LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • jy kap. 110 p. 254-p. 255 para. 2
  • L-aħħar ġurnata taʼ Ġesù fit-tempju

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-aħħar ġurnata taʼ Ġesù fit-tempju
  • Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • Materjal Simili
  • Ministeru fit-Tempju Komplut
    L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
  • “Waslet is-Siegħa”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Nerġgħu Ngħixu l-Aħħar Jiem taʼ Ġesù fuq l-Art
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Il-Ġimgħa li Biddlet lid-Dinja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Ara Iżjed
Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
jy kap. 110 p. 254-p. 255 para. 2
Ġesù josserva armla fqira li qed titfaʼ żewġ muniti żgħar fil-kaxxi tat-teżor fit-tempju

KAPITLU 110

L-​aħħar ġurnata taʼ Ġesù fit-​tempju

MATTEW 23:25–24:2 MARKU 12:41–13:2 LUQA 21:1-​6

  • ĠESÙ JKOMPLI JIKKUNDANNA LILL-​MEXXEJJA RELIĠJUŻI

  • IT-​TEMPJU SE JINQERED

  • ARMLA FQIRA TAGĦTI ŻEWĠ MUNITI ŻGĦAR

Matul l-​aħħar żjara taʼ Ġesù fit-​tempju, hu jkompli jikxef l-​ipokrisija tal-​iskribi u l-​Fariżej meta bla ħabi taʼ xejn isejħilhom ipokriti. Hu juża kliem figurattiv billi jgħid: “Tnaddfu t-​tazza u l-​platt minn barra, imma minn ġewwa mimlijin serq u nuqqas taʼ moderazzjoni. Fariżew agħma! Naddaf l-​ewwel it-​tazza u l-​platt minn ġewwa, imbagħad barra jindaf ukoll.” (Mattew 23:25, 26) Filwaqt li l-​Fariżej huma stretti fejn tidħol l-​indafa ċerimonjali u d-​dehra taʼ barra, huma qed jinjoraw il-​persuna ġewwinija u mhumiex qed inaddfu l-​qalb figurattiva tagħhom.

L-​ipokrisija tagħhom tidher ukoll mill-​fatt li huma lesti li jibnu u jżejnu l-​oqbra tal-​profeti. Iżda, kif jgħid Ġesù, huma “wlied dawk li qatlu lill-​profeti.” (Mattew 23:31) L-​isforzi tagħhom biex joqtlu lil Ġesù kienu prova taʼ dan.—Ġwanni 5:18; 7:1, 25.

Ġesù mbagħad isemmi x’hemm jistenna lil dawn il-​mexxejja reliġjużi jekk ma jindmux: “Ja sriep, nisel il-​lifgħat, kif se taħarbu mill-​ġudizzju taʼ Geħenna?” (Mattew 23:33) Geħenna tfisser “Wied taʼ Ħinnom.” Dan il-​wied jintuża biex jinħaraq l-​iskart, stampa ċara tal-​qerda permanenti li qed tistenna lill-​iskribi u l-​Fariżej mill-​agħar.

Id-​dixxipli taʼ Ġesù se jirrappreżentawh bħala “profeti, għorrief, u nies li jgħallmu fil-​pubbliku.” Kif se jiġu trattati? Ġesù jindirizza lill-​mexxejja reliġjużi u jgħid: “Xi wħud [mid-​dixxipli tiegħi] toqtluhom u ssammruhom maʼ zokk, u oħrajn issawtuhom fis-​sinagogi tagħkom u tippersegwitawhom minn belt għal oħra; biex jiġi fuqkom id-​demm kollu tan-​nies sewwa mxerred fuq l-​art, mid-​demm t’Abel, li kien raġel sewwa, sad-​demm taʼ Żakkarija . . . li qtiltuh.” Hu jwissihom: “Tassew ngħidilkom, Dan kollu jiġi fuq din il-​ġenerazzjoni.” (Mattew 23:34-​36) Dan iseħħ fis-​sena 70 WK, meta l-​armati Rumani jeqirdu lil Ġerusalemm u jinqatlu bosta eluf taʼ Lhud.

Ġesù jħossu mnikket meta jaħseb dwar din is-​sitwazzjoni tal-​biżaʼ, tant li jgħid: “Ġerusalemm, Ġerusalemm, il-​qattiela tal-​profeti u l-​ħaġġara taʼ dawk li ntbagħtulha! Kemm-​il darba ridt niġbor lil uliedek flimkien, kif qroqqa tiġbor il-​flieles tagħha taħt ġwinħajha! Imma intom dan ma ridtuhx. Ara! Darkom mitluqa f’idejkom.” (Mattew 23:37, 38) Dawk li qed jisimgħu dan il-​kliem żgur li jaħsbu dwar liema ‘dar’ qed jitkellem. Jistaʼ jkun li qed jirreferi għat-​tempju grandjuż taʼ Ġerusalemm, li jidher li għandu l-​protezzjoni t’Alla?

Imbagħad Ġesù jżid jgħid: “Ngħidilkom, Minn issa ’l quddiem żgur ma tarawnix sakemm tgħidu, ‘Imbierek dak li jiġi f’isem Ġeħova!’” (Mattew 23:39) Hu qed jikkwota l-​kliem profetiku taʼ Salm 118:26: “Ħa jkun imbierek Dak li ġej f’isem Ġeħova; aħna berikniekom mid-​dar taʼ Ġeħova.” Jidher ċar li ladarba jinqered dan it-​tempju fiżiku, ħadd mhu se jmur fih f’isem Alla.

Ġesù issa jmur fin-​naħa tat-​tempju fejn hemm il-​kaxxi tat-​teżor. In-​nies jistgħu jitfgħu kontribuzzjonijiet fil-​fetħiet żgħar li għandhom fin-​naħa taʼ fuq. Ġesù jara diversi Lhud jagħmlu preċiż hekk, fosthom l-​għonja li “qed jitfgħu ħafna muniti” bħala għotjiet. Imbagħad Ġesù jara armla fqira li titfaʼ “żewġ muniti żgħar, li għandhom valur żgħir ferm.” (Marku 12:41, 42) Bla dubju, Ġesù jaf kemm Alla hu ferħan bl-​għotja tagħha.

Ġesù jsejjaħ lid-​dixxipli tiegħu ħdejh u jgħidilhom: “Tassew ngħidilkom li din l-​armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu l-​flus fil-​kaxxi tat-​teżor.” Dan kif jistaʼ jkun? Hu jispjega: “Huma lkoll tefgħu miż-​żejjed tagħhom, imma hi, min-​nieqes tagħha, tefgħet kulma kellha, l-​għajxien kollu tagħha.” (Marku 12:43, 44) Hemm baħar jaqsam bejn din l-​armla u bejn il-​mexxejja reliġjużi, kemm fil-​ħsieb u kemm fl-​għemil!

Ġesù jitlaq mit-​tempju għall-​aħħar darba hekk kif il-​11 taʼ Nisan dalwaqt jgħaddi. Wieħed mid-​dixxipli tiegħu jgħid: “Għalliem, ara! X’ġebel u x’bini dan!” (Marku 13:1) Tabilħaqq, ftit mill-​ġebel tal-​ħitan tat-​tempju hu kbir immens, u dan jagħti l-​impressjoni li hu b’saħħtu u dejjiemi. Allura żgur jinstemaʼ stramb meta Ġesù jgħid: “Qed tarah dan il-​bini kbir? Żgur li hawnhekk ma titħalliex ġebla fuq oħra li ma tiġġarrafx.”—Marku 13:2.

Wara li jgħid dawn l-​affarijiet, Ġesù u l-​appostli tiegħu jaqsmu l-​Wied taʼ Kidron u jitilgħu fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ. Ħin minnhom ikun maʼ erbgħa mill-​appostli—Pietru, Indrì, Ġakbu, u Ġwanni. Minn hemmhekk, taħthom jistgħu jaraw it-​tempju grandjuż.

  • Ġesù x’jagħmel waqt l-​aħħar żjara tiegħu fit-​tempju?

  • Xi jbassar Ġesù dwar il-​futur tat-​tempju?

  • Ġesù għala jgħid li l-​armla tefgħet iktar mill-​għonja?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja