Il-Ħarsa tal-Bibbja Lejn id-Divorzju u s-Separazzjoni
Ġeħova jistenna li dawk Ii huma miżżewġin jibqgħu leali lejn il-wegħda taż-żwieġ. Meta għaqqad lill-ewwel raġel u mara fiż-żwieġ, Ġeħova qal: “Raġel . . . irid jingħaqad maʼ martu u huma jsiru ġisem wieħed.” Iktar tard, Ġesù Kristu rripeta din l-istqarrija u żied: “Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Ġenesi 2:24; Mattew 19:3-6) B’hekk, Ġeħova u Ġesù jqisu ż-żwieġ bħala rabta dejjiema li tispiċċa biss meta s-sieħeb jew is-sieħba tmut. (1 Korintin 7:39) Ladarba ż-żwieġ huwa arranġament sagru, id-divorzju m’għandux jittieħed ħafif ħafif. Fil-fatt, Ġeħova jobgħod id-divorzji li m’għandhomx bażi Skritturali.—Malakija 2:15, 16.
X’inhi l-bażi Skritturali għad-divorzju? Ngħiduha kif inhi, Ġeħova jobgħod l-adulterju u ż-żína. (Ġenesi 39:9; 2 Samwel 11:26, 27; Salm 51:4) Tabilħaqq, tant jistmerr iż-żína li jippermettiha tkun il-bażi għad-divorzju. (Għal diskussjoni dwar x’tinvolvi ż-żína, ara Kapitlu 9, paragrafu 7, fejn tiġi spjegata ż-żína.) Ġeħova jħalli f’idejn is-sieħeb jew is-sieħba innoċenti biex tiddeċiedi jekk tibqax mal-wieħed ħati jew titlobx divorzju. (Mattew 19:9) Għalhekk, jekk sieħeb jew sieħba innoċenti tiddeċiedi li titlob divorzju ma tkunx qed tieħu pass li Ġeħova jobgħod. Fl-istess ħin, madankollu, il-kongregazzjoni Kristjana ma tinkuraġġixxi lil ħadd biex jiddivorzja. Fil-fatt, ċerti ċirkustanzi jistgħu jqanqlu lis-sieħeb jew lis-sieħba innoċenti tibqaʼ mal-ħati speċjalment jekk dan nidem ġenwinament. Iżda, fl-aħħar mill-aħħar, dawk li għandhom il-bażi Skritturali għal divorzju għandhom jieħdu d-deċiżjoni huma stess u jaċċettaw kwalunkwe konsegwenza li ġġib magħha.—Galatin 6:5.
F’ċerti sitwazzjonijiet estremi, xi Kristjani ddeċidew li jisseparaw minn mas-sieħeb jew is-sieħba tagħhom jew jiddivorzjawha anki jekk din ma tkunx wettqet iż-żína. F’każ bħal dan, il-Bibbja tgħid lill-persuna li titlaq biex “tibqaʼ ma tiżżewwiġx, inkella terġaʼ tirranġa maʼ żewġha.” (1 Korintin 7:11) Kristjan bħal dan m’hux ħieles li jfittex terza persuna bil-ħsieb li jerġaʼ jiżżewweġ. (Mattew 5:32) Issa kkunsidra ftit sitwazzjonijiet mhux tas-soltu li xi wħud qisuhom bħala bażi għal separazzjoni.
Nuqqas taʼ manteniment magħmul bi ħsieb. Familja tistaʼ tiftaqar u tkun nieqsa mill-affarijiet bażiċi u essenzjali tal-ħajja għaliex ir-raġel jonqos milli jipprovdi għaliha, għalkemm ikun kapaċi jagħmel dan. Il-Bibbja tgħid: “Jekk xi ħadd ma jipprovdix . . . għall-membri taʼ daru, ikun ċaħad il-fidi u jkun agħar minn bniedem mingħajr fidi.” (1 Timotju 5:8) Jekk bniedem bħal dan jirrifjuta li jbiddel ħajtu, martu jkollha tiddeċiedi jekk għandhiex bżonn tipproteġi l-benesseri tagħha u dak taʼ wliedha billi ġġib separazzjoni legali. M’għandniex xi ngħidu, l-anzjani Kristjani għandhom jagħtu konsiderazzjoni bil-ħsieb għal xi akkuża dwar Kristjan li jirrifjuta li jmantni lill-familja tiegħu. Wieħed li jirrifjuta li jieħu ħsieb familtu jistaʼ jiġi maqtugħ mis-sħubija.
Abbuż fiżiku estrem. Wieħed mill-imseħbin fiż-żwieġ li jkun abbużiv jistaʼ tant ikun vjolenti li s-saħħa tas-sieħeb jew tas-sieħba abbużata u saħansitra l-ħajja jkunu fil-periklu. Jekk l-imseħbin fiż-żwieġ bil-problemi jkunu Kristjani t-tnejn, l-anzjani tal-kongregazzjoni għandhom jinvestigaw jekk dan hux minnu jew le. L-għadab u l-prattika taʼ mġiba vjolenti huma raġunijiet ġusti għal qtugħ mis-sħubija.—Galatin 5:19-21.
Periklu assolut għall-ħajja spiritwali. Wieħed mill-imseħbin fiż-żwieġ jistaʼ kontinwament jipprova jagħmilha impossibbli għall-parti l-oħra li tkompli fil-qima vera jew anki jistaʼ jipprova jisforzaha biex b’xi mod tikser il-kmandi t’Alla. F’każ bħal dan, min ikun fil-periklu jkollu jiddeċiedi jekk l-uniku mod biex ‘jobdi lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-bnedmin’ ikunx biss billi jġib separazzjoni legali.—Atti 5:29.
Fil-każi kollha li jinvolvu sitwazzjonijiet estremi bħal dawn li għadna kif iddiskutejna, ħadd m’għandu jipprova jikkonvinċi lill-wieħed innoċenti biex jissepara jew biex jibqaʼ mas-sieħeb jew is-sieħba. Filwaqt li l-ħbieb maturi spiritwalment u l-anzjani jistgħu jkunu t’appoġġ u jagħtu pariri bbażati fuq il-Bibbja, huma ma jistgħux ikunu jafu d-dettalji kollha taʼ dak li jkun għaddej bejn raġel u mara miżżewġin. Ġeħova biss jistaʼ jkun jaf dan. Bla dubju, mara miżżewġa Kristjana ma tkunx qed tonora lil Alla jew l-arranġament taż-żwieġ jekk esaġerat is-serjetà tal-problemi f’darha sempliċement biex tgħix separatament minn żewġha, jew viċi versa. Ġeħova hu konxju taʼ kwalunkwe ppjanar għal separazzjoni, minkejja kif wieħed jistaʼ jipprova jaħbih. Tabilħaqq, “kollox hu għeri u mikxuf beraħ quddiem dak li rridu nagħtuh kont.” (Ebrej 4:13) Iżda jekk xi sitwazzjoni perikoluża b’mod estrem tippersisti, ħadd m’għandu jikkritika lil Kristjan li, meta jara li m’hemmx triq oħra, jagħżel li jissepara. Fl-aħħar mill-aħħar, “ilkoll se nidhru quddiem it-tron tal-ġudizzju t’Alla.”—Rumani 14:10-12.