LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • yp1 pp. 289-318
  • Appendiċi—Il-Ġenituri Jistaqsu . . .

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Appendiċi—Il-Ġenituri Jistaqsu . . .
  • Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
  • Materjal Simili
  • Meta l-Adoloxxent Tiegħek Jibda Jiddubita mit-Twemmin Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Komunikazzjoni maʼ l-Adoloxxenti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • L-Adoloxxenza Preparazzjoni Biex Isiru Adulti
    Stenbaħ!—2011
  • Nippreparaw l-Adoloxxenti Biex Isiru Adulti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
Ara Iżjed
Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
yp1 pp. 289-318

APPENDIĊI

Il-Ġenituri Jistaqsu . . .

“Kif nistaʼ nġiegħel lil ibni jew binti tiftaħ qalbha miegħi?”

“Għandi nistabbilixxi ħin meta wliedi għandhom jidħlu lura d-​dar?”

“Kif nistaʼ ngħin lil binti jkollha ħarsa bilanċjata lejn id-​dieta?”

Dawn huma ftit mis-​17–il mistoqsija li se jiġu mweġbin f’din l-​Appendiċi. Il-​materjal huwa maqsum f’sitt sezzjonijiet u għandu referenzi għal kapitli tal-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom, kemm l-​1 Volum u kemm Volume 2.

Aqra l-​Appendiċi. Jekk ikun possibbli, iddiskuti l-​materjal mas-​sieħeb jew sieħba tiegħek fiż-​żwieġ. Imbagħad, użaw il-​pariri biex tgħinu lil uliedkom. It-​tweġibiet li se ssibu hawnhekk huma taʼ min joqgħod fuqhom. Mhumiex ibbażati fuq l-​għerf fallibbli tal-​bniedem, imma fuq il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja.—2 Timotju 3:16, 17.

290 Il-​Komunikazzjoni

297 Ir-​Regoli

302 Il-​Libertà

307 Is-​Sess u n-​Namur

311 Il-​Problemi Emozzjonali

315 L-​Ispiritwalità

IL-​KOMUNIKAZZJONI

Tassew jagħmlu ħsara l-​argumenti mas-​sieħeb jew sieħba fiż-​żwieġ jew inkella maʼ wliedi?

Bla dubju taʼ xejn, fiż-​żwieġ ikun hemm xi nuqqas taʼ qbil. Imma kif tirreaġixxu hija kwistjoni t’għażla. Iż-​żgħażagħ jiġu effettwati bil-​kbir mill-​argumenti tal-​ġenituri tagħhom. Dan għandu jikkonċernakom għax jekk uliedkom jiżżewġu, probabbilment isegwu l-​eżempju li tagħtu bħala miżżewġin. Għala ma tużawx sitwazzjonijiet fejn ikun hemm nuqqas taʼ qbil bħala opportunità biex turu lil uliedkom b’mod effettiv kif jiġu solvuti l-​problemi? Ipprovaw dan li ġej:

Agħti widen. Il-​Bibbja tgħidilna biex ‘inkunu ħfief biex nisimgħu, tqal biex nitkellmu, tqal biex ninkorlaw.’ (Ġakbu 1:19) Tressaqx porvli lejn in-​nar billi ‘trodd ħsara bi ħsara.’ (Rumani 12:17) Anki jekk is-​sieħeb jew sieħba tiegħek fiż-​żwieġ donnha ma tkunx trid tagħti widen, int tistaʼ tagħżel li tagħmel dan.

Stinka biex tispjega u mhux tikkritika. Bil-​ħlewwa, għid lis-​sieħeb jew sieħba tiegħek li l-​kondotta tagħha effettwatek. (“Inħossni mweġġgħa meta . . . ”) Irreżisti x-​xewqa li takkuża u tikkritika. (“Int ma tagħtix kasi,” jew “Int ma tismax waħda milli ngħidlek.”)

Ipposponi d-​diskussjoni għal ħin ieħor. Xi kultant ikun aħjar li twaqqaf id-​diskussjoni u tkompliha meta tikkalmaw. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​bidu tal-​ġlied hu bħal xi ħadd li jħalli l-​ilmijiet joħorġu; mela qabel ma tfaqqaʼ t-​tilwima, warrab.”—Proverbji 17:14.

Itolbu skuża lil xulxin—u jekk ikun hemm bżonn anki lil uliedkom. Brianne, li għandha 14-​il sena, tgħid: “Kultant, wara li l-​ġenituri tiegħi jkollhom xi jgħidu, jiskużaw ruħhom miegħi u maʼ ħija l-​kbir għax jafu kif inħossuna.” Waħda mill-​iktar lezzjonijiet taʼ valur li tistaʼ tgħallem lil uliedek hija li b’umiltà tgħid, “Jiddispjaċini.”

Imma xi ngħidu jekk il-​problema tkun tinvolvi t-​tilwim mat-​tfal tiegħek? Ara jekk, bla ma taf, tkunx qed titfaʼ l-​ħatab fin-​nar. Pereżempju, ikkunsidra s-​sitwazzjoni deskritta fil-​bidu taʼ Kapitlu 2 f’paġna 15 taʼ dan il-​volum. Tistaʼ tidentifika xi affarijiet li omm Rachel għamlet u li bihom ġiegħlet l-​argument jisħon? Kif tistaʼ tevita li targumenta maʼ wliedek? Ipprova dan li ġej:

● Evita li tiġġeneralizza billi tgħid affarijiet bħal “Int dejjem . . . ” jew “Int qatt ma . . . ” Stqarrijiet bħal dawn iwasslu biss għal tweġiba difensiva. Wara kollox, x’aktarx li jkunu esaġerazzjonijiet, u ibnek jafu dan. Ibnek għandu mnejn ikun jaf ukoll li meta tiġġeneralizza iktar tkun qed turi kemm int irrabjat milli kemm hu irresponsabbli.

● Minflok ma tipponta subgħajk u tuża l-​kelma “int,” ipprova tkellem dwar kif l-​imġiba taʼ ibnek qed teffettwak. Pereżempju, “Inħossni . . .  meta int . . . ” Għalkemm ma tobsorhiex, is-​sentimenti tiegħek huma importanti għal ibnek. Jekk titkellem maʼ ibnek dwar kif tħossok, x’aktarx li se jkun iktar lest li jikkoopera miegħek.a

● Għalkemm jistaʼ jkun diffiċli, oqgħod lura sakemm int tikkalma. (Proverbji 29:22) Jekk il-​kwistjoni li tikkaġuna l-​argument tkun dwar il-​faċendi tad-​dar, iddiskutiha m’ibnek. Ikteb b’mod speċifiku x’inhu mistenni minnu, u jekk ikun neċessarju agħmilha ċara x’se jkunu l-​konsegwenzi jekk l-​istennijiet tiegħek ma jitwettqux. Bil-​paċenzja agħti widen għall-​opinjoni t’ibnek, anki jekk taħseb li din l-​opinjoni ma tkunx korretta. Ħafna miż-​żgħażagħ jirreaġixxu aħjar meta jkun hemm xi ħadd lest li jismagħhom milli meta xi ħadd jagħmlilhom prietka.

● Minflok ma taqbad u tikkonkludi li ibnek sar ribelluż, kun af li ħafna minn dak li qed tosserva huwa parti mill-​iżvilupp naturali tiegħu. Għandu mnejn li t-​tifel tiegħek jaqbad argument sempliċement biex juri li qed jikber. Irreżisti t-​tentazzjoni li tinvolvi ruħek f’xi argument. Ftakar li ibnek se jitgħallem mill-​mod kif int tirreaġixxi għal provokazzjoni. Kun t’eżempju f’li turi paċenzja u sabar fit-​tul. Imbagħad, x’aktarx li ibnek jew bintek se timitak.—Galatin 5:22, 23.

ARA KAPITLU 2 TAL-​1 VOLUM U KAPITLU 24 TAʼ VOLUME 2

Uliedi kemm għandhom ikunu jafu dwar il-​passat tiegħi?

Immaġinak f’din is-​sitwazzjoni: Qegħdin tieklu bħala familja maʼ xi ħbieb. Waqt il-​konversazzjoni, xi ħadd mill-​ħbieb isemmi individwu li kont toħroġ miegħu qabel iżżewwiġt. Bintek kważi twaqqaʼ l-​furketta minn idha. “Jiġifieri int kont toħroġ maʼ xi ħadd ieħor?” tistaqsi mistagħġba. Qatt qabel ma kont għedt lil bintek dwar din l-​istorja. Issa hi trid tkun taf iktar. X’se tagħmel?

Ġeneralment, ikun aħjar li tagħti l-​opportunità lil uliedek jagħmlu mistoqsijiet. Wara kollox, kull meta jagħmlu mistoqsijiet u jisimgħu t-​tweġibiet tiegħek ikun ħin li fih tkunu qed tikkomunikaw—xi ħaġa li l-​biċċa l-​kbira mill-​ġenituri jkunu jixtiquha.

Xi kemm għandek tgħid dwar il-​passat tiegħek lil uliedek? Naturalment, għandek mnejn tippreferi ma tikxifx informazzjoni imbarazzanti. Madankollu, fejn ikun xieraq, li tiżvela ftit mill-​isfidi tiegħek jistaʼ jkun t’għajnuna għalihom. B’liema mod?

Ikkunsidra eżempju. L-​appostlu Pawlu darba żvela dwaru nnifsu: “Meta nixtieq nagħmel dak li hu sewwa, dak li hu ħażin ikolli fija. . . . Bniedem miżerabbli li jien!” (Rumani 7:21-​24) Alla Ġeħova nebbaħ dan il-​kliem sabiex jitniżżel u jinżamm fil-​Bibbja għall-​benefiċċju tagħna. U aħna tassew nibbenefikaw, għax min minna ma jaqbilx mal-​kliem sinċier taʼ Pawlu?

Bl-​istess mod, il-​fatt li jismaʼ dwar l-​għażliet tajbin u l-​iżbalji li għamilt jistaʼ jagħmilha faċli biex ibnek jgħidlek iktar dwar dak li jgħaddi minnu. Ngħiduha kif inhi, int trabbejt fi żmien differenti. Madankollu, filwaqt li ż-​żminijiet inbidlu, in-​natura umana ma nbidlitx; lanqas il-​prinċipji Skritturali. (Salm 119:144) Id-​diskussjonijiet dwar l-​isfidi li ffaċċjajt—u kif għelibthom—jistgħu jgħinu lil ibnek hekk kif jipprova jsolvi l-​problemi tiegħu. “Meta ssir taf li l-​ġenituri tiegħek iffaċċjaw sfidi bħal tiegħek, huma jidhru ferm iktar reali għalik,” jgħid żagħżugħ jismu Cameron. Hu jkompli jgħid: “Meta jerġaʼ jkollok xi problema, tibda taħseb jekk il-​ġenituri tiegħek għaddewx minnha qabel ukoll.”

Attenzjoni: L-​istejjer dwar il-​passat tiegħek mhux bilfors għandhom dejjem jispiċċaw b’xi parir. Veru, forsi int konċernat li ibnek se jasal għal konklużjoni żbaljata jew li saħansitra jħossu ġustifikat li jagħmel żbalji simili hu stess. Imma minflok ma tiġbor fil-​qosor dak li trid li wliedek jitgħallmu mid-​diskussjoni billi tgħid: “Għalhekk qatt m’għandek . . . ,” fi ftit kliem esprimi s-​sentimenti tiegħek billi tgħid: “Meta nħares lura lejn dak li għaddejt minnu, nixtieq li m’għamiltx dak li għamilt għax . . . ” B’hekk, uliedek ikunu jistgħu jitgħallmu lezzjoni imprezzabbli mill-​esperjenza tiegħek mingħajr ma jħossu li tkun għamiltilhom xi prietka.​—Efesin 6:4.

ARA KAPITLU 1 TAL-​1 VOLUM

Kif nistaʼ nġiegħel lil ibni jew binti tiftaħ qalbha miegħi?

Meta kienu żgħar, probabbilment uliedek kienu jitkellmu miegħek dwar kollox. Meta kont tagħmlilhom mistoqsija kienu jwiġbuk bla tlaqliq. Fil-​fatt, spiss ma kien ikun hemm għalfejn tagħmel l-​ebda mistoqsija; kienu jibbombardjawk b’ħafna informazzjoni. B’kuntrast, jistaʼ jidher bħala ħela taʼ ħin—bħallikieku qed tagħżaq fl-​ilma—li ġġiegħel lil uliedek jitkellmu miegħek meta jkunu saru adoloxxenti. Int tgħid bejnek u bejn ruħek: ‘Maʼ ħbiebhom jitkellmu. Għala miegħi le?’

Tħallix is-​silenzju tagħhom iġiegħlek tikkonkludi li wliedek irrifjutawk jew li ma jridukx tkun taf x’inhu għaddej f’ħajjithom. Il-​fatt hu li issa li saru adoloxxenti għandhom bżonnok iktar minn qatt qabel. U xi ħaġa taʼ interess hi li r-​riċerka tindika li ħafna miż-​żgħażagħ għadhom japprezzaw il-​pariri tal-​ġenituri tagħhom saħansitra iktar mill-​pariri li jkunu ġejjin minn dawk tamparhom jew mill-​mezzi tax-​xandir.

Mela għala joqogħdu jaħsbuha darbtejn biex jgħidulek dak li jkun għaddej minn moħħhom? Ikkunsidra l-​kummenti li għamlu xi żgħażagħ rigward għala joqogħdu lura milli jitkellmu mal-​ġenituri tagħhom. Imbagħad, staqsi lilek innifsek il-​mistoqsijiet li hemm wara kull kumment u fittex l-​iskritturi ċitati.

“Insibha diffiċli biex nitkellem maʼ missieri għax ikollu ħafna x’jagħmel, kemm fuq ix-​xogħol u kemm fil-​kongregazzjoni. Donnu qatt m’hemm ħin konvenjenti biex nitkellem miegħu.”​—Andrew.

‘Ġieli, bla ma ridt, tajt x’nifhem li għandi wisq x’nagħmel biex nitkellem maʼ wliedi? Jekk inhu hekk, kif nistaʼ nagħmel lili nnifsi iktar avviċinabbli? Meta nistaʼ nwarrab ftit ħin b’mod regulari biex nitkellem maʼ wliedi?ʼ​—Dewteronomju 6:7.

“Bid-​dmugħ f’għajnejja, darba avviċinajt lil ommi rigward argument li kelli l-​iskola. Ridtha tfarraġni, imma minflok ħaditha kontrija. Minn dakinhar ’l hawn, ma kellimthiex iktar dwar affarijiet importanti.”​—Kenji.

‘Kif nirreaġixxi meta wliedi javviċinawni b’xi problema? Anki jekk ikun hemm bżonn id-​dixxiplina, nistaʼ nitgħallem nieqaf u nagħti widen b’empatija qabel ma nagħti parir?’​—Ġakbu 1:19.

“Donnu kull darba li l-​ġenituri jgħidu li nistgħu nitkellmu mingħajr ma huma jirrabjaw, xorta jispiċċaw jirrabjaw. Minħabba f’hekk, l-​ulied iħossuhom traduti.”​—Rachel.

‘Jekk ibni jgħidli xi ħaġa li biha jiddiżappuntani, kif nistaʼ nikkontrolla r-​reazzjoni impulsiva tiegħi?ʼ​—Proverbji 10:19.

“Ħafna drabi, meta ftaħt qalbi m’ommi dwar affarijiet tassew personali, hi marret tgħidhom lil sħabha. Għamilt żmien twil ma nafdahiex.”​—Chantelle.

‘Nuri jien konsiderazzjoni għas-​sentimenti t’ibni billi ma noqgħodx inxandar affarijiet personali li hu jkun qalli?’​—Proverbji 25:9.

“Hemm ħafna affarijiet li nixtieq nitkellem dwarhom mal-​ġenituri tiegħi. Kull m’għandi bżonn hu l-​għajnuna tagħhom biex nibda l-​konversazzjoni.”​—Courtney.

‘Nistaʼ nieħu l-​inizjattiva biex nitkellem maʼ wliedi? Liema hu l-​aħjar ħin biex nitkellmu flimkien?’​—Ekkleżjasti 3:7.

Ikun taʼ benefiċċju jekk bħala ġenitur tħalli l-​komunikazzjoni bejnek u bejn uliedek miftuħa. Ikkunsidra l-​esperjenza taʼ Junko mill-​Ġappun, li għandha 17-​il sena. Hi tgħid: “Darba minnhom, ammettejt m’ommi li kont inħossni iktar komda maʼ sħabi tal-​iskola milli maʼ Kristjani oħrajn. L-​għada sibt ittra mingħand ommi fuq l-​iskrivanija tiegħi. Fl-​ittra kitbitli li anki hi kienet tħoss li kien hemm nuqqas taʼ ħbieb fost il-​Kristjani. Hi fakkritni f’individwi Bibliċi li qdew ’l Alla anki meta ma kellhom lil ħadd biex jinkuraġġihom. Ukoll, hi faħħritni tal-​isforzi li kont għamilt biex nikkultiva ħbiberiji tajbin. Bqajt skantata meta sirt naf li ma kontx l-​unika waħda li ffaċċjajt din il-​problema. Anki ommi kellha din il-​problema, u meta sirt naf, tant ħassejtni ferħana li bdejt nibki. Ġejt inkuraġġita ferm b’dak li kitbitli ommi u ħassejtni msaħħa biex nagħmel is-​sewwa.”

Omm Junko tgħallmet li ż-​żgħażagħ għandhom it-​tendenza li jiftħu qalbhom mal-​ġenituri meta jkunu ċerti li l-​ħsibijiet u s-​sentimenti tagħhom mhumiex se jiġu mwaqqgħin għaċ-​ċajt jew kritikati. Imma x’tistaʼ tagħmel jekk uliedek ikunu jidhru irritati jew saħansitra rrabjati huma u jitkellmu miegħek? Taqax għal-​livell tagħhom. (Rumani 12:21; 1 Pietru 2:23) Minflok, għalkemm is-​sitwazzjoni forsi tkun tidher diffiċli, bl-​eżempju uri kif uliedek għandhom jitkellmu u jġibu ruħhom.

Ftakar dan: Hekk kif ikunu qed isiru adulti, iż-​żgħażagħ jgħaddu minn żmien taʼ bidla. L-​esperti nnotaw li matul dan iż-​żmien, hemm it-​tendenza li l-​imġiba tal-​adoloxxenti tinbidel—xi drabi jaġixxu iktar taʼ kbar u drabi oħrajn jaġixxu iktar taʼ tfal żgħar. Jekk tinnota dan fl-​imġiba taʼ wliedek, x’tistaʼ tagħmel—speċjalment meta jaġixxu taʼ tfal żgħar?

Irreżisti t-​tendenza li tmaqdar jew li tinvolvi ruħek f’argument li ma jwassal imkien. Minflok, ikkunsidra lil uliedek bħala wħud li qed “jitgħallmu kif jaġixxu taʼ adulti.” (1 Korintin 13:11) Pereżempju, jekk ibnek jaġixxi iktar taʼ tifel żgħir u jgħid: “Intom għala dejjem imqabbdin miegħi?” Għandek mnejn tiġik it-​tentazzjoni li twieġbu lura b’rabja. Imma jekk tagħmel hekk, tkun qed titlef għalkollox il-​kontroll tas-​sitwazzjoni u x’aktarx se tidħol f’argument. Minflok, tistaʼ sempliċement tgħid: “Donnok tidher irrabjat. Għax ma niddiskutux din il-​kwistjoni iktar tard, wara li tkun ikkalmajt?” Jekk tagħmel hekk, se żżomm kontroll tas-​sitwazzjoni. Imbagħad se tkunu qed twittu t-​triq għal konversazzjoni, u mhux għal argument.

ARA KAPITLI 1 U 2 TAL-​1 VOLUM

IR-​REGOLI

Għandi nistabbilixxi ħin meta wliedi għandhom jidħlu lura d-​dar?

Sabiex tiġi megħjun twieġeb din il-​mistoqsija, immaġina lilek innifsek f’din is-​sitwazzjoni: Il-​ħin li ibnek kellu jidħol lura d-​dar skorra bi 30 minuta u tismaʼ l-​bieb taʼ barra jinfetaħ bil-​mod il-​mod. ‘Hu qed jittama li jien mort norqod,’ tirraġuna bejnek u bejn ruħek. Ovvjament għadek ma mortx. Fil-​fatt, ilek tistennieh bilqiegħda ħdejn il-​bieb minn xħin suppost kellu jidħol lura d-​dar. Il-​bieb issa miftuħ beraħ u int u ibnek qed tħarsu f’għajnejn xulxin. X’se tgħid? X’se tagħmel?

Għandek għażla. Tistaʼ jew tagħżel li tiħodha ħafif ħafif u forsi tgħid bejnek u bejn ruħek: ‘Huma x’inhuma, subien jibqgħu!’ Jew inkella tistaʼ tmur fl-​estrem l-​ieħor u tgħid: “Mil-​lum ’il quddiem m’hemmx iktar ħruġ.” Minflok ma taġixxi b’mod impulsiv, l-​ewwel agħtih widen u ara jkollux raġuni valida għal xiex ikun ġie tard. Imbagħad, tistaʼ tuża din is-​sitwazzjoni bħala opportunità biex tgħallem lil ibnek lezzjoni importanti. Kif?

Suġġeriment: Għid lil ibnek li flimkien se tiddiskutu l-​kwistjoni l-​għada. Imbagħad, sibu ħin adattat biex tpoġġu bilqiegħda u titkellmu dwar kif se ssolvu l-​problema. Xi ġenituri pprovaw dan li ġej: Jekk binhom jidħol lura d-​dar wara l-​ħin stipulat, darb’oħra, meta jkun irid jerġaʼ joħroġ, ikollu jidħol 30 minuta qabel il-​ħin stipulat. Mill-​banda l-​oħra, jekk binhom jidħol lura d-​dar fil-​ħin b’mod regulari u jagħti prova li hu taʼ min joqgħod fuqu, għandhom mnejn jikkunsidraw li jagħtuh ċerta libertà raġunevoli; xi drabi għandhom mnejn jestendu l-​ħin li suppost jidħol lura d-​dar. Huwa importanti li ibnek ikun jaf b’mod ċar fi xħin ikun mistenni li jidħol lura d-​dar u x’konsegwenzi jkun hemm jekk ma jżommx mal-​ħin stipulat. Imbagħad, trid tagħmel ċert li żżomm kelmtek.

Imma nnota li l-​Bibbja tgħid: “Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli.” (Filippin 4:5) Għalhekk, qabel ma tistipula l-​ħin li ibnek għandu jidħol lura d-​dar, għandek mnejn tkun trid tiddiskuti dan miegħu. Ħalli lilu jissuġġerixxi ħin u itolbu jagħti r-​raġunijiet tiegħu għala jkun għażel proprju dan il-​ħin. Kun lest li tikkunsidra opinjoni differenti minn tiegħek. Jekk ibnek jagħti prova li hu responsabbli, għandek mnejn tkun tistaʼ tikkuntentah jekk il-​ħin ikun raġunevoli.

Il-​puntwalità hija parti mill-​ħajja. Mela meta tistipula ħin li fih ibnek għandu jidħol lura d-​dar mhux biss tkun qed tbiegħed lil ibnek mill-​periklu. Tkun qed tgħallmu abbiltà li se tgħinu anki meta ma jibqax jgħix id-​dar.—Proverbji 22:6.

ARA KAPITLU 3 TAL-​1 VOLUM U KAPITLU 22 TAʼ VOLUME 2

Kif għandi nirreaġixxi meta jinqalgħu konflitti maʼ wliedi dwar l-​ilbies?

Ikkunsidra s-​sitwazzjoni deskritta f’paġna  77 taʼ dan il-​volum. Immaġina li Heather hija bintek. Ma tistax ma tinnotax il-​ħwejjeġ inkaxxati li liebsa, li fil-​fehma tiegħek huma indeċenti. Ir-​reazzjoni tiegħek hija immedjata. “Issa mur f’kamartek u biddel, sinjorina, jew inkella ma tmur imkien!” Atteġġjament bħal dan jistaʼ jwassal għal dak li tixtieq int. Wara kollox, bintek ma tantx għandha għażla ħlief li tobdi. Imma kif se tgħallimha kif għandha tbiddel il-​mod kif taħsibha u mhux il-​mod kif tilbes biss?

● L-​ewwel: Ftakar li l-​konsegwenzi tan-​nuqqas taʼ modestja għandhom jikkonċernaw lil bintek daqskemm jikkonċernaw lilek, jekk mhux iktar. Fl-​aħħar mill-​aħħar, bintek ma tridx tidher taċ-​ċajt jew tattira attenzjoni mhix mixtieqa. Bil-​paċenzja, uri li l-​ilbies immodest żgur mhuwiex attraenti u spjega għala.b Issuġġerilha għażliet oħrajn.

● It-​tieni: Kun raġunevoli. Staqsi lilek innifsek, ‘Din it-​tibdila tmur kontra xi prinċipju Bibliku jew hija sempliċement kwistjoni taʼ gosti personali?’ (2 Korintin 1:24; 1 Timotju 2:9, 10) Jekk hija kwistjoni taʼ gosti, tistaʼ tħalli lil bintek tilbes din it-​tibdila?

● It-​tielet: Lil bintek tgħidilhiex biss liema stili taʼ lbies mhumiex aċċettabbli. Għinha ssib ilbies li jkun adattat. Għala ma tużax is-​sett taʼ mistoqsijiet f’paġni 82 u 83 taʼ dan il-​volum biex jgħinuk tirraġuna maʼ bintek? Se tara li huwa taʼ min jinvesti l-​ħin u jagħmel sforz!

ARA KAPITLU 11 TAL-​1 VOLUM

Għandi nħalli lil uliedi jilagħbu logħob elettroniku?

Il-​logħob elettroniku nbidel ħafna minn kif tiftakru int. Bħala ġenitur, int kif tistaʼ tgħin lil ibnek jinduna bil-​perikli li jistaʼ jkun hemm? U kif jistaʼ jevitahom?

Ma jinkiseb l-​ebda ġid jekk tikkundanna l-​industrija kollha tal-​logħob jew jekk tisħaq b’mod sod li l-​logħob elettroniku mhuwa xejn ħlief ħela taʼ ħin. Ftakar li mhux il-​logħob kollu huwa ħażin. Imma l-​adoloxxenti jistgħu jsiru dipendenti żżejjed minnu. Mela analizza l-​ammont taʼ ħin li ibnek iqattaʼ jilgħab dan il-​logħob. Ukoll, ikkunsidra t-​tip taʼ logħob li ibnek donnu jidher li jħobb jilgħab. Tistaʼ saħansitra tistaqsi ’l ibnek mistoqsijiet bħal dawn:

● Liema logħba hija l-​iktar popolari fost sħabek tal-​klassi?

● X’jiġri fil-​logħba?

● Għala taħseb li din il-​logħba hi daqshekk popolari?

Għandek mnejn tinnota li ibnek jifhem fil-​logħob elettroniku iktar milli ħsibt! Forsi saħansitra lagħab logħob li tħoss li mhuwiex tajjeb. Jekk dan hu l-​każ, tagħmilhomx bi kbar. Din hi opportunità għalik biex tgħin lil ibnek iħarreġ is-​sensi tiegħu.​—Ebrej 5:14.

Staqsi mistoqsijiet li se jgħinu lit-​tifel tiegħek jifhem ir-​raġuni għala jogħġbu logħob li mhuwiex tajjeb. Pereżempju, tistaʼ tistaqsi mistoqsija bħal din:

● Tħoss li sħabek iwarrbuk għax aħna ma nagħtukx permess tilgħab din il-​logħba partikulari?

Xi żgħażagħ għandhom mnejn jilagħbu logħba partikulari sabiex ikollhom fuqiex jitkellmu maʼ sħabhom. Jekk inhu hekk fil-​każ taʼ ibnek, wisq probabbli m’intix se tittratta s-​sitwazzjoni bl-​istess mod li tittrattaha kieku ssir taf li ibnek jogħġbu logħob li jkun fih vjolenza mdemmija jew kontenut sesswali.​—Kolossin 4:6.

Imma xi ngħidu jekk ibnek ikunu jogħġbuh l-​elementi negattivi taʼ xi logħba? Xi żgħażagħ għandhom mnejn ikunu pronti jinsistu li huma ma jiġux effettwati mill-​vjolenza mdemmija tal-​logħob tal-​kompjuter. Huma jirraġunaw, ‘Ma jfissirx li għax nilgħab logħob vjolenti tal-​kompjuter se nkun vjolenti fil-​ħajja reali.’ Jekk ibnek iħossu hekk, iġbidlu l-​attenzjoni lejn Salm 11:5. Bħalma jidher ċar mill-​kliem taʼ din l-​iskrittura, mhuwiex biss il-​fatt li tkun vjolenti li jġib id-​diżapprovazzjoni t’Alla, imma anki li tħobb il-​vjolenza. L-​istess prinċipju japplika għall-​immoralità sesswali u għal kwalunkwe vizzju ieħor li l-​Kelma t’Alla tikkundanna.​—Salm 97:10.

Jekk il-​logħob elettroniku jikkaġuna problema għal ibnek, ipprova dan li ġej:

● Tħallihx jilgħab logħob elettroniku f’xi post fejn hu jkun maqtugħ għalih waħdu, bħal f’xi kamra tas-​sodda.

● Agħmel xi regoli—pereżempju, ma jkollux permess jilgħab logħob qabel ma jkun spiċċa l-​ħowmwerk, qabel l-​ikel, jew qabel xi attività importanti oħra.

● Enfasizza l-​importanza t’attivitajiet li jirrikjedu eżerċizzju fiżiku.

● Osserva lil uliedek huma u jilagħbu l-​logħob elettroniku—jew, saħansitra aħjar minn hekk, kultant ilgħab xi logħba magħhom.

M’għandniex xi ngħidu, sabiex tkun tistaʼ tagħti parir lil uliedek, int irid ikollok il-​libertà tal-​kelma. Għalhekk, staqsi lilek innifsek, ‘Jien liema tip taʼ programmi televiżivi u films nara?’ Tistaʼ tibqaʼ ċert li jekk tgħid ħaġa u tagħmel oħra, uliedek se jindunaw!

ARA KAPITLU 30 TAʼ VOLUME 2

Xi ngħidu jekk ibni jkun dipendenti żżejjed mill-​mowbajl, mill-​kompjuter, jew minn affarijiet elettroniċi oħrajn?

Ibnek iqattaʼ wisq ħin fuq l-​Internet? Jibgħat u jirċievi ħafna messaġġi bil-​mowbajl? Iqattaʼ iktar ħin juża l-​MP3 plejer milli jitkellem miegħek? Jekk inhu hekk, x’tistaʼ tagħmel?

Tistaʼ sempliċement taqbad u tiħodlu l-​oġġett elettroniku. Imma tasalx għall-​konklużjoni li t-​teknoloġija kollha hija ħażina. Wara kollox, probabbilment anki int tuża xi tip taʼ oġġett elettroniku li ma kienx jeżisti fi żmien il-​ġenituri tiegħek. Mela, taqbadx u tiħodlu l-​oġġett elettroniku—sakemm ma jkunx hemm xi raġuni valida għal xiex għandek tagħmel dan. Minflok, għala ma tużax din is-​sitwazzjoni bħala opportunità biex tħarreġ lil ibnek kif juża l-​affarijiet elettroniċi bil-​għaqal u bil-​moderazzjoni? Kif tistaʼ tagħmel dan?

Poġġi bilqiegħda u ddiskuti l-​kwistjoni maʼ ibnek. L-​ewwel, għidlu x’qed jinkwetak. It-​tieni, agħti widen għal dak li għandu xi jgħid hu. (Proverbji 18:13) It-​tielet, flimkien sibu soluzzjonijiet prattiċi. Toqgħodx tibżaʼ tagħmel regoli stretti, imma kun raġunevoli. Żagħżugħa jisimha Ellen tgħid: “Meta kelli problema għax kont nibgħat ħafna messaġġi bil-​mowbajl, il-​ġenituri tiegħi ma ħadulix il-​mowbajl; sempliċement tawni xi istruzzjonijiet. Il-​mod kif ittrattaw din is-​sitwazzjoni għenni nsib bilanċ meta niġi biex nibgħat il-​messaġġi, saħansitra anki meta l-​ġenituri tiegħi ma jkunux miegħi.”

Imma xi ngħidu jekk ibnek jipprova jiġġustifika ruħu? Tikkonkludix li l-​parir tiegħek waqaʼ fuq widnejn torox. Minflok, kun paċenzjuż u agħti ċans lil ibnek jaħseb dwar is-​sitwazzjoni. Il-​probabbiltà hi li hu diġà jaqbel miegħek u se jagħmel il-​bidliet neċessarji. Ħafna żgħażagħ jaħsbuha bħal tfajla adoloxxenti jisimha Hailey, li tgħid: “Għall-​ewwel ħadt għalija meta l-​ġenituri tiegħi qaluli li kont sirt dipendenti mill-​kompjuter. Imbagħad, iktar ma ħsibt dwar dan, iktar irrealizzajt li kellhom raġun.”

ARA KAPITLU 36 TAL-​1 VOLUM

IL-​LIBERTÀ

Kemm għandi nagħtih libertà lil ibni?

Din il-​mistoqsija tistaʼ tidher komplikata meta tikkunsidra kwistjonijiet taʼ privatezza. Pereżempju, xi ngħidu kieku ibnek ikun f’kamartu bil-​bieb magħluq? Għandek taqbad u tidħol mingħajr ma tħabbat? Jew xi ngħidu jekk bintek ħalliet il-​mowbajl warajha hekk kif ħarġet tiġri ’l barra lejn l-​iskola? Għandek tissindikalha fil-​mowbajl tagħha?

Dawn mhumiex mistoqsijiet faċli biex twiġibhom. Bħala ġenitur għandek id-​dritt li tkun taf x’inhu jiġri fil-​ħajja t’ibnek u int taħt obbligu li żżommu ’l bogħod mill-​periklu. Imma ma tistax toqgħod għassa fuq uliedek 24 siegħa kuljum. Allura kif tistaʼ ssib bilanċ?

L-​ewwel: Għandek tkun taf li l-​fatt li adoloxxent ikun jixtieq il-​privatezza mhux dejjem ifisser li qed jistieden l-​inkwiet. Spiss, dan hu normali fl-​iżvilupp. Il-​privatezza tgħin liż-​żgħażagħ jaqdfu għal rashom hekk kif jibnu l-​ħbiberiji tagħhom stess u jiffaċċjaw il-​problemi li jkollhom billi jużaw “il-​qawwa tar-​raġuni” tagħhom. (Rumani 12:1, 2) Il-​privatezza tgħin liż-​żgħażagħ jiżviluppaw l-​abbiltà tal-​ħsib—kwalità vitali jekk iridu jirnexxu bħala adulti responsabbli. Ukoll, tagħtihom opportunità biex jimmeditaw qabel ma jieħdu deċiżjonijiet jew biex iwieġbu mistoqsijiet diffiċli.​—Proverbji 15:28.

It-​tieni: Żomm f’moħħok li jekk tipprova tiddettalu kull ħaġa li għandu jagħmel, ibnek għandu mnejn jieħdok fuq demm id-​dars u jirribella. (Efesin 6:4; Kolossin 3:21) Ifisser dan li għandek tħalli kollox għaddej? Le, għax xorta int għadek il-​ġenitur. Però, l-​iskop hu li ibnek jiżviluppa kuxjenza mħarrġa. (Dewteronomju 6:6, 7; Proverbji 22:6) Fl-​aħħar mill-​aħħar, aħjar tkun taʼ gwida għalih milli tkun bħal seqer fuqu.

It-​tielet: Iddiskuti l-​kwistjoni maʼ ibnek. Agħtih widen meta jesprimi t-​tħassib tiegħu. Kultant tistaʼ ċċedi xi ftit? Għid lil ibnek li int se tagħtih ċerta privatezza dment li ma jiħux vantaġġ mill-​fiduċja tiegħek. Spjega l-​konsegwenzi li jiġu jekk ma jobdix u jekk ikun hemm bżonn iddixxiplinah. Ibqaʼ ċert li tistaʼ tagħti lil ibnek ammont taʼ privatezza mingħajr ma tittraskura l-​irwol tiegħek bħala ġenitur tajjeb.

ARA KAPITLI 3 U 15 TAL-​1 VOLUM

Ibni meta għandu jispiċċa l-​iskola?

“Kemm huma monotoni l-​għalliema tiegħi!” “Jagħtuni wisq ħowmwerk!” “Ngħaddi bi żbrixx mill-​eżamijiet—għala ħa noqgħod nipprova?” Minħabba frustrazzjonijiet bħal dawn, xi żgħażagħ jitħajru jitilqu mill-​iskola qabel ma jkunu kwalifikati biżżejjed biex isibu xogħol. Jekk ibnek irid jitlaq mill-​iskola, x’tistaʼ tagħmel? Ipprova dan li ġej:

● Eżamina l-​attitudni tiegħek lejn l-​edukazzjoni. Kont int tqis l-​iskola bħala ħela taʼ ħin, bħallikieku kienet xi ‘sentenza taʼ ħabs’ li kellek tissaporti sakemm stajt tilħaq miri iktar importanti? Jekk inhu hekk, uliedek jistgħu jirriflettu l-​istess attitudni li kellek int. Il-​fatt hu li edukazzjoni bilanċjata se tgħinhom jiksbu ‘l-​għaqal u l-​abbiltà li jaħsbu’—kwalitajiet li għandhom bżonn biex jilħqu l-​miri tagħhom.​—Proverbji 3:21.

● Ipprovdi l-​affarijiet meħtiġin għall-​istudju. Xi wħud għandhom mnejn iġibu marki aħjar minn taʼ ibnek, però dan ma jfissirx li jafu jistudjaw jew li għandhom post adattat biex jagħmlu dan. Post taʼ studju tajjeb jistaʼ jikkonsisti fi skrivanija mingħajr imbarazz, b’dawl suffiċjenti u attrezzata tajjeb għar-​riċerki. Tistaʼ tgħin lil ibnek jimxi ’l quddiem—kemm sekularment u kemm spiritwalment—billi tipprovdi dak li hemm bżonn biex ikun jistaʼ jimmedita fuq ħsibijiet u ideat ġodda.​—Qabbel l-​1 Timotju 4:15.

● Involvi ruħek. Qis lill-​għalliema u lill-​guidance teachers bħala ħbieb u mhux bħala għedewwa tiegħek. Iltaqaʼ magħhom u sir af x’jisimhom. Tkellem magħhom dwar il-​miri u l-​isfidi t’ibnek. Jekk ibnek qed isibha diffiċli biex jgħaddi mill-​eżamijiet, ipprova ara x’qed jikkaġuna dan. Pereżempju, iħoss ibnek li jekk jirnexxi fl-​iskola se jiġi bbuljat? Hemm xi problema maʼ xi għalliem? Xi ngħidu dwar is-​suġġetti? Huwa veru li jrid jagħmel ħiltu, imma s-​suġġetti li qed jistudja m’għandhomx iġegħluh iħossu mgħobbi żżejjed. Jew jistaʼ jagħti l-​każ li l-​kaġun tal-​problema huwa wieħed fiżiku, bħalma hija vista batuta, jew xi tip taʼ nuqqas t’abbiltà biex jitgħallem?

Iktar ma tkun involut fit-​taħriġ t’ibnek, kemm sekulari u kemm spiritwali, iktar ikun hemm ċans li ibnek ikollu suċċess.​—Salm 127:4, 5.

ARA KAPITLU 19 TAL-​1 VOLUM

Kif nistaʼ nkun naf jekk ibni huwiex lest biex jitlaq mid-​dar?

Serena, li ġiet kwotata f’Kapitlu 7 taʼ dan il-​volum, tibżaʼ titlaq mid-​dar. X’inhi waħda mir-​raġunijiet? Hi tgħid: “Anki meta nkun irrid nixtri xi ħaġa bi flusi, missieri ma jħallinix. Hu jgħid li huwa d-​dmir tiegħu. Allura, il-​ħsieb li rrid inħallas il-​kontijiet tiegħi stess ibeżżagħni.” Bla dubju, missier Serena jixtieq jagħmel il-​ġid, imma taħseb li qed jgħin lil bintu tipprepara ruħha biex timmaniġġa d-​dar tagħha stess?—Proverbji 31:10, 18, 27.

Huma wliedek protetti żżejjed u għalhekk mhumiex preparati biżżejjed biex jgħixu għal rashom? Kif tistaʼ tkun taf? Ikkunsidra l-​erbaʼ kapaċitajiet li ġejjin, li huma msemmijin ukoll f’Kapitlu 7 taħt is-​sottitlu “Lest Jien?”​—imma issa agħmel dan mill-​perspettiva taʼ ġenitur.

Kif tqassam il-​flus. Jafu wliedek, li jkunu laħqu ċerta età, kif jimlew formola tat-​taxxa? Jafu x’għandhom jagħmlu biex jimxu skont il-​liġi lokali tat-​taxxa? (Rumani 13:7) Jafu jużaw il-​flus b’mod responsabbli? (Proverbji 22:7) Jistgħu jagħmlu baġit tad-​dħul tagħhom u mbagħad imiddu riġlejhom skont friexhom? (Luqa 14:28-​30) Ġieli esperjenzaw il-​ferħ taʼ meta jixtru xi ħaġa bi flus li jkunu ħadmu għalihom huma stess? Esperjenzaw ferħ saħansitra ikbar li jiġi meta jagħtu mill-​ħin u mir-​riżorsi tagħhom biex jgħinu lil oħrajn?​—Atti 20:35.

Kif tieħu ħsieb ix-​xogħol tad-​dar. Jafu jsajru wliedek il-​bniet kif ukoll is-​subien? Għallimthom kif jaħslu u jgħaddu l-​ħwejjeġ? Jekk isuqu karozza, jistgħu wliedek jagħmlu manutenzjoni sempliċi mingħajr ma jweġġgħu bħal, pereżempju, li jbiddlu ż-​żejt, xi fjus, jew xi panċer?

Kif tingwalaha maʼ ħaddieħor. Meta wliedek, li jkunu laħqu ċerta età, ikollhom xi nuqqas taʼ qbil, dejjem ikollok tagħmilha taʼ referì billi timponi s-​soluzzjoni finali tiegħek għall-​problema? Jew ħarriġthom biex jirranġaw il-​problema bejniethom b’mod paċifiku u mbagħad jiġu jgħidulek kif ikunu baqgħu?​—Mattew 5:23-​25.

Ir-​rutina spiritwali tiegħek. Lil uliedek tgħidilhom x’għandhom jemmnu? Jew tikkonvinċihom? (2 Timotju 3:14, 15) Minflok ma toqgħod dejjem twiġbilhom il-​mistoqsijiet tagħhom dwar ir-​reliġjon u l-​livelli morali, qed tgħallimhom jiżviluppaw ‘l-​abbiltà li jaħsbu’? (Proverbji 1:4) Tridhom isegwu l-​eżempju tiegħek fejn jidħol l-​istudju personali tal-​Bibbja? Jew tridhom jagħmlu xi ħaġa aħjar minnek?c

Bla dubju, jeħtieġ il-​ħin u sforz konsiderevoli biex tħarreġ lil uliedek fl-​oqsma li għadhom kif issemmew. Imma meta jasal iż-​żmien mhux daqstant sabiħ li jkollok tgħannaqhom għax ikunu se jitilqu mid-​dar, tirrealizza kemm il-​barkiet huma taʼ min jistinka għalihom.

ARA KAPITLU 7 TAL-​1 VOLUM

IS-​SESS U N-​NAMUR

Għandi nitkellem maʼ wliedi dwar is-​sess?

Is-​suġġett tas-​sess qed jiġi introdott lit-​tfal minn età tenera ħafna. Żmien twil ilu, il-​Bibbja bassret li “l-​aħħar jiem” kellhom ikunu “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom” li matulhom in-​nies ikunu “mingħajr rażna” u “jħobbu l-​pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.” (2 Timotju 3:1, 3, 4) Is-​sess każwali huwa wieħed minn ħafna indikazzjonijiet li din il-​profezija twettqet.

Hemm baħar jaqsam bejn id-​dinja tal-​lum u d-​dinja li ġejt imrobbi fiha int. Imma f’ċerti każi, il-​problemi huma l-​istess. Mela toqgħodx tinkwieta żżejjed jew tibżaʼ mill-​influwenzi ħżiena li t-​tfal tiegħek huma mdawrin bihom. Minflok, kun determinat li tgħinhom jagħmlu bħalma ħeġġeġ l-​appostlu Pawlu lill-​Kristjani xi 2,000 sena ilu. Hu qalilhom: “Ilbsu l-​armatura sħiħa mingħand Alla biex tkunu tistgħu żżommu sod kontra t-​tnassis tax-​Xitan.” (Efesin 6:11) Il-​fatt hu li ħafna żgħażagħ Kristjani huma taʼ min ifaħħarhom għax qed jiġġieldu għal dak li hu sewwa, minkejja l-​influwenzi negattivi li għandhom madwarhom. Kif tistaʼ tgħin lil uliedek jagħmlu l-​istess?

Mod wieħed hu billi tibda konversazzjoni u tuża kapitli magħżulin mir-​4 Sezzjoni taʼ dan il-​ktieb u mill-​1 u mis-​7 Sezzjoni taʼ Volume 2. Il-​kapitli jikkonsistu minn skritturi taʼ min jaħseb fuqhom. Uħud mill-​iskritturi jenfasizzaw l-​eżempji reali taʼ nies li jew ħadu waqfa għal dak li hu sewwa u rċivew barkiet, jew inkella li injoraw il-​liġijiet t’Alla u batew il-​konsegwenzi. Skritturi oħrajn jinkludu prinċipji li jistgħu jgħinu lil uliedek jirrikonoxxu l-​privileġġ kbir li kemm huma u kemm int bħala ġenitur għandkom peress li tgħixu fi qbil mal-​liġijiet t’Alla. Għala ma tippjanax li tirrivedi dan il-​materjal magħhom mill-​aktar fis?

ARA KAPITLI 23, 25, U 32 TAL-​1 VOLUM U KAPITLI 4-​6, 28, U 29 TAʼ VOLUME 2

Għandi nħalli lil ibni jibda joħroġ maʼ xi ħadd tas-​sess oppost?

Il-​kwistjoni tan-​namur żgur li hi xi ħaġa li llum jew għada wliedek iridu jiffaċċjawha. Philip jgħid: “M’għandix għalfejn inħabbel rasi! It-​tfajliet jistaqsuni biex noħroġ magħhom u jien nibda ngħid bejni u bejn ruħi: ‘Issa x’se nagħmel?’ Huwa diffiċli biex ngħid le għax uħud mit-​tfajliet ikunu veru ħelwin!”

L-​aħjar ħaġa li tistgħu tagħmlu bħala ġenituri hi li titkellmu maʼ wliedkom dwar in-​namur, forsi billi tużaw Kapitlu 1 taʼ Volume 2 bħala bażi għad-​diskussjoni. Siru afu kif iħossuhom uliedkom dwar l-​isfidi li jiffaċċjaw fl-​iskola u anki fil-​kongregazzjoni Kristjana. Ġieli, diskussjonijiet bħal dawn jistgħu jsiru b’mod informali, bħal “meta toqgħod bil-​qiegħda f’darek u meta timxi fit-​triq.” (Dewteronomju 6:6, 7) Tkunu fejn tkunu, ftakru li għandkom tkunu ‘ħfief biex tisimgħu, tqal biex titkellmu.’​—Ġakbu 1:19.

Jekk ibnek jew bintek turi interess f’xi ħadd tas-​sess oppost, tippanikjax. “Meta missieri sar jaf li kont qed noħroġ maʼ ġuvni, veru ħadha bi kbira!” tgħid tfajla. “Hu pprova jbeżżagħni billi staqsieni ħafna mistoqsijiet dwar jekk iniex lesta għaż-​żwieġ. Meta tkun għadek żgħira dawn il-​mistoqsijiet jistgħu jġegħluk tħossok li trid tkompli bir-​relazzjoni sempliċement biex tagħti prova lill-​ġenituri tiegħek li huma m’għandhomx raġun!”

Jekk ibnek jaf li int lanqas biss trid titkellem dwar in-​namur, tistaʼ tiġri xi ħaġa mhix mixtieqa—hu għandu mnejn ikompli bir-​relazzjoni minn wara dahrek. Tfajla tgħid: “Meta l-​ġenituri jagħmluhom bi kbar, iktar iġiegħlu lit-​tfal jaħbu r-​relazzjoni tagħhom. Mhux talli ma jtemmux ir-​relazzjoni imma talli iktar jagħmlu l-​affarijiet minn taħt.”

Ir-​riżultati jkunu ħafna aħjar meta d-​diskussjonijiet isiru bil-​miftuħ. Brittany, li għandha 20 sena, tgħid: “Il-​ġenituri tiegħi minn dejjem tkellmu bil-​miftuħ miegħi dwar in-​namur. Huwa importanti għalihom li jkunu jafu lil min niffansja u naħseb li din hi xi ħaġa sabiħa! Imbagħad, missieri jkellem lill-​ġuvni li jkolli interess fih u jekk ikun hemm xi affarijiet li jinkwetaw lill-​ġenituri tiegħi, huma jgħiduli dwarhom. Normalment, jien niddeċiedi li ġuvni ma jkunx jgħodd għalija qabel ma nibda noħroġ miegħu.”

Madankollu, wara li taqra Kapitlu 2 taʼ Volume 2, tistaʼ tgħaddilek minn rasek din il-​mistoqsija: ‘Sejjer ibni joħroġ maʼ xi tfajla minn wara dahri?’ Innota x’jgħidu xi żgħażagħ dwar għala xi wħud jitħajru joħorġu maʼ xi ħadd bil-​moħbi. Imbagħad, aħseb dwar il-​mistoqsijiet li ġejjin wara l-​kwotazzjonijiet.

“Xi żgħażagħ ma jsibux faraġ id-​dar, allura jiddeċiedu li jfittxu ġuvni jew tfajla.”​—Wendy.

Bħala ġenitur, kif tistaʼ tagħmel ċert li qed tieħu ħsieb sew il-​bżonnijiet emozzjonali taʼ wliedek? Tistaʼ tagħmel xi titjib f’dan l-​aspett? Jekk iva, x’tistaʼ tagħmel?

“Meta kelli 14-​il sena, student barrani staqsieni biex noħroġ miegħu u jien aċċettajt. Ħsibt li tkun xi ħaġa sabiħa li ġuvni jdawwar dirgħajh miegħi.”—Diane.

Kieku Diane kienet bintek, kif kont taġixxi f’din is-​sitwazzjoni?

“Il-​mowbajls jagħmluha faċli biex wieħed ikollu relazzjoni bil-​moħbi maʼ xi ħadd tas-​sess oppost. Il-​ġenituri ma jkollhomx l-​iċken ħjiel taʼ xi jkun qed jiġri!”​—Annette.

Liema prekawzjonijiet tistaʼ tieħu fejn jidħol l-​użu li jagħmlu wliedek mill-​mowbajl?

“Ikun iktar faċli li toħroġ bil-​moħbi maʼ xi ħadd tas-​sess oppost meta l-​ġenituri ma jkunux attenti biżżejjed għal x’qed jagħmlu wliedhom u maʼ min.”​—Thomas.

Hemm xi modi kif tistaʼ tkun iktar involut fil-​ħajja taʼ wliedek u fl-​istess ħin tagħtihom il-​libertà xierqa?

“Il-​ġenituri spiss iħallu ’l uliedhom waħedhom id-​dar. Jew inkella jafdaw lit-​tfal wisq billi jħalluhom joħorġu m’oħrajn.”​—Nicholas.

Aħseb f’ibnek u fil-​ħbieb tiegħu. Taf verament xi jkunu qed jagħmlu meta jkunu flimkien?

“Jistaʼ jkun li meta l-​ġenituri jkunu stretti żżejjed, l-​ulied joħorġu bil-​moħbi maʼ xi ħadd tas-​sess oppost.”​—Paul.

Mingħajr ma tagħmel kompromess mil-​liġijiet u l-​prinċipji tal-​Bibbja, kif tistaʼ tħalli lil kulħadd ikun jaf ‘kemm int raġunevoli’?​—Filippin 4:5.

“Fl-​ewwel snin tal-​adoloxxenza tiegħi, kelli stima baxxa tiegħi nnifsi u kont nixxennaq għall-​attenzjoni. Permezz tal-​e-​mails, bdejt nikkuntattja ġuvni minn kongregazzjoni viċin tiegħi u sirt inħobbu. Kien iġegħelni nħossni speċjali.”​—Linda.

Tistaʼ taħseb f’xi modi aħjar kif il-​familja setgħet tissodisfa l-​bżonnijiet taʼ Linda?

Għala ma tużax Kapitlu 2 taʼ Volume 2 flimkien maʼ din is-​sezzjoni tal-​Appendiċi bħala bażi għad-​diskussjoni maʼ wliedek? L-​aħjar mod kif tevita li wliedek jaħbu minnek huwa li tikkomunika magħhom mill-​qalb u bis-​sinċerità.​—Proverbji 20:5.

ARA KAPITLI 1-​3 TAʼ VOLUME 2

IL-​PROBLEMI EMOZZJONALI

Kif għandi nirreaġixxi jekk ibni jibda jitkellem dwar is-​suwiċidju?

F’xi partijiet tad-​dinja, is-​suwiċidju fost iż-​żgħażagħ huwa komuni b’mod allarmanti. Pereżempju, fl-​Istati Uniti, is-​suwiċidju huwa t-​tielet fattur l-​iktar komuni li jikkaġuna l-​mewt fost iż-​żgħażagħ li għandhom bejn 15 u 25 sena, u matul dawn l-​aħħar għoxrin sena, ir-​rata tas-​suwiċidju fost dawk li għandhom bejn 10 snin u 14-​il sena rdoppjat. L-​iktar uħud li qegħdin f’riskju jinkludu ż-​żgħażagħ li jkunu jbatu minn xi problema taʼ saħħa mentali, dawk li jkollhom lil xi qraba li jkunu kkommettew suwiċidju, u dawk li fil-​passat ikunu pprovaw jikkommettu suwiċidju. Xi sinjali taʼ twissija li jindikaw li żagħżugħ għandu mnejn ikun qed jaħseb biex ineħħi ħajtu b’idejh jinkludu dawn li ġejjin:

● Iżolament mill-​familja u mill-​ħbieb

● Tibdil fir-​rutina tal-​ikel u tal-​irqad

● Nuqqas t’interess f’attivitajiet li qabel kienu pjaċevoli għalih

● Kambjament kbir fil-​personalità

● Abbuż mid-​drogi u mill-​alkoħol

● Għoti tal-​affarijiet li jkollu għal qalbu lil ħaddieħor

● Diskors dwar il-​mewt jew tħassib dwar affarijiet relatati mal-​mewt

Wieħed mill-​ikbar żbalji li ġenitur jistaʼ jagħmel huwa li jinjora sinjali taʼ twissija bħal dawn. Ħu s-​sinjali kollha bis-​serjetà. Taqbadx u tikkonkludi li ibnek sempliċement għaddej minn xi fażi.

Barra minn hekk, tistħix tfittex l-​għajnuna għal ibnek jekk hu jkun isofri minn dipressjoni qawwija jew minn xi marda mentali oħra. U jekk tissuspetta li ibnek irid itemm ħajtu b’idejh ħeġġu jiftaħ qalbu. L-​idea li jekk żagħżugħ sempliċement jitkellem dwar is-​suwiċidju jkun qed jiġi inkuraġġit jikkommetti suwiċidju, hija falza. Ħafna żgħażagħ jieħdu r-​ruħ meta l-​ġenituri jqajmu s-​suġġett. Allura, jekk ibnek jammetti li jkollu l-​ħsieb li jikkommetti suwiċidju, skopri jekk ikunx ippjana kif biħsiebu jagħmel dan, u jekk inhu hekk, ara kemm hu dettaljat il-​pjan. Iktar ma jkun dettaljat, iktar jeħtieġ li taġixxi malajr.

Tassumix li d-​dipressjoni se tgħib waħedha. Anki jekk tkun tidher li qed tgħib, taħsibx li l-​problema tkun solvuta. Anzi, dan jistaʼ jkun l-​iktar mument perikoluż. Għala? Għax waqt li jkun għaddej mill-​agħar mumenti tad-​dipressjoni, żagħżugħ għandu mnejn ma jkollux biżżejjed enerġija biex jaġixxi fuq il-​ħsibijiet li jkollu dwar is-​suwiċidju. Però, hekk kif jerġaʼ jiġi f’tiegħu u jikseb lura l-​enerġija, iż-​żagħżugħ għandu mnejn ikollu l-​istamina biex iwettaq l-​azzjoni.

Huwa tabilħaqq traġiku li minħabba d-​disprament li jesperjenzaw, xi żgħażagħ jikkunsidraw li jikkommettu suwiċidju. Jekk joqogħdu attenti għas-​sinjali u jieħdu azzjoni, il-​ġenituri u adulti oħrajn bi mħabba jistgħu ‘jikkonslaw lid-​dipressi’ u juru li huma taʼ refuġju għaż-​żgħażagħ.​—1 Tessalonikin 5:14.

ARA KAPITLI 13 U 14 TAL-​1 VOLUM U KAPITLU 26 TAʼ VOLUME 2

Għandi naħbi n-​niket tiegħi minn uliedi?

In-​niket li ġġib magħha l-​mewt tas-​sieħeb jew sieħba fiż-​żwieġ huwa esperjenza taʼ wġigħ il-​qalb. Jekk għandek iben adoloxxenti, hu jkollu bżonn l-​għajnuna tiegħek. Kif tistaʼ tgħinu jkampa man-​niket tiegħu filwaqt li ma tinjorax in-​niket li ġġarrab int stess?d Ipprova dan li ġej:

● Taħbix is-​sentimenti tiegħek. Ibnek tgħallem mingħandek ħafna mill-​iktar affarijiet importanti tal-​ħajja. Ħaġa oħra importanti li se jitgħallem mingħandek hi kif ikampa man-​niket. Għalhekk, taħbix in-​niket kollu tiegħek minnu għax tħoss li għandek tkun b’saħħtek għal ibnek. B’dan l-​aġir ma tkun qed tgħallmu xejn iktar ħlief li jagħmel bħalek. B’kuntrast, meta int tesprimi l-​uġigħ emozzjonali, hu se jitgħallem li spiss ikun aħjar li tesprimi s-​sentimenti milli taħbihom, u li huwa normali li jħossu mdejjaq, frustrat, jew saħansitra rrabjat.

● Ħeġġeġ lil ibnek jiftaħ qalbu. Mingħajr ma tisforzah, inkuraġġixxi lil ibnek jesprimi s-​sentimenti ġewwinin tiegħu. Jekk donnu jkun qed iżomm lura, għala ma tiddiskutix Kapitlu 16 taʼ dan il-​volum? Barra minn hekk, tkellem dwar il-​bosta memorji sbieħ li għandek tas-​sieħeb jew sieħba li ġiet nieqsa. Ammetti li se jkun diffiċli għalik biex tkompli bil-​ħajja. Meta jisimgħek tesprimi s-​sentimenti tiegħek, ibnek se jiġi megħjun jitgħallem kif jagħmel l-​istess.

● Agħraf il-​limitazzjonijiet tiegħek. Naturalment, int tixtieq tagħti appoġġ sħiħ lil ibnek matul dan iż-​żmien diffiċli. Imma, ftakar li n-​nuqqas tal-​għażiż sieħeb jew sieħba tiegħek effettwak bl-​ikrah. Minħabba f’hekk, jistaʼ jagħti l-​każ li l-​istamina emozzjonali, mentali, u fiżika tkun battiet, sa ċertu punt, għal xi żmien. (Proverbji 24:10) Allura, għandu mnejn ikollok bżonn titlob l-​għajnuna u s-​sapport taʼ membri oħrajn tal-​familja li jkunu adulti u taʼ ħbieb maturi. Li titlob l-​għajnuna huwa sinjal taʼ maturità. Proverbji 11:2 jgħid: “L-​għerf hu mal-​modesti.”

L-​aqwa sapport li jistaʼ jkollok jiġi minn Alla Ġeħova nnifsu, li jwiegħed lill-​aduraturi tiegħu: “Jien, Ġeħova Alla tiegħek, qed naqbdek minn idek il-​leminija u ngħidlek, ‘Tibżax. Jien stess ngħinek.’”​—Isaija 41:13.

ARA KAPITLU 16 TAL-​1 VOLUM

Kif nistaʼ ngħin lil binti jkollha ħarsa bilanċjata lejn id-​dieta?

Jekk bintek sfat vittma taʼ problemi konnessi mal-​ikel, x’tistaʼ tagħmel?e L-​ewwel ipprova ifhem għala hi waslet għal dan l-​atteġġjament.

Ġie nnotat li bosta wħud li jbatu minn problemi konnessi mal-​ikel ikollhom stima baxxa tagħhom infushom u jkunu perfezzjonisti, u b’hekk jistennew wisq minnhom infushom. Agħmel ċert li int ma tagħmel xejn li jwassal lil bintek biex taqaʼ f’dawn il-​vizzji. Għinha tħossha iktar kunfidenti.—1 Tessalonikin 5:11.

Barra minn hekk, analizza l-​attitudni tiegħek stess lejn l-​ikel u l-​piż. Ġieli, bla ma kont taf, tajt importanza żejda lil dawn l-​affarijiet, sew bil-​kliem u sew bl-​eżempju? Ftakar li ż-​żgħażagħ huma konxji ħafna tal-​apparenza tagħhom. Saħansitra l-​inkejja dwar it-​tul u d-​daqsxejn ħxuna, li huma normali waqt l-​iżvilupp fl-​adoloxxenza, tistaʼ tħalli effett negattiv fuq il-​moħħ taʼ min ikun xi ftit jew wisq sensittiv.

Ladarba tkun tlabt dwar il-​kwistjoni, tkellem maʼ bintek mill-​qalb. Biex tagħmel hekk, ipprova dan li ġej:

● Ippjana bir-​reqqa x’se tgħid u meta se tgħidu.

● Esprimi b’mod ċar it-​tħassib tiegħek u x-​xewqa li tgħin.

● Tiħodhiex bi kbira jekk għall-​ewwel hi tirreaġixxi b’mod difensiv.

● Agħti widen bil-​paċenzja.

L-​iktar ħaġa importanti hi li tagħti lil bintek l-​appoġġ sħiħ tiegħek ħalli tegħleb il-​problema tagħha. Stinkaw biex bħala familja tgħinuha tirkupra!

ARA KAPITLU 10 TAL-​1 VOLUM U KAPITLU 7 TAʼ VOLUME 2

L-​ISPIRITWALITÀ

Kif nistaʼ nkompli ngħallem il-​valuri spiritwali ’l uliedi hekk kif jibdew l-​adoloxxenza?

Il-​Bibbja tgħid li Timotju ngħata taħriġ spiritwali ‘mindu kien tarbija,’ u int bħala ġenitur probabbilment tajt l-​istess taħriġ lil uliedek. (2 Timotju 3:15) Però, meta wliedek isiru adoloxxenti, il-​metodi taʼ taħriġ għandhom mnejn ikunu jridu jiġu adattati għaċ-​ċirkustanzi l-​ġodda. Issa li qed jikbru, uliedek bdew jifhmu affarijiet komplessi u astratti li ma setgħux jifhmuhom bis-​sħiħ meta kienu iżgħar. Issa, iktar minn qatt qabel, jeħtieġ tħeġġiġhom jużaw “il-​qawwa tar-​raġuni” tagħhom.​—Rumani 12:1.

Meta kiteb lil Timotju, Pawlu semma dak li Timotju kien ‘tgħallem u li emmen għax sar konvint li hu minnu.’ (2 Timotju 3:14) Issa għandu mnejn li wliedek ikollhom bżonn ‘jemmnu’ l-​veritajiet tal-​Bibbja li jkunu ilhom jafu minn tfulithom ‘għax saru konvinti li huma minnhom.’ Sabiex tilħqilhom qalbhom, m’għandekx biss sempliċement tgħidilhom x’għandhom jagħmlu jew x’għandhom jemmnu. Jeħtieġ li jitgħallmu minn jeddhom. Kif tistaʼ tgħinhom? Ibda billi tagħtihom ħafna opportunitajiet biex jirraġunaw u jitkellmu dwar mistoqsijiet bħal dawn li ġejjin:

● X’jikkonvinċini li Alla jeżisti?​—Rumani 1:20.

● Kif naf li dak li qed jgħallmuni l-​ġenituri tiegħi mill-​Bibbja huwa l-​verità?​—Atti 17:11.

● X’jikkonvinċini li l-​livelli tal-​Bibbja huma għall-​ġid tiegħi stess?​—Isaija 48:17, 18.

● Kif naf li l-​profeziji tal-​Bibbja se jitwettqu?​—Ġożwè 23:14.

● X’jikkonvinċini li xejn f’din id-​dinja ma jistaʼ jiġi mqabbel mal-​“valur imprezzabbli taʼ l-​għarfien dwar Kristu Ġesù”?​—Filippin 3:8.

● Xi jfisser għalija s-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa?​—2 Korintin 5:14, 15; Galatin 2:20.

Int għandek mnejn iżżomm lura milli tagħmel mistoqsijiet bħal dawn lil uliedek għax tibżaʼ li ma jkunux kapaċi jwiġbuhom. Imma dan ikun bħallikieku qed iżżomm lura milli tiċċekkja kemm ikollok fjuwil fil-​karozza għax tibżaʼ li t-​tank ikun vojt. Jekk ikun vojt, aħjar issir taf waqt li tkun għadek tistaʼ tieħu azzjoni! Bl-​istess mod, issa—waqt li wliedek għadhom id-​dar—huwa ż-​żmien li tgħinhom jagħmlu riċerka, u b’hekk isiru jafu t-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet tagħhom dwar il-​fidi. Permezz t’hekk, huma jibdew ‘jemmnu għax isiru konvinti.’f

Ftakar li m’hemm xejn ħażin li ibnek jistaqsi: “Għala nemmen dan?” Diane, li għandha 22 sena, tiftakar li anki hi staqsiet mistoqsija bħal din meta kienet għadha fl-​adoloxxenza. “Ridt inkun ċerta mit-​twemmin tiegħi,” tgħid hi. “Li niżviluppa tweġibiet ċari u konkreti ġegħelni nirrealizza li kont kuntenta li jien waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova! Kull meta kienu jistaqsuni dwar xi ħaġa li ma kontx nieħu sehem fiha, minflok ma kont inwiġibhom: ‘Dan imur kontra r-​reliġjon tiegħi,’ jien kont inwieġeb: ‘Jien ma nemminx li huwa tajjeb.’ Fi kliem ieħor, għamilt il-​ħarsa tal-​Bibbja l-​ħarsa tiegħi.”

Suġġeriment: Sabiex tħeġġeġ lil ibnek juża l-​qawwa tar-​raġuni tiegħu rigward il-​livelli tal-​Bibbja, itolbu jieħu l-​irwol taʼ ġenitur meta tinqalaʼ problema. Pereżempju, ejja ngħidu li bintek talbitek permess biex tmur party li int (u probabbilment anki hi) taf li hu dubjuż. Minflok ma sempliċement twieġeb le, int tistaʼ tgħid xi ħaġa hekk: ‘Dak li nixtieq mingħandek hu li tidħol fiż-​żarbuna tiegħi. Aħseb dwar il-​party li tixtieq tattendi, agħmel riċerka, (forsi billi tikkunsidra Kapitlu 37 taʼ dan il-​ktieb u Kapitlu 32 taʼ Volume 2) u mbagħad nitkellmu għada. Jien nieħu l-​irwol tiegħek u nitolbok permess biex immur dan il-​party, u int fl-​irwol tiegħek bħala ġenitur tkun tistaʼ tgħidli jekk tkunx idea tajba jew le.’

ARA KAPITLU 38 TAL-​1 VOLUM U KAPITLI 34-​36 TAʼ VOLUME 2

Ibni tilef l-​interess fl-​affarijiet spiritwali. X’nistaʼ nagħmel?

Qabel xejn, taqbadx u tikkonkludi li ibnek ma jridx jaf bir-​reliġjon tiegħek. F’ħafna każi jkun hemm problema li ma tkunx daqshekk evidenti. Pereżempju, jistaʼ jkun li ibnek . . .

● qed jiffaċċja pressjoni minn dawk tamparu u jistħi jidher differenti minħabba li jżomm mal-​prinċipji Bibliċi

● qed jara lil żgħażagħ oħrajn (saħansitra lil ħutu) jimxu ’l quddiem fil-​ħajja bħala Kristjani u jħoss li huwa impossibbli li jsegwi l-​eżempju tagħhom

● jixtieq ħafna jagħmel ħbieb imma jħossu waħdu jew bħal ħuta barra mill-​ilma meta jkun maʼ sħabu tal-​istess twemmin

● qed jara żgħażagħ li jistqarru li huma Kristjani imma qed jgħixu ħajja doppja

● qed jistinka biex jibni identità personali, u bħala riżultat iħoss li għandu jpoġġi f’dubju l-​valuri li int tgħożż

● qed jara lil sħabu tal-​klassi jagħmlu affarijiet ħżiena bla ma jħabblu rashom u donnhom ma jbatu l-​ebda konsegwenza ħażina

● qed jipprova jikseb l-​approvazzjoni taʼ ġenitur li ma jemminx

B’mod sinifikanti, kwistjonijiet bħal dawn ma tantx għandhom x’jaqsmu mal-​prinċipji tar-​reliġjon tiegħek. Iktar għandhom x’jaqsmu maċ-​ċirkustanzi li jagħmluhielu taʼ sfida li jpoġġi l-​fidi fil-​prattika—almenu għalissa. Mela, x’tistaʼ tagħmel biex tinkuraġġixxi lil ibnek?

Kun lest li tagħmel aġġustamenti bla ma tagħmel kompromess. Ipprova ifhem għala ibnek qed iħossu skuraġġit u agħmel aġġustamenti ħalli ibnek ikollu ambjent aħjar fejn ikun jistaʼ jikber spiritwalment. (Proverbji 16:20) Pereżempju, il-​“Peer-​Pressure Planner” f’paġni 132 u 133 taʼ Volume 2 jistaʼ jgħin lil ibnek iħossu kunfidenti ħalli jkun inqas mistħi meta jiġi biex jiffaċċja lil sħabu tal-​iskola. Jew jekk ibnek iħossu waħdu, int għandek mnejn ikollok bżonn tieħu azzjoni biex tgħinu jsib ħbieb tajbin.

Siblu lil xi ħadd li jistaʼ jkun t’eżempju għalih. Kultant, iż-​żgħażagħ jiġu megħjunin meta adult barra miċ-​ċirku tal-​familja jkun sors taʼ inkuraġġiment għalihom. Taf lil xi ħadd li bil-​mod kif iħares lejn l-​affarijiet spiritwali jistaʼ jkun t’għajnuna għal ibnek? Għala ma tagħmilx arranġamenti biex iqattgħu xi ħin flimkien? L-​iskop tiegħek mhuwiex li tfarfar ir-​responsabbiltà li għandek. Imma ftakar f’Timotju. Hu bbenefika bil-​kbir mill-​eżempju tal-​appostlu Pawlu, u Pawlu bbenefika bil-​kbir minn sieħbu Timotju.​—Filippin 2:20, 22.

Dment li ibnek ikun għadu jgħix taħt l-​istess saqaf tiegħek, int għandek id-​dritt titolbu josserva r-​rutina spiritwali tiegħek. Però, fl-​aħħar mill-​aħħar, il-​mira tiegħek hi li tnaqqax imħabba għal Alla f’qalb ibnek—mhux li sempliċement iġġiegħlu jaġixxi b’mod mekkaniku. Sabiex tgħin lil ibnek jaċċetta r-​reliġjon vera, kun t’eżempju taʼ min jimitah. Kun raġunevoli f’dak li tistenna minnu. Ipprovdilu lil xi ħadd li jistaʼ jkun t’eżempju għalih u ħbieb li jsaħħuh. Forsi xi darba ibnek ikun jistaʼ jgħid bħalma qal is-​salmista: “Ġeħova hu l-​blat għoli u l-​fortizza tiegħi u Dak li jħarrabni.”​—Salm 18:2.

ARA KAPITLU 39 TAL-​1 VOLUM U KAPITLI 37 U 38 TAʼ VOLUME 2

[Noti ta’ taħt]

a Fl-​istess ħin, iġiegħelx lil ibnek iħossu ħati bit-​tama li permezz t’hekk timmotivah.

b X’aktarx li bintek (jew ibnek) hija konċernata ferm dwar id-​dehra taʼ ġisimha, allura oqgħod attent li ma tagħtix x’tifhem li hemm xi ħaġa ħażina fid-​dehra tagħha.

c Ara paġni 315-​318.

d Biex inżommu l-​affarijiet sempliċi se nitkellmu fil-​maskil. Però, il-​prinċipji diskussi japplikaw kemm għal dawk tas-​sess femminil u kemm għal dawk tas-​sess maskil.

e Biex inżommu l-​affarijiet sempliċi se nitkellmu fil-​femminil. Però, il-​prinċipji diskussi japplikaw kemm għal dawk tas-​sess maskil u kemm għal dawk tas-​sess femminil.

f Kapitlu 36 taʼ Volume 2 jistaʼ jgħin lill-​adoloxxenti jużaw il-​qawwa tar-​raġuni tagħhom biex isiru konvinti li Alla jeżisti.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja