LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bt kap. 15 pp. 117-123
  • “Isaħħaħ lill-Kongregazzjonijiet”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Isaħħaħ lill-Kongregazzjonijiet”
  • Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Ejja Nerġgħu Mmorru Nżuru lill-Aħwa” (Atti 15:36)
  • “Kellhom Xi Jgħidu Sew” (Atti 15:37-41)
  • “Kienu Jitkellmu Tajjeb Dwar Timotju” (Atti 16:1-3)
  • Huma “Komplew Jissaħħu fil-Fidi” (Atti 16:4, 5)
  • Marku ‘Utli Biex Jaqdi’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Timotju—‘Iben Tassew fil-Fidi’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Barnaba—“Bin il-Faraġ”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Mudell Ispirat taʼ Xogħol Missjunarju Kristjan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Ara Iżjed
Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
bt kap. 15 pp. 117-123

KAPITLU 15

“Isaħħaħ lill-Kongregazzjonijiet”

Il-ministri li jivvjaġġaw jgħinu lill-kongregazzjonijiet biex jissodaw fil-fidi

Ibbażat fuq Atti 15:36–16:5

1-3. (a) Min hu s-sieħeb ġdid taʼ Pawlu fil-vjaġġi tiegħu, u kif inhu deskritt? (b) X’se nitgħallmu f’dan il-kapitlu?

HEKK kif jivvjaġġaw fuq art imħarbta bejn il-bliet, l-appostlu Pawlu jikkunsidra x’hemm jistenna liż-żagħżugħ li miexi miegħu, li jismu Timotju. Mimli enerġija, Timotju x’aktarx li għandu madwar 20 sena. Kull pass li jagħmel f’dan il-vjaġġ ġdid ibiegħdu minn daru. Hekk kif jgħaddi l-jum, huma qed jitbiegħdu iktar mir-reġjun taʼ Listra u Ikonju. X’hemm jistenniehom? Pawlu għandu xi ħjiel, għax dan hu t-tieni vjaġġ missjunarju tiegħu. Jaf li se jkun hemm ħafna perikli u problemi. Iż-żagħżugħ se jkun kapaċi jissaporti l-problemi li se jiffaċċjaw?

2 Pawlu għandu fiduċja f’Timotju, forsi iktar milli dan iż-żagħżugħ umli għandu fih innifsu. Ġrajjiet reċenti kkonvinċew lil Pawlu iktar minn qatt qabel li għandu bżonn sieħeb xieraq biex jivvjaġġa miegħu. Pawlu jaf li x-xogħol li għandhom quddiemhom—li jżuru lill-kongregazzjonijiet u jsaħħuhom—se jirrikjedi determinazzjoni soda u ħsieb wieħed min-naħa tal-ministri li jivvjaġġaw. Pawlu għala għandu mnejn iħossu hekk? Raġuni waħda tistaʼ tkun li iktar qabel, nuqqas taʼ qbil ġab firda bejn Pawlu u Barnaba.

3 F’dan il-kapitlu se nitgħallmu ħafna dwar l-aħjar mod kif nittrattaw maʼ nuqqas taʼ qbil. Se nitgħallmu wkoll għala Pawlu għażel lil Timotju biex jivvjaġġa miegħu, u se niksbu għarfien dwar l-irwol vitali taʼ dawk li llum jaqdu bħala indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet.

“Ejja Nerġgħu Mmorru Nżuru lill-Aħwa” (Atti 15:36)

4. Pawlu x’kien bi ħsiebu jagħmel matul it-tieni vjaġġ missjunarju tiegħu?

4 Fil-kapitlu taʼ qabel rajna kif delegazzjoni t’erbaʼ aħwa rġiel—Pawlu, Barnaba, Ġuda, u Sila—inkuraġġiet lill-kongregazzjoni t’Antjokja bid-deċiżjoni tal-ġemgħa li tiggverna rigward iċ-ċirkonċiżjoni. Pawlu x’għamel wara? Hu avviċina lil Barnaba bi pjan ġdid taʼ vvjaġġar u qallu: “Ejja nerġgħu mmorru nżuru lill-aħwa fil-bliet kollha fejn ippritkajna dwar il-kelma taʼ Ġeħova ħa naraw kif inhuma.” (Atti 15:36) Pawlu ma kienx qed jissuġġerixxi sempliċi żjara soċjali lil dawn il-Kristjani li kienu għadhom kif ikkonvertew. Il-ktieb tal-​Atti jirrivela l-iskop kollu tat-tieni vjaġġ missjunarju taʼ Pawlu. L-ewwel, kien se jkompli jwassal id-digrieti li kienu ħarġu mill-ġemgħa li tiggverna. (Atti 16:4) It-tieni, bħala indokratur li jivvjaġġa, Pawlu kien determinat li jibni lill-kongregazzjonijiet spiritwalment, billi jgħinhom jissodaw fil-fidi. (Rum. 1:11, 12) L-organizzazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova taʼ żmienna, kif issegwi l-mudell stabbilit mill-appostli?

5. Il-Ġemgħa li Tiggverna taʼ żmienna kif tagħti direzzjoni u inkuraġġiment lill-kongregazzjonijiet?

5 Illum, Kristu juża lill-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova biex jidderieġi lill-kongregazzjoni tiegħu. Permezz taʼ ittri, letteratura stampata u online, laqgħat, u mezzi oħrajn taʼ komunikazzjoni, dawn l-irġiel leali midlukin jagħtu gwida u inkuraġġiment lill-kongregazzjonijiet kollha madwar id-dinja. Il-Ġemgħa li Tiggverna tistinka wkoll biex iżżomm kuntatt mill-qrib maʼ kull kongregazzjoni. Dan jagħmluh billi jużaw l-arranġament tal-indokraturi li jivvjaġġaw. Il-Ġemgħa li Tiggverna ħatret direttament eluf t’anzjani kwalifikati madwar id-dinja biex jaqdu bħala indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet.

6, 7. X’inhuma xi responsabbiltajiet tal-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet?

6 L-indokraturi li jivvjaġġaw taʼ żmienna jiffokaw fuq li jagħtu attenzjoni persunali u inkuraġġiment spiritwali lil kulħadd fil-kongregazzjonijiet li jżuru. Kif? Billi jsegwu l-mudell li ħallew il-Kristjani tal-ewwel seklu, bħal pereżempju Pawlu. Hu ħeġġeġ lill-indokratur sieħbu: “Ippriedka l-kelma u agħmel dan b’urġenza fi żmien favorevoli u fi żmien taʼ inkwiet, widdeb, ċanfar, ħeġġeġ, bil-paċenzja kollha u bl-arti tat-tagħlim. . . . Agħmel ix-xogħol taʼ evanġelizzatur.”—2 Tim. 4:2, 5.

7 Fi qbil maʼ dan il-kliem, l-indokratur li jżur l-kongregazzjonijiet—flimkien maʼ martu jekk ikun miżżewweġ—jingħaqad mal-pubblikaturi lokali f’diversi aspetti tal-ministeru tal-għalqa. Predikaturi li jivvjaġġaw bħal dawn huma żelużi għall-ministeru u għalliema tas-sengħa—kwalitajiet li jħallu effett pożittiv fuq il-merħla. (Rum. 12:11; 2 Tim. 2:15) Dawk li jaqdu bħala indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet huma magħrufin l-iktar għall-imħabba tagħhom li lesta tagħmel sagrifiċċji. Huma minn rajhom jagħtu minnhom infushom, jivvjaġġaw f’temp mhux favorevoli u saħansitra fi nħawi perikolużi. (Flp. 2:3, 4) L-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet jinkuraġġixxu, jgħallmu, u jwissu wkoll lil kull kongregazzjoni permezz taʼ taħditiet ibbażati fuq il-Bibbja. Kulħadd fil-kongregazzjoni jibbenefika billi jimmedita dwar il-kondotta taʼ dawn il-ministri li jivvjaġġaw u billi jimita l-fidi tagħhom.—Ebr. 13:7.

“Kellhom Xi Jgħidu Sew” (Atti 15:37-41)

8. Barnaba kif wieġeb għall-istedina taʼ Pawlu?

8 Barnaba laqaʼ l-proposta taʼ Pawlu biex ‘iżuru lill-aħwa.’ (Atti 15:36) Huma t-tnejn kienu ħadmu tajjeb flimkien bħala mseħbin fl-ivvjaġġar u t-tnejn li huma diġà kienu familjari mar-reġjuni u n-nies li kienu se jżuru. (Atti 13:2–14:28) Għalhekk, l-idea li jingħaqdu flimkien għal dan l-inkarigu għandha mnejn dehret li tagħmel sens u li kienet prattika. Imma qamet problema. Atti 15:37 jgħid: “Barnaba insista li jieħdu magħhom ukoll lil Ġwanni, li jgħidulu wkoll Marku.” Barnaba ma kienx sempliċement qed jagħmel suġġeriment. Hu “insista” li jinkludi lil kuġinuh Marku biex imur magħhom f’dan il-vjaġġ missjunarju.

9. Pawlu għala ma qabilx maʼ Barnaba?

9 Pawlu ma qabilx. Għala? Ir-rakkont jgħid: “Imma Pawlu ma qabilx, għax meta kienu l-Pamfilja [Marku] telaqhom u ma marx jgħinhom jippritkaw.” (Atti 15:38) Marku kien ivvjaġġa maʼ Pawlu u Barnaba fl-ewwel vjaġġ missjunarju tagħhom, imma ma baqax sal-aħħar magħhom. (Atti 12:25; 13:13) Kmieni fil-vjaġġ, waqt li kienu għadhom fil-Pamfilja, Marku kien telaq l-inkarigu tiegħu u mar lura d-dar f’Ġerusalemm. Il-Bibbja ma tgħidx għala telaq, imma evidentement l-appostlu Pawlu qies l-azzjoni taʼ Marku bħala irresponsabbli. Pawlu għandu mnejn kellu d-dubji dwar kemm Marku kien taʼ min joqgħod fuqu.

10. In-nuqqas taʼ qbil bejn Pawlu u Barnaba għal xiex wassal, u b’liema riżultat?

10 Xorta waħda, Barnaba insista li jieħu lil Marku magħhom. Pawlu kien determinat daqsu li ma jiħduhx. “Minħabba f’hekk, huma kellhom xi jgħidu sew, u għalhekk infirdu minn xulxin,” jgħid Atti 15:39. Barnaba salpa lejn Ċipru, il-gżira fejn twieled, u ħa lil Marku miegħu. Pawlu kompla bil-pjanijiet tiegħu. Ir-rakkont jgħid: “Pawlu għażel lil Sila. Pawlu telaq wara li l-aħwa talbu lil Ġeħova biex jieħu ħsiebu.” (Atti 15:40) Dawn flimkien ‘għaddew mis-Sirja u ċ-Ċiliċja jsaħħu lill-kongregazzjonijiet.’—Atti 15:41.

11. Liema kwalitajiet huma essenzjali biex ma nħallux li tiżviluppa firda dejjiema bejnna u bejn xi ħadd li offendiena?

11 Dan ir-rakkont jistaʼ jfakkarna fl-imperfezzjoni tagħna stess. Pawlu u Barnaba kienu nħatru bħala rappreżentanti speċjali tal-ġemgħa li tiggverna. Pawlu nnifsu x’aktarx li sar membru taʼ din il-ġemgħa. Xorta waħda, f’dan il-każ, Pawlu u Barnaba aġixxew fi qbil mat-tendenzi umani imperfetti tagħhom. Ħallew huma din is-sitwazzjoni toħloq firda dejjiema bejniethom? Għalkemm imperfetti, Pawlu u Barnaba kienu rġiel umli, u kellhom il-moħħ taʼ Kristu. Mingħajr dubju, maż-żmien urew spirtu taʼ fratellanza Kristjana u maħfra. (Efes. 4:1-3) Iktar tard, Pawlu u Marku ħadmu flimkien f’inkarigi teokratiċi oħrajn.a—Kol. 4:10.

12. Billi jimitaw lil Pawlu u lil Barnaba, l-indokraturi taʼ żmienna liema kwalitajiet għandhom juru?

12 It-tilwim la kien fil-karattru taʼ Barnaba u lanqas f’taʼ Pawlu. Barnaba kien magħruf bħala raġel qalbu tajba u ġeneruż—tant kien hekk li minflok ma kienu jgħajtulu b’ismu proprju, Ġużeppi, l-appostli semmewh Barnaba, li jfisser “Wieħed li Jinkuraġġixxi.” (Atti 4:36) Pawlu wkoll kien magħruf għat-tenerezza u l-imġiba ġentili tiegħu. (1 Tess. 2:7, 8) Billi jimitaw lil Pawlu u lil Barnaba, l-indokraturi Kristjani kollha tal-lum, inkluż l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet, dejjem għandhom jistinkaw biex juru umiltà u biex jittrattaw lil sħabhom l-anzjani kif ukoll lill-merħla kollha kemm hi bit-tenerezza.—1 Pt. 5:2, 3.

“Kienu Jitkellmu Tajjeb Dwar Timotju” (Atti 16:1-3)

13, 14. (a) Min kien Timotju, u Pawlu f’liema ċirkustanzi għandu mnejn iltaqaʼ miegħu? (b) X’wassal lil Pawlu biex juri interess speċjali f’Timotju? (ċ) Timotju liema inkarigu ngħata?

13 It-tieni vjaġġ missjunarju taʼ Pawlu ħadu fil-provinċja Rumana tal-Galazja, fejn kienu ġew stabbiliti ftit kongregazzjonijiet. Eventwalment, “wasal Derbe u mbagħad Listra.” Ir-rakkont ikompli jgħid: “Kien hemm żagħżugħ jismu Timotju. Hu u ommu kienu dixxipli. Ommu kienet Lhudija, imma missieru Grieg.”—Atti 16:1.b

14 Milli jidher, Pawlu kien iltaqaʼ mal-familja taʼ Timotju l-ewwel darba li vvjaġġa f’dawk l-inħawi madwar is-sena 47 WK (wara Kristu). Issa matul it-tieni żjara tiegħu, xi sentejn jew tlieta wara, Pawlu wera interess speċjali fiż-żagħżugħ Timotju. Għala? Għax “l-aħwa . . . kienu jitkellmu tajjeb dwar Timotju.” Mhux biss kienu jħobbuh l-aħwa fejn kien joqgħod, imma r-reputazzjoni tiegħu kienet magħrufa wkoll f’kongregazzjonijiet oħrajn. Ir-rakkont jispjega li l-aħwa kemm f’Listra u kemm f’Ikonju, xi 30 kilometru ’l bogħod, kellhom affarijiet sbieħ x’jgħidu dwaru. (Atti 16:2) Gwidati mill-ispirtu qaddis, l-anzjani fdaw liż-żagħżugħ Timotju b’responsabbiltà kbira—li jgħin lil Pawlu u lil Sila bħala ministru li jivvjaġġa.—Atti 16:3.

15, 16. Timotju kif kiseb reputazzjoni daqstant tajba?

15 Timotju kif kiseb reputazzjoni daqstant tajba waqt li kien għadu żagħżugħ? Kien minħabba l-intelliġenza, l-apparenza fiżika, jew l-abbiltajiet naturali tiegħu? Il-bnedmin spiss jimpressjonaw ruħhom bi kwalitajiet bħal dawn. Anki l-profeta Samwel darba minnhom kien influwenzat iżżejjed mill-apparenza taʼ barra. Madankollu, Ġeħova fakkru: “Jien ma narax bħalma jara l-bniedem. Il-bniedem jara dak li jidher minn barra, imma jien, Ġeħova, nara x’hemm fil-qalb.” (1 Sam. 16:7) Minflok abbiltajiet naturali, Timotju kellu kwalitajiet ġewwinin li għenuh jikseb isem tajjeb fost sħabu l-Kristjani.

16 Snin wara, l-appostlu Pawlu għamel referenza għal xi ftit mill-kwalitajiet spiritwali taʼ Timotju. Pawlu ddeskriva l-attitudni tajba taʼ Timotju, l-imħabba tiegħu li lesta tagħmel sagrifiċċji, u d-diliġenza tiegħu f’li jieħu ħsieb l-inkarigi teokratiċi. (Flp. 2:20-22) Timotju kien magħruf ukoll għall-fidi li kellu “mingħajr ebda ipokrisija.”—2 Tim. 1:5.

17. Illum, iż-żgħażagħ kif jistgħu jimitaw lil Timotju?

17 Illum, ħafna żgħażagħ jimitaw lil Timotju billi jikkultivaw kwalitajiet divini. B’hekk, huma jagħmlu isem tajjeb maʼ Ġeħova u man-nies tiegħu, saħansitra f’età żgħira. (Prov. 22:1; 1 Tim. 4:15) Huma juru fidi mingħajr ipokrisija, billi jirrifjutaw li jgħixu ħajja doppja. (Salm 26:4) Minħabba f’hekk, ħafna żgħażagħ jistgħu, bħal Timotju, ikollhom irwol importanti fil-kongregazzjoni. Kemm jinkuraġġixxu lil dawk kollha taʼ madwarhom li jħobbu lil Ġeħova meta jikkwalifikaw bħala pubblikaturi tal-aħbar tajba u maż-żmien jiddedikaw ruħhom lil Ġeħova u jitgħammdu!

Huma “Komplew Jissaħħu fil-Fidi” (Atti 16:4, 5)

18. (a) Pawlu u Timotju liema privileġġi gawdew bħala ministri li jivvjaġġaw? (b) Il-kongregazzjonijiet kif tbierku?

18 Pawlu u Timotju ħadmu snin sħaħ flimkien. Bħala ministri li jivvjaġġaw wettqu diversi missjonijiet għan-nom tal-ġemgħa li tiggverna. Ir-rakkont tal-Bibbja jgħid: “Hekk kif ivvjaġġaw minn belt għal oħra, huma qalu lill-aħwa dak li kienu ddeċidew l-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm biex b’hekk ikunu jistgħu jobduh.” (Atti 16:4) Evidentement, il-kongregazzjonijiet segwew id-direzzjoni tal-appostli u tal-anzjani f’Ġerusalemm. Minħabba din l-ubbidjenza, “l-aħwa fil-kongregazzjonijiet komplew jissaħħu fil-fidi u jiżdiedu jum wara jum.”—Atti 16:5.

19, 20. Il-Kristjani għala għandhom jobdu lil “dawk li qed imexxu”?

19 B’mod simili, ix-Xhieda taʼ Ġeħova llum igawdu l-barkiet li jiġu milli jissottomettu ruħhom u jobdu d-direzzjoni li jirċievu minn “dawk li qed imexxu” fosthom. (Ebr. 13:17) Minħabba li x-xena taʼ din id-dinja dejjem qed tinbidel, huwa vitali li l-Kristjani jżommu l-pass mad-direzzjonijiet u l-istruzzjonijiet li jipprovdi “l-ilsir leali u għaqli.” (Mt. 24:45; 1 Kor. 7:29-31) Il-fatt li nagħmlu hekk jistaʼ jżommna milli nitbiegħdu mill-verità u jgħinna nibqgħu mingħajr tebgħa mid-dinja.—Ġak. 1:27.

20 Veru, l-indokraturi Kristjani taʼ żmienna, inkluż il-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna, huma imperfetti, bħalma kienu Pawlu, Barnaba, Marku, u anzjani midlukin oħrajn tal-ewwel seklu. (Rum. 5:12; Ġak. 3:2) Imma minħabba li l-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna jsegwu l-Kelma t’Alla b’mod strett u jżommu mal-mudell li ħallew l-appostli, juru li huma taʼ min jafdahom. (2 Tim. 1:13, 14) B’riżultat taʼ dan, il-kongregazzjonijiet qed jissaħħu u jissodaw fil-fidi.

TIMOTJU JITJASSAR “BIEX IĠIB L-AĦBAR TAJBA ’L QUDDIEM”

Timotju kien ajjutant stmat ħafna għall-appostlu Pawlu. Wara li ż-żewġt irġiel ħadmu spalla maʼ spalla għal xi 11-il sena, Pawlu setaʼ jikteb rigward Timotju: “M’għandi lil ħadd bl-istess attitudni tiegħu li se jieħu ħsieb ġenwinament dak li għandu x’jaqsam magħkom. . . . Intom tafu xi prova ta tiegħu nnifsu, li bħal iben maʼ missieru tjassar miegħi biex iġib l-aħbar tajba ’l quddiem.” (Flp. 2:20, 22) Timotju ħadem iebes biex javanza x-xogħol tal-ippritkar, u b’hekk sar għażiż għal Pawlu u ħalla eżempju mill-aħjar għalina.

Timotju.

Timotju, li missieru kien Grieg u ommu Lhudija, jidher li trabba f’Listra. Minn mindu kien tarbija, Timotju ġie mgħallem l-Iskrittura mingħand ommu, Ewniċe, u nanntu, Lojs. (Atti 16:1, 3; 2 Tim. 1:5; 3:14, 15) Flimkien magħhom, Timotju x’aktarx li aċċetta l-Kristjanità matul l-ewwel żjara taʼ Pawlu fil-belt fejn kien joqgħod Timotju.

Saż-żmien li Pawlu rritorna xi snin wara, “l-aħwa f’Listra u Ikonju kienu [diġà] jitkellmu tajjeb dwar Timotju”, li dak iż-żmien x’aktarx li kellu madwar 20 sena. (Atti 16:2) L-ispirtu t’Alla kien nebbaħ “tbassir” dwar iż-żagħżugħ, u fi qbil maʼ dan it-tbassir, Pawlu u l-anzjani lokali rrikkmandaw lil Timotju biex jibda tip taʼ servizz speċjali. (1 Tim. 1:18; 4:14; 2 Tim. 1:6) Hu kellu jakkumpanja lil Pawlu bħala sieħeb missjunarju. Timotju kien se jkollu jitlaq lil familtu, u kellu jissottometti ruħu għaċ-ċirkonċiżjoni biex b’hekk il-Lhud li kien se jżur ma jkollhomx raġuni biex jilmentaw.—Atti 16:3.

Timotju vvjaġġa ħafna. Hu pprietka maʼ Pawlu u Sila f’Filippi, maʼ Sila f’Berea, imbagħad waħdu f’Tessalonika. Meta reġaʼ ltaqaʼ maʼ Pawlu f’Korintu, Timotju kellu aħbar tajba dwar l-imħabba u l-fedeltà li wrew it-Tessalonikin minkejja t-tribulazzjoni tagħhom. (Atti 16:6–17:14; 1 Tess. 3:2-6) Meta rċieva aħbar inkwetanti dwar il-Korintin, Pawlu, li dak iż-żmien kien f’Efesu, ikkunsidra li jibgħat lil Timotju lura f’Korintu. (1 Kor. 4:17) Minn Efesu, Pawlu iktar tard bagħat lil Timotju u lil Erastu fil-Maċedonja. Imma meta Pawlu kiteb lir-Rumani, Timotju kien lura miegħu f’Korintu. (Atti 19:22; Rum. 16:21) Dawn huma biss ftit mill-vjaġġi li għamel Timotju minħabba l-aħbar tajba.

Il-fatt li Timotju għandu mnejn żamm xi ftit lura milli jeżerċita l-awtorità tiegħu hu indikat mill-inkuraġġiment taʼ Pawlu: “Tħalli lil ħadd qatt imaqdar żgħożitek.” (1 Tim. 4:12) Imma Pawlu b’fiduċja setaʼ jibgħat lil Timotju f’kongregazzjoni li kellha xi problemi, u tah dawn l-istruzzjonijiet: ‘Ordna lil ċerti wħud biex ma jgħallmux duttrina differenti.’ (1 Tim. 1:3) Pawlu ta wkoll lil Timotju l-awtorità biex jaħtar indokraturi u qaddejja ministerjali fil-kongregazzjoni.—1 Tim. 5:22.

Il-kwalitajiet eċċellenti taʼ Timotju għamluh għażiż għal Pawlu. L-Iskrittura turi li r-raġel iżgħar fl-età kien sieħeb tal-qalb, leali, u li jħobb, bħal iben. Pawlu setaʼ jikteb li hu ftakar fid-dmugħ taʼ Timotju, li xxennaq biex jarah, u li talab għalih. Bħal missier li jimpurtah, Pawlu ta wkoll lil Timotju parir dwar ‘il-mard li marad sikwit’—milli jidher problemi fl-istonku.—1 Tim. 5:23; 2 Tim. 1:3, 4.

Matul l-ewwel priġunerija taʼ Pawlu f’Ruma, Timotju kien miegħu. Minn tal-inqas għal xi żmien, Timotju wkoll issaporta l-priġunerija. (Flm. 1; Ebr. 13:23) Is-sentimenti qawwijin bejn dawn iż-żewġt irġiel huma evidenti mill-fatt li meta Pawlu induna li kien se jmut dalwaqt, hu sejjaħ lil Timotju u qallu: “Agħmel l-almu tiegħek biex tiġi ħdejja malajr.” (2 Tim. 4:6-9) L-Iskrittura ma tgħidilniex jekk Timotju wasalx fil-ħin biex jerġaʼ jara lill-konsulent għażiż tiegħu.

MARKU JGAWDI ĦAFNA PRIVILEĠĠI

L-Evanġelju taʼ Marku jgħid li dawk li arrestaw lil Ġesù pprovaw jaqbdu taħt idejhom ukoll lil “żagħżugħ” li “ħarab għarwien.” (Mk. 14:51, 52) Ladarba Marku, magħruf ukoll bħala Ġwanni Marku, hu l-uniku wieħed li kiteb din il-ġrajja, iż-żagħżugħ għandu mnejn kien il-kittieb innifsu. Jekk inhu hekk, Marku minn tal-inqas kellu xi ftit kuntatt persunali maʼ Ġesù.

Marku jismaʼ u jieħu n-noti waqt li raġel akbar fl-età jitkellem.

Xi 11-il sena wara, matul il-persekuzzjoni t’Erodi Agrippa fuq il-Kristjani, “ftit nies mhux ħażin” taʼ membri tal-kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm inġabru biex jitolbu fid-dar taʼ Marija, omm Marku. L-appostlu Pietru mar id-dar tagħha meta nħeles b’mod mirakoluż mill-ħabs. (Atti 12:12) B’hekk, Marku forsi trabba f’dar li iktar tard intużat għal-laqgħat Kristjani. Hu mingħajr dubju kien jaf sew lid-dixxipli tal-bidu taʼ Ġesù, u huma kellhom influwenza tajba fuqu.

Marku qeda spalla maʼ spalla maʼ diversi indokraturi tal-kongregazzjonijiet Kristjani tal-bidu. L-ewwel privileġġ taʼ servizz tiegħu, sa fejn nafu aħna, kien li jaħdem flimkien maʼ kuġinuh Barnaba u mal-appostlu Pawlu fl-inkarigu tagħhom f’Antjokja tas-Sirja. (Atti 12:25) Meta Barnaba u Pawlu bdew l-ewwel vjaġġ missjunarju tagħhom, Marku vvjaġġa magħhom, l-ewwel lejn Ċipru u mbagħad lejn l-Asja Minuri. Minn hemmhekk, Marku rritorna lejn Ġerusalemm għal raġunijiet li ma nafuhomx. (Atti 13:4, 13) Wara nuqqas taʼ qbil bejn Barnaba u Pawlu rigward Marku, bħalma hu deskritt f’​Atti kapitlu 15, Marku u Barnaba komplew is-servizz missjunarju tagħhom f’Ċipru.—Atti 15:36-39.

Kull ħsieb dwar dan in-nuqqas taʼ qbil kien ilu li ntesa sas-sena 60 jew 61 WK, meta Marku għal darb’oħra kien qed jaħdem flimkien maʼ Pawlu, din id-darba f’Ruma. Pawlu, li kien priġunier f’din il-belt, kiteb lill-kongregazzjoni f’Kolossi: “Aristarku, sieħbi fil-ħabs, jibgħat iselli għalikom, kif ukoll Marku, il-kuġin taʼ Barnaba, (li dwaru ħadtu ordnijiet biex tilqgħuh jekk xi darba jiġi għandkom).” (Kol. 4:10) Għalhekk, Pawlu kien qed jaħseb li jibgħat lil Ġwanni Marku minn Ruma għal Kolossi bħala r-rappreżentant tiegħu.

F’xi żmien bejn is-sena 62 u s-sena 64 WK, Marku ħadem mal-appostlu Pietru f’Babilonja. Bħalma rajna f’Kapitlu 10 taʼ din il-pubblikazzjoni, huma żviluppaw relazzjoni mill-qrib, għax Pietru rrefera għaż-żagħżugħ bħala “ibni Marku.”—1 Pt. 5:13.

Fl-aħħar, f’madwar is-sena 65 WK, meta l-appostlu Pawlu kien priġunier għat-tieni darba f’Ruma, hu kiteb lill-ħaddiem sieħbu Timotju, li kien f’Efesu u qallu: “Ħu lil Marku u ġibu miegħek, għax hu utli għalija biex jaqdini.” (2 Tim. 4:11) Mingħajr dubju, Marku wieġeb minnufih għal din l-istedina u minn Efesu mar lura lejn Ruma. Mhux taʼ b’xejn li dan ir-raġel kien stmat ħafna minn Barnaba, Pawlu, u Pietru!

Mill-privileġġi kollha li kellu Marku, l-akbar wieħed kien li ġie ispirat minn Ġeħova biex jikteb rakkont tal-Evanġelju. Skont it-tradizzjoni, Marku rċieva ħafna mill-informazzjoni tiegħu mingħand l-appostlu Pietru. Il-fatti donnhom jappoġġaw din l-idea, għax ir-rakkont taʼ Marku fih dettalji li setaʼ kien jafhom biss xi ħadd li ra b’għajnejh, bħalma kien Pietru. Madankollu, donnu jidher li Marku kiteb l-Evanġelju tiegħu f’Ruma, mhux f’Babilonja meta kien maʼ Pietru. Marku juża ħafna espressjonijiet bil-Latin u jittraduċi termini Ebrajċi li kieku kienu jkunu diffiċli biex jifhmuhom uħud li ma kinux Lhud, u għalhekk jidher li hu kiteb primarjament għall-qarrejja Ġentili.

a Ara l-kaxxa “Marku Jgawdi Ħafna Privileġġi.” f’paġna 118.

b Ara l-kaxxa “Timotju Jitjassar ‘Biex Iġib l-Aħbar Tajba ’l Quddiem.’” f’paġna 121.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja