KAPITLU 14
Inżommu l-paċi u l-indafa tal-kongregazzjoni
KULL sena, bi twettiq tal-profezija Biblika, eluf taʼ nies jinġemgħu lejn id-dar tal-qima pura taʼ Ġeħova. (Mik. 4:1, 2) Kemm aħna ferħanin li nilqgħuhom fil-“kongregazzjoni t’Alla”! (Atti 20:28) Huma japprezzaw l-opportunità li jaqdu lil Ġeħova magħna u jgawdu l-ambjent nadif u paċifiku tal-ġenna spiritwali tagħna. L-ispirtu qaddis t’Alla u l-pariri għaqlin misjubin fil-Kelma tiegħu jgħinuna nżommu l-paċi u nżommu l-kongregazzjoni nadifa.—Salm 119:105; Żak. 4:6.
2 Billi napplikaw prinċipji Bibliċi aħna nilbsu “l-personalità l-ġdida.” (Kol. 3:10) Aħna nwarrbu kwistjonijiet żgħar u differenzi persunali. Billi naraw l-affarijiet kif jarahom Ġeħova, negħlbu l-influwenzi dinjin li jifirdu u naħdmu magħqudin bħala fratellanza internazzjonali.—Atti 10:34, 35.
3 Minkejja dan, minn żmien għal żmien iqumu diffikultajiet li jeffettwaw il-paċi u l-unità tal-kongregazzjoni. Għala jiġri dan? Fil-biċċa l-kbira mill-każi, ikun għax ma jiġux applikati pariri Bibliċi. Xorta jkollna nkampaw bit-tendenzi umani imperfetti tagħna. Ħadd minna mhu bla dnub. (1 Ġw. 1:10) Xi ħadd għandu mnejn jieħu pass falz li jistaʼ jdaħħal nuqqas taʼ ndafa morali jew spiritwali fil-kongregazzjoni. Nistgħu noffendu lil xi ħadd b’dak li ngħidu jew nagħmlu bla ħsieb, jew nistgħu nitfixklu minħabba xi ħaġa li qal jew għamel ħaddieħor. (Rum. 3:23) Meta jqumu diffikultajiet bħal dawn, x’nistgħu nagħmlu biex nirranġaw l-affarijiet?
4 Bi mħabba Ġeħova kkunsidra dan kollu. Il-Kelma tiegħu tipprovdi pariri dwar x’għandna nagħmlu meta jqumu d-diffikultajiet. Għajnuna persunali hi disponibbli mingħand ragħajja spiritwali, l-anzjani. Billi napplikaw il-pariri Skritturali tagħhom, nistgħu nerġgħu niksbu relazzjoni tajba m’oħrajn u nżommu waqfa tajba quddiem Ġeħova. Jekk niġu dixxiplinati jew imwiddbin minħabba li nkunu għamilna xi ħaġa ħażina, nistgħu nibqgħu ċerti li korrezzjoni bħal din hi espressjoni tal-imħabba li Missierna tas-sema għandu għalina.—Prov. 3:11, 12; Ebr. 12:6.
INSOLVU DIFFERENZI ŻGĦAR
5 Jistaʼ jkun hemm drabi meta jqum tilwim persunali jew diffikultajiet żgħar bejn dawk fil-kongregazzjoni. Dawn għandhom jiġu solvuti mill-iktar fis possibbli fi spirtu taʼ mħabba li teżisti bejn l-aħwa. (Efes. 4:26; Flp. 2:2-4; Kol. 3:12-14) Aktarx, se ssib li problemi taʼ natura persunali li jinvolvu r-relazzjoni tiegħek maʼ Kristjan ieħor jistgħu jiġu solvuti billi tapplika l-parir tal-appostlu Pietru biex ‘ikollna mħabba profonda lejn xulxin, għax l-imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.’ (1 Pt. 4:8) Il-Bibbja tgħid: “Ilkoll nitfixklu ħafna drabi.” (Ġak. 3:2) Meta napplikaw ir-Regola tad-Deheb, billi nagħmlu lil oħrajn dak kollu li rriduhom jagħmlu lilna, ġeneralment inkunu nistgħu naħfru u ninsew offiżi żgħar.—Mt. 6:14, 15; 7:12.
6 Jekk tinduna li b’dak li tkun għedt jew għamilt tkun offendejt lil xi ħadd, għandek tieħu l-inizjattiva biex tagħmel paċi mill-iktar fis. Ftakar li r-relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova tiġi effettwata wkoll. Ġesù ta dan il-parir lid-dixxipli tiegħu: “Allura, jekk waqt li tkun qed iġġib l-għotja tiegħek lejn l-artal tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik, itlaq l-għotja tiegħek hemmhekk quddiem l-artal, u mur l-ewwel agħmel paċi maʼ ħuk, u mbagħad, meta tkun ġejt lura, offri l-għotja tiegħek.” (Mt. 5:23, 24) Forsi kien hemm xi nuqqas taʼ ftehim. Jekk inhu hekk, ikkomunika. Il-komunikazzjoni tajba bejn dawk kollha fil-kongregazzjoni tgħin ħafna biex ma jkunx hemm nuqqas taʼ ftehim u biex jissolvew problemi li jqumu minħabba l-imperfezzjoni umana.
PARIRI SKRITTURALI MEĦTIEĠA
7 Kultant, l-indokraturi jistaʼ jkollhom bżonn jagħtu parir lil xi ħadd biex jaġġustaw mill-ġdid il-ħsieb tiegħu. Dan mhux dejjem ikun faċli. Lill-Kristjani fil-Galazja, l-appostlu Pawlu kitbilhom: “Ħuti, anki jekk bniedem jagħmel xi pass falz qabel ma jinduna, intom li għandkom kwalifiki spiritwali pprovaw aġġustawh mill-ġdid bi spirtu taʼ ħlewwa.”—Gal. 6:1.
8 Billi jirgħu lill-merħla, l-indokraturi jistgħu jipproteġu lill-kongregazzjoni minn ħafna perikli spiritwali u jipprevienu li jiżviluppaw problemi serji. L-anzjani jistinkaw biex is-servizz tagħhom lill-kongregazzjoni jilħaq il-livell taʼ dak li Ġeħova wiegħed permezz taʼ Isaija: “Kull wieħed ikun bħal post taʼ kenn mir-riħ u lqugħ mill-maltempata tax-xita, bħal nixxigħat taʼ l-ilma f’art bla ilma, bħad-dell taʼ blata kbira f’art niexfa.”—Is. 32:2.
IMMARKAR TAʼ DAWK LI JIMXU BID-DIŻORDNI
9 L-appostlu Pawlu wissa dwar ċerti wħud li setgħu jinfluwenzaw ħażin lill-kongregazzjoni. Pawlu qal: “Qed nordnawlkom . . . biex