-​abbiltà li nirraġunaw fuq prinċipji Bibliċi hija importanti speċjalment illum, għax id-​dinja tant saret komplikata li huwa impossibbli li jkollna liġi għal kull sitwazzjoni li għandna mnejn niffaċċjaw fil-​ħajja. Ix-​xjenza medika turi dan il-​punt b’mod ċar, speċjalment rigward prodotti u proċeduri li jinvolvu d-​demm. Din hija kwistjoni importanti għal dawk kollha li jridu jobdu lil Ġeħova. Xorta waħda, jekk nifhmu l-​prinċipji Bibliċi rilevanti, għandna nkunu kapaċi nieħdu deċiżjonijiet għaqlin li jissodisfaw il-​kuxjenza tagħna kif ukoll iżommuna fl-​imħabba t’Alla. (Proverbji 2:6-11) Ikkunsidra ftit minn dawn il-​prinċipji.

IL-​ĦAJJA U D-​DEMM HUMA SAGRI

3, 4. Is-​santità tad-​demm meta ssemmiet l-​ewwel darba fl-​Iskrittura, u fuq liema prinċipju hija bbażata?

3 L-​ewwel darba li Ġeħova għarrfilna l-​konnessjoni essenzjali bejn il-​ħajja u d-​demm, kif ukoll is-​santità, jew il-​qdusija tagħhom, kien ftit wara li Kajjin qatel lil Abel. Alla qal lil Kajjin: “Ismaʼ! Demm ħuk qed jgħajjatli mill-​art.” (Ġenesi 4:10) F’għajnejn Ġeħova, id-​demm t’Abel kien jirrappreżenta lil ħajtu, li kienet intemmet ħesrem b’mod vjolenti. Għalhekk, f’ċertu sens, id-​demm t’Abel għajjat lil Alla għal vendetta.—Ebrej 12:24.

4 Wara d-​Dilluvju taʼ żmien Noè, Alla ta l-​permess lill-​bnedmin biex jieklu l-​laħam taʼ l-​annimali imma mhux id-​demm. Alla stqarr: “Huwa biss il-​laħam b’ruħu—demmu—li ma tistgħux tieklu. U, minbarra dan, jekk demmkom jixxerred se nitlob kont tiegħu.” (Ġenesi 9:4, 5) Dan il-​kmand japplika għad-​dixxendenti kollha taʼ Noè sa llum il-​ġurnata. Jerġaʼ jsaħħaħ dak li Alla ried ifisser meta qabel qal lil Kajjin li r-​ruħ, jew il-​ħajja, tal-​ħlejjaq kollha hi rappreżentata mid-​demm. Dan id-​digriet juri wkoll li Ġeħova, is-​Sors tal-​ħajja, se jitlob kont mill-​bnedmin kollha li ma jurux rispett għall-​ħajja u d-​demm.—Salm 36:9.

5, 6. Il-​Liġi Mosajka kif uriet li d-​demm hu sagru u prezzjuż? (Ara wkoll il-​kaxxa f’paġna 78.)

5 Dawn iż-​żewġ veritajiet fundamentali kienu evidenti fil-​Liġi Mosajka. Levitiku 17:10, 11 jgħid: “Kull raġel . . . li jiekol kwalunkwe tip taʼ demm, jien żgur li se ndawwar wiċċi kontra r-​ruħ li tkun qed tiekol id-​demm, u tabilħaqq li se naqtagħha minn fost il-​poplu tagħha. Għax ir-​ruħ tal-​laħam hi fid-​demm, u jien stess poġġejtu fuq l-​artal għalikom biex nagħmel tpattija għal ruħkom, għaliex huwa d-​demm, bir-​ruħ fih, li jagħmel tpattija.”a—Ara l-​kaxxa “Il-​Qawwa li Tpatti tad-​Demm,” f’paġna 76.

6 Jekk id-​demm t’annimal maqtul ma kienx jintuża fuq l-​artal, kellu jitferraʼ fl-​art. B’hekk, b’mod simboliku, il-​ħajja terġaʼ lura lejn is-​Sid oriġinali tagħha. (Dewteronomju 12:16; Eżekjel 18:4) Però, innota li l-​Israelin ma kellhomx isegwu proċeduri stretti żżejjed biex jipprovaw ineħħu kull traċċa taʼ demm mit-​tessuti taʼ l-​annimal. Dment li l-​annimal kien maqtul u skarnat kif suppost, wieħed Israeli setaʼ jieklu b’kuxjenza nadifa, għaliex ikun ngħata rispett xieraq lid-​Donatur tal-​ħajja.

