IT-22 TAQSIMA
L-Appostli Jippritkaw Bla Biżaʼ
Il-kongregazzjoni Kristjana tikber malajr minkejja l-persekuzzjoni
GĦAXART ijiem wara li Ġesù telaʼ s-sema, madwar 120 dixxiplu tiegħu nġabru f’dar f’Ġerusalemm fi żmien il-Festa Lhudija taʼ Pentekoste, 33 E.K. F’daqqa waħda, ħoss bħal kurrent taʼ riħ qawwi mela d-dar. Id-dixxipli b’miraklu bdew jitkellmu b’lingwi li lanqas biss kienu jafu. Għalfejn kienu qed jiġru dawn l-affarijiet mhux tas-soltu? Alla kien ta l-ispirtu qaddis lid-dixxipli.
Barra kien hemm folla nies għax ħafna kienu ġew għall-festa minn diversi pajjiżi. Dawn baqgħu mgħaġġbin jisimgħu lid-dixxipli taʼ Ġesù jitkellmu fluwenti bil-lingwi tagħhom stess. Biex jispjega x’kien qed jiġri, Pietru rrefera għall-profezija tal-profeta Ġoel li Alla kien se ‘jferraʼ’ l-ispirtu tiegħu, li kien se jagħti għotjiet mirakolużi lil dawk li jirċivuh. (Ġoel 2:28, 29) Din l-evidenza qawwija tal-ispirtu qaddis uriet ċar li kienet saret bidla importanti: Ma kienx iktar Israel li kellu l-approvazzjoni t’Alla, imma l-kongregazzjoni Kristjana li kienet għadha kemm ġiet ifformata. Dawk li riedu jaqdu lil Alla b’mod aċċettabbli issa kellhom isiru segwaċi taʼ Kristu.
Sadanittant, l-oppożizzjoni bdiet tiżdied, u l-għedewwa tefgħu lid-dixxipli l-ħabs. Imma matul il-lejl, l-anġlu taʼ Ġeħova fetaħ il-bibien tal-ħabs u qal lid-dixxipli biex ikomplu jippritkaw. Mas-sebħ, għamlu preċiż hekk. Daħlu fit-tempju u bdew jgħallmu l-aħbar tajba dwar Ġesù. L-opponenti reliġjużi tagħhom għadbu ferm għalihom u ordnawlhom jieqfu jippritkaw. Bla biżaʼ, l-appostli wieġbu: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-bnedmin.”—Atti 5:28, 29.
Il-persekuzzjoni kompliet tiħrax. Ċerti Lhud akkużaw lid-dixxiplu Stiefnu li kien dagħa u ħaġġruh għall-mewt. Wieħed żagħżugħ—Sawl taʼ Tarsu—kien xhud taʼ dan il-qtil u approvah. Imbagħad mar Damasku biex jarresta lil kull min kien isegwi lil Kristu. Waqt li Sawl kien fit-triq, idda madwaru dawl mis-sema u leħen instemaʼ jgħid: “Sawl, Sawl, għala qed tippersegwitani?” Mogħmi minn dak id-dawl, Sawl staqsa: “Min int, Mulej?” Il-leħen wieġeb: “Jien Ġesù.”—Atti 9:3-5.
Tlett ijiem wara, Ġesù bagħat dixxiplu jismu Ananija biex jerġaʼ jagħti l-vista lura lil Sawl. Sawl tgħammed u beda jipprietka bil-qlubija dwar Ġesù. Sawl sar magħruf bħala l-appostlu Pawlu u sar membru żeluż tal-kongregazzjoni Kristjana.
Id-dixxipli taʼ Ġesù kienu qed ixandru l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla lil-Lhud u s-Samaritani biss. Imbagħad deher anġlu lil Kornelju, fizzjal tal-armata Rumana li kellu l-biżaʼ t’Alla, u qallu biex jibgħat għall-appostlu Pietru. Pietru mar għand Kornelju flimkien maʼ xi wħud oħrajn, u pprietka lilu u lin-nies taʼ daru. Waqt li Pietru kien qed jitkellem, niżel l-ispirtu qaddis fuq dawk il-Ġentili li kienu jemmnu, u l-appostlu ordna li jiġu mgħammdin f’isem Ġesù. It-triq għall-ħajja taʼ dejjem issa kienet infetħet għal nies mill-ġnus kollha. Il-kongregazzjoni kienet lesta biex ixxerred l-aħbar tajba maʼ kullimkien.
—Ibbażat fuq Atti 1:1–11:21.