7. David kif wera rispett għas-​santità tad-​demm?

7 David, ‘raġel għal qalb’ Alla, fehem il-​prinċipji wara l-​liġi t’Alla dwar id-​demm. (Atti 13:22) Darba minnhom meta kellu ħafna għatx, tlieta mill-​irġiel tiegħu daħlu f’kamp taʼ l-​għadu, ħadu l-​ilma minn ġiebja, u ħaduhulu. Kif irreaġixxa David? Hu staqsa: “Se nixrob jien id-​demm taʼ l-​irġiel li marru jissograw ħajjithom?” Mill-​ħarsa taʼ David, l-​ilma kien, f’ċertu sens, id-​demm li sostna l-​ħajja taʼ l-​irġiel tiegħu. Għalhekk, minkejja l-​għatx li kellu, hu “sawbu quddiem Ġeħova.”—2 Samwel 23:15-17.

8, 9. Il-​ħarsa t’Alla lejn il-​ħajja u d-​demm inbidlet meta ġiet stabbilita l-​kongregazzjoni Kristjana? Spjega.

8 Xi 2,400 sena wara li Noè ngħata d-​digriet dwar id-​demm u madwar 1,500 sena wara li sar il-​patt tal-​Liġi, Ġeħova nebbaħ lill-​ġemgħa li tiggverna tal-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu biex tikteb: “L-​ispirtu qaddis u aħna nfusna qbilna li ma nżidulkom ebda piż ieħor, ħlief dawn l-​affarijiet neċessarji, li tibqgħu titbiegħdu mill-​affarijiet sagrifikati lill-​idoli u mid-​demm u mil-​laħam t’annimali fgati u miż-​żína.”—Atti 15:28, 29.

9 Jidher ċar li l-​ġemgħa li tiggverna tal-​bidu fehmet li d-​demm huwa sagru u li l-​użu ħażin tiegħu kien ħażin moralment daqs l-​idolatrija jew iż-​żína. Kristjani veri llum jaċċettaw din il-​waqfa. Iżjed minn hekk, minħabba li jaħsbu dwar prinċipji Bibliċi u japplikawhom, huma jistgħu jogħġbu lil Ġeħova meta jieħdu deċiżjonijiet dwar l-​użu tad-​demm.

L-​UŻU MEDIKU TAD-​DEMM

10, 11. (a) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kif iqisu t-​trasfużjoni taʼ demm sħiħ u l-​komponenti primarji tad-​demm? (b) F’liema aspetti rigward id-​demm jistgħu l-​Kristjani jkollhom opinjonijiet differenti?

10 Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jirrikonoxxu li biex ‘jitbiegħdu mid-​demm’ ifisser li la jaċċettaw trasfużjonijiet tad-​demm u lanqas ma jagħtu jew jaħżnu demmhom stess għal trasfużjoni. Minħabba li jirrispettaw il-​liġi t’Alla, ma jaċċettawx ukoll l-​erbaʼ komponenti primarji tad-​demm: iċ-​ċelluli ħomor, iċ-​ċelluli bojod, il-​platelets, u l-​plasma.

11 Illum, permezz taʼ iktar ipproċessar, dawn il-​komponenti spiss jinqasmu fi frazzjonijiet li jintużaw b’diversi modi. Jistaʼ Kristjan jaċċetta dawn il-​frazzjonijiet? Iqishom bħala “demm”? Kulħadd għandu jiddeċiedi għalih innifsu f’din il-​kwistjoni. L-​istess japplika għal proċeduri mediċi bħall-​hemodialysis, il-​hemodilution, u s-​cell salvage li jinvolvu l-​użu tad-​demm taʼ dak li jkun, dment li ma jkunx ġie maħżun.—Ara l-​Appendiċi, paġni 215-18.

12. Kif għandna nqisu u nittrattaw kwistjonijiet tal-​kuxjenza?

12 Huma l-​kwistjonijiet taʼ deċiżjoni persunali taʼ ftit importanza għal Ġeħova? Le, għax hu interessat ħafna fil-​ħsibijiet u l-​motivazzjonijiet tagħna. (Proverbji 17:3; 21:2; 24:12) Għalhekk, wara li bit-​talb nagħmlu riċerka dwar prodott jew proċedura medika, għandna nagħtu kas il-​kuxjenza tagħna mħarrġa fuq il-​Bibbja. (Rumani 14:2, 22, 23) M’għandniex xi ngħidu, oħrajn m’għandhomx jimponu l-​kuxjenza tagħhom fuqna, lanqas m’għandna nistaqsu, “X’kont tagħmel kieku kont fis-​sitwazzjoni tiegħi?” Fi kwistjonijiet bħal dawn, kull Kristjan għandu “jġorr it-​tagħbija tiegħu.”b—Galatin 6:5; Rumani 14:12; ara l-​kaxxa “Inqisu Bħala Sagru d-​Demm?” f’paġna 81.

IL-​LIĠIJIET TAʼ ĠEĦOVA JURU L-​IMĦABBA TIEGĦU BĦALA MISSIER

13. Il-​liġijiet u l-​prinċipji taʼ Ġeħova x’juru dwaru? Agħti eżempju.

13 Il-​liġijiet u l-​prinċipji misjubin fil-​Bibbja juru li Ġeħova hu Leġislatur għaref u Missier kollu mħabba li jinteressah profondament mill-​ġid taʼ wliedu. (Salm 19:7-11) Għalkemm il-​kmand biex ‘nitbiegħdu mid-​demm’ ma ngħatax bħala regola għas-​saħħa, hu jipproteġina mill-​komplikazzjonijiet relatati mat-​trasfużjonijiet tad-​demm. (Atti 15:20) Fil-​fatt, ħafna fil-​qasam mediku jikkunsidraw il-​kirurġija mingħajr demm bħala l-​aqwa livell fil-​kura medika taʼ llum. Għall-​Kristjani veri, dawn l-​iżviluppi sempliċement jikkonfermaw l-​għerf bla qjies u l-​imħabba bħal dik taʼ missier li għandu Ġeħova.—Isaija 55:9; Ġwanni 14:21, 23.

14, 15. (a) F’liema liġijiet intweriet l-​imħabba t’Alla għal niesu? (b) Kif tistaʼ tapplika l-​prinċipji wara dawn ir-​regoli għas-​sigurtà?

14 L-​interess t’Alla fil-​benesseri taʼ niesu f’Israel tal-​qedem deher f’ħafna mil-​liġijiet tiegħu. Per eżempju, hu qal lill-​Israelin biex fi djarhom jagħmlu ċint madwar il-​bejt biex ma jkunx hemm aċċidenti, ladarba l-​bjut kienu jintużaw għal ħafna attivitajiet. (Dewteronomju 22:8; 1 Samwel 9:25, 26; Neħemija 8:16; Atti 10:9) Alla kkmanda wkoll li barrin perikolużi għandhom ikunu mgħassin. (Eżodu 21:28, 29) Jekk jinjoraw dawn il-​ħtiġijiet kienu jkunu qed juru nuqqas taʼ rispett kbir għall-​benesseri t’oħrajn u setaʼ jirriżulta fi ħtija tad-​demm.

15 Kif tistaʼ tapplika l-​prinċipji wara dawn il-​liġijiet? Għala ma taħsibx f’liema kundizzjoni tinsab il-​vettura tiegħek, fil-​mod kif issuq, fl-​annimali tiegħek, fid-​dar tiegħek, fil-​post fejn taħdem, u fl-​għażla tiegħek tad-​divertiment? F’xi pajjiżi, l-​aċċidenti huma l-​iktar kaġun taʼ mwiet fost iż-​żgħażagħ, spiss minħabba li jieħdu riskji bla bżonn. Madankollu, żgħażagħ li jridu jibqgħu fl-​imħabba t’Alla jqisu l-​ħajja taʼ valur u ma jfittxux eċċitament f’attivitajiet perikolużi. M’humiex daqshekk boloh biex jemmnu li fiż-​żgħożija ma jistaʼ jiġrilek xejn taʼ ħsara. Minflok, huma jgawdu żgħożithom billi jwarrbu minn xi periklu bla bżonn.—Ekkleżjasti 11:9, 10.

16. Liema prinċipju Bibliku japplika għall-​abort? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

16 Anki l-​ħajja taʼ dawk li għadhom ma twildux hija prezzjuża f’għajnejn Alla. F’Israel tal-​qedem, jekk xi ħadd ikun weġġaʼ lil xi mara tqila u minħabba f’hekk hi jew it-​tarbija tagħha tmut, Alla kien jikkunsidra l-​ħati bħala qattiel, u dan ikollu jħallas “ruħ b’ruħ.”c (Eżodu 21:22, 23) Għalhekk, immaġina kif Ġeħova jħossu meta jara numru bla għadd t’aborti li jsiru apposta fuq it-​trabi kull sena. Ħafna jinqatlu għall-​konvenjenza persunali u minħabba morali laxki.

17. Kif tistaʼ tfarraġ lil persuna li għamlet abort qabel ma saret taf bil-​livelli t’Alla?

17 Però, xi ngħidu dwar mara li għamlet abort qabel ma kisbet l-​għarfien tal-​verità Biblika? Ifisser li Ġeħova mhux se juriha ħniena? Lanqas xejn! Fil-​fatt, persuna niedma sinċerament tistaʼ tkun ċerta mill-​maħfra taʼ Ġeħova bbażata fuq id-​demm imxerred taʼ Ġesù. (Salm 103:8-14; Efesin 1:7) Tabilħaqq, Kristu nnifsu qal: “Ma ġejtx insejjaħ lin-​nies sewwa imma lill-​midinbin għall-​indiema.”—Luqa 5:32.

EVITA ĦSIBIJIET LI JAGĦMLU L-​ĦSARA!

18. Il-​Bibbja kif tidentifika l-​kaġun prinċipali taʼ ħafna tixrid taʼ demm?

18 Iktar milli sempliċement ma nweġġgħux lil oħrajn, Ġeħova jridna nqaċċtu ’l barra minn qalbna l-​kaġun taʼ ħafna tixrid taʼ demm—il-​mibegħda. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Kulmin jobgħod lil ħuh hu qattiel.” (1 Ġwanni 3:15) Individwu bħal dan mhux biss ma jħobbx lil ħuh imma jixtiequ mejjet. Il-​mibegħda tiegħu tistaʼ tidher fil-​forma taʼ malafama malizzjuża jew akkużi foloz li, kieku kienu minnhom, kienu jirrikjedu ġudizzju divin. (Levitiku 19:16; Dewteronomju 19:18-21; Mattew 5:22) Għalhekk, kemm huwa importanti li nistinkaw biex inneħħu minn qalbna kwalunkwe malizzja li jistaʼ jkun hemm!—Ġakbu 1:14, 15; 4:1-3.

19. Individwu gwidat minn prinċipji Bibliċi kif iqis skritturi bħal Salm 11:5 u Filippin 4:8, 9?

19 Dawk li jqisu l-​ħajja taʼ valur bħalma jqisha Ġeħova u li jridu jżommu lilhom infushom fi mħabbtu jevitaw ukoll il-​vjolenza fil-​forom kollha tagħha. Salm 11:5 jgħid: “Kulmin iħobb il-​vjolenza [ruħ Ġeħova] tobogħdu.” Dan il-​vers hu iktar minn stqarrija dwar il-​personalità t’Alla; huwa prinċipju li jeffettwa l-​mod kif ngħixu ħajjitna. Iħeġġeġ lil dawk li jħobbu lil Alla biex jevitaw kwalunkwe tip taʼ divertiment li jistaʼ jqanqal xewqa għall-​vjolenza. Bl-​istess mod, l-​istqarrija li Ġeħova hu “l-​Alla tal-​paċi” tqanqal lill-​qaddejja tiegħu biex jimlew moħħhom u qalbhom b’affarijiet taʼ mħabba, taʼ virtù, u taʼ tifħir, li jġibu l-​paċi.—Filippin 4:8, 9.

ŻOMM ’IL BOGĦOD MINN ORGANIZZAZZJONIJIET ĦATJIN TAD-​DEMM

20-22. Liema waqfa jieħdu l-​Kristjani rigward id-​dinja, u għala?

20 F’għajnejn Alla, id-​dinja kollha taʼ Satana hija ħatja tad-​demm. Is-​sistemi politiċi tagħha, deskritti fl-​Iskrittura bħala bhejjem salvaġġi, qatlu miljuni bla għadd, inkluż ħafna mill-​qaddejja taʼ Ġeħova. (Danjel 8:3, 4, 20-22; Rivelazzjoni 13:1, 2, 7, 8) Id f’id maʼ dawn il-​qawwiet bħal bhejjem, in-​negozju u x-​xjenza ħadmu biex joħolqu wħud mill-​iktar armi mostrużi li tistaʼ timmaġina, filwaqt li jaqilgħu ħafna flus. Kemm hu minnu li “d-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin”!—1 Ġwanni 5:19.

21 Minħabba li s-​segwaċi taʼ Ġesù “m’humiex parti mid-​dinja” imma jibqgħu newtrali fil-​politika u l-​gwerer tagħha, huma jevitaw li jkunu ħatjin tad-​demm kemm b’mod persunali u kemm bħala grupp.d (Ġwanni 15:19; 17:16) U billi jimitaw lil Kristu, ma jwiġbux bil-​vjolenza meta oħrajn jippersegwitawhom. Minflok, juru mħabba għall-​għedewwa tagħhom, saħansitra jitolbu għalihom.—Mattew 5:44; Rumani 12:17-21.

22 Fuq kollox, il-​Kristjani veri jevitaw li jinvolvu ruħhom maʼ “Babilonja l-​Kbira,” l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza u l-​iktar waħda ħatja tad-​demm. Il-​Kelma t’Alla tgħid: “Fiha nstab id-​demm tal-​profeti u tal-​qaddisin u taʼ dawk kollha li nqatlu fuq l-​art.” B’hekk, aħna mwissijin: “Oħorġu minnha, poplu tiegħi.”—Rivelazzjoni 17:6; 18:2, 4, 24.

23. Xi jfisser li noħorġu minn Babilonja l-​Kbira?

23 Sabiex wieħed jitlaq minn Babilonja l-​Kbira jinvolvi iktar milli jneħħi ismu mil-​lista tal-​membri. Jinkludi wkoll li jobgħod il-​prattiki mill-​agħar li r-​reliġjon falza taċċetta jew tippromwovi bla ħabi—affarijiet bħall-​immoralità, l-​indħil f’affarijiet politiċi, u t-​tfittxija rgħiba għall-​flus. (Salm 97:10; Rivelazzjoni 18:7, 9, 11-17) Kemm-il darba wasslu għal tixrid taʼ demm dawn l-​attivitajiet!

24, 25. Fuq liema bażi jistaʼ Alla juri ħniena lil xi ħadd niedem u li kien ħati tad-​demm, u dan kif kien iffigurat bil-​quddiem fi żminijiet Bibliċi?

24 Qabel ma ngħaqadna mal-​qima vera, ilkoll kemm aħna, b’xi mod jew ieħor, appoġġajna s-​sistema taʼ Satana, u b’hekk ġarrabna xi ammont taʼ ħtija tad-​demm. Madankollu, minħabba li bdilna t-​triqat tagħna, ikkultivajna fidi fis-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Kristu, u ddedikajna ħajjitna lil Alla, aħna ksibna l-​ħniena t’Alla u l-​protezzjoni spiritwali. (Atti 3:19) Din il-​protezzjoni kienet iffigurata bil-​quddiem fi żminijiet Bibliċi mill-​bliet tar-​refuġju.—Numri 35:11-15; Dewteronomju 21:1-9.

25 Dan l-​arranġament kif ħadem? Jekk Israeli bi żball ikun qatel lil xi ħadd, kien ikollu jaħrab lejn waħda mill-​bliet tar-​refuġju. Wara li mħallfin kwalifikati jkunu ħadu deċiżjoni fuq il-​kwistjoni, dak li jkun qatel bi żball kien ikollu jgħammar fil-​belt tar-​refuġju sakemm imut il-​qassis il-​kbir. Imbagħad kien ikun ħieles biex jgħix fejn irid. X’eżempju mill-​isbaħ tal-​ħniena t’Alla u tal-​valur kbir li bih iqis il-​ħajja umana! Illum, xi ħaġa li tikkorrispondi maʼ dawn il-​bliet tar-​refuġju hija l-​provvediment t’Alla, ibbażat fuq is-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Kristu, biex jipproteġina mill-​mewt talli bi żball inkunu ksirna l-​kmandament t’Alla dwar is-​santità tal-​ħajja u d-​demm. Tqis dan il-​provvediment taʼ valur? Kif tistaʼ turi li tqisu hekk? Mod wieħed hu billi tistieden lil oħrajn biex jingħaqdu miegħek fil-​belt tar-​refuġju antitipika, speċjalment meta nqisu li t-​“tribulazzjoni l-​kbira” riesqa b’ħeffa.—Mattew 24:21; 2 Korintin 6:1, 2.

URI LI TQIS IL-​ĦAJJA TAʼ VALUR BILLI TIPPRIEDKA L-​MESSAĠĠ TAS-​SALTNA

26-28. Is-​sitwazzjoni tagħna llum kif inhi simili għal dik tal-​profeta Eżekjel, u kif nistgħu nżommu ruħna fl-​imħabba t’Alla?

26 Is-​sitwazzjoni tal-​poplu t’Alla llum tfakkarna f’dik tal-​profeta tal-​qedem Eżekjel, li Ġeħova inkarigah biex jaqdi bħala għassies spiritwali għad-​dar taʼ Israel. Alla qal: “Se tismaʼ l-​kelma minn fommi u twissihom għalija.” Kieku Eżekjel ittraskura l-​inkarigu tiegħu, kien se jinżamm responsabbli personalment għad-​demm taʼ dawk maqtulin meta Ġerusalemm intalbet tagħti kont. (Eżekjel 33:7-9) Imma Eżekjel kien ubbidjenti u ma ġibed ebda ħtija tad-​demm fuqu.

27 Illum, aħna niffaċċjaw it-​tmiem tad-​dinja taʼ Satana kollha kemm hi. B’hekk, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jqisuh bħala obbligu u privileġġ li jipproklamaw “jum il-​vendetta” t’Alla fi qbil mal-​messaġġ tas-​Saltna. (Isaija 61:2; Mattew 24:14) Qed ikollok sehem sħiħ f’dan ix-​xogħol vitali? L-​appostlu Pawlu ħa bis-​serjetà l-​inkarigu taʼ ppridkar tiegħu. Minħabba f’hekk, setaʼ jgħid: “Jien nadif mid-​demm tal-​bnedmin kollha, għax ma żammejtx lura milli ngħidilkom l-​iskop kollu t’Alla.” (Atti 20:26, 27) X’eżempju mill-​aħjar għalina biex nimitawh!

28 M’għandniex xi ngħidu, sabiex inżommu ruħna fit-​tenerezza taʼ l-​imħabba bħal dik taʼ missier li għandu Ġeħova, irridu nagħmlu iktar milli nqisu l-​ħajja u d-​demm bħalma jqishom Ġeħova. Irridu wkoll nibqgħu nodfa, jew qaddisin, f’għajnejh, kif se naraw fil-​kapitlu li jmiss.

[Noti taʼ taħt]

a Rigward l-​istqarrija t’Alla, “ir-​ruħ tal-​laħam hi fid-​demm,” il-​ġurnal Scientific American jgħid: “Għalkemm huwa minnu li d-​demm jistaʼ jitqies bħala metafora, jew simbolu, tal-​ħajja, l-​istqarrija letteralment hija minnha: kull tip taʼ ċellula tad-​demm huwa bżonnjuż għall-​ħajja.”

b Ara l-​Awake! t’Awissu 2006, paġni 3-12, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

c Kittieba taʼ dizzjunarji fuq il-​Bibbja jgħidu li minħabba l-​mod kif inhu mpoġġi l-​kliem fit-​test Ebrajk, “milli jidher hu impossibbli li jirreferi għall-​ħsara li ssir lill-​mara biss.” Innota wkoll li l-​Bibbja ma tgħid xejn dwar l-​età taʼ l-​embriju jew il-​fetus bħala li kienet fattur fil-​ġudizzju taʼ Ġeħova.

d Ara Kapitlu 5, “Kif Nibqgħu Separati mid-​Dinja.”

[Kaxxa f’paġna 76]

IL-​QAWWA LI TPATTI TAD-​DEMM

Fil-​Kelma t’Alla, id-​demm hu kunsidrat bħala ekwivalenti għall-​ħajja. Għalhekk, minflok ma kien jiġi kundannat għaliex kiser xi kmandament taʼ Ġeħova, f’Israel tal-​qedem midneb li kien niedem setaʼ joffri annimal bħala sagrifiċċju fuq l-​artal t’Alla. (Levitiku 4:27-31) Dan is-​sagrifiċċju patta għad-​dnubiet tiegħu imma b’mod temporanju biss.

Bħalma tintuża fil-​Bibbja, il-​kelma “tpattija” tagħti l-​ħsieb taʼ “bdil” jew “għata,” per eżempju, bħalma għatu adattat jgħatti bl-​eżatt xi kontenitur. M’għandniex xi ngħidu, ebda annimal ma setaʼ “jgħatti” perfettament, jew ipatti għad-​dnubiet taʼ bniedem. Madankollu, is-​sagrifiċċji taʼ l-​annimali pprovdew dell tas-​sagrifiċċju perfett taʼ tpattija li kellu jiġi.—Ebrej 10:1, 4.

Din it-​tpattija ġiet provduta “permezz taʼ l-​offerta tal-​ġisem taʼ Ġesù Kristu li saret darba għal dejjem.” (Ebrej 10:10) Il-​ħajja umana perfetta taʼ Kristu, rappreżentata mid-​“demm prezzjuż, bħal dak taʼ ħaruf bla difett u bla tebgħa,” kienet ekwivalenti eżattament għall-​ħajja li tilef Adam. (1 Pietru 1:19) B’hekk, il-​ġustizzja ġiet sodisfata b’mod verament mill-​isbaħ u bi mħabba kbira u l-​“ħelsien taʼ dejjem” tagħna ntgħamel possibbli.—Ebrej 9:11, 12; Ġwanni 3:16; Rivelazzjoni 7:14.

[Kaxxa f’paġna 78]

IRRISPETTA L-​ĦAJJA TAʼ L-​ANNIMALI

Għalkemm Ġeħova jippermettilna noqtlu lill-​annimali għall-​ikel u l-​ilbies jew biex nipproteġu lilna nfusna mill-​ħsara, irridu nużaw din l-​awtorità b’mod bilanċjat u ħanin. (Ġenesi 3:21; 9:3) Ma rridux inkunu bħall-​kaċċatur krudil Nimrod, li milli jidher kien joqtol lill-​annimali sempliċement għall-​gost. (Ġenesi 10:9) Minflok, irridu nimitaw lil Ġeħova, li hu interessat fil-​benesseri taʼ l-​annimali kollha, saħansitra fl-​għasafar tal-​bejt żgħar.—Ġona 4:11; Mattew 10:29.

L-​interess t’Alla kien jidher fil-​Liġi Mosajka. (Eżodu 23:4, 5, 12; Dewteronomju 22:10; 25:4) Fi qbil maʼ din il-​Liġi, Proverbji 12:10 jgħid: “Il-​ġust jieħu ħsieb l-​annimal domestiku tiegħu, imma l-​ħniniet tan-​nies mill-​agħar huma krudili.” Dalwaqt in-​nies krudili u l-​għemejjel tagħhom se jkunu xi ħaġa tal-​passat.

[Kaxxa/​Stampa f’paġna 81]

INQISU BĦALA SAGRU D-​DEMM?

Prinċipju: ‘Tbiegħdu mid-​demm.’​—Atti 15:20.

Xi mistoqsijiet biex tistaqsi lilek innifsek

▪ Kif nispjega d-​differenza bejn l-​erbaʼ komponenti primarji tad-​demm u l-​frazzjonijiet tad-​demm?e

▪ Għala għandi nagħżel għalija nnifsi jekk naċċettax jew le frazzjonijiet tad-​demm jew ċerti proċeduri mediċi li jinvolvu l-​użu tad-​demm tiegħi stess? —Rumani 12:2; Galatin 6:5.

▪ Kif nispjega lit-​tabib tiegħi għala naċċetta jew nirrifjuta l-​użu tal-​frazzjonijiet tad-​demm?—Proverbji 13:16.

[Nota taʼ taħt]

e Ara l-​Appendiċi, paġni 215-16, għal informazzjoni dettaljata.

[Stampa f’paġna 83]

Kif nispjega lil xi tabib id-​deċiżjoni tiegħi rigward l-​użu tal-​frazzjonijiet tad-​demm?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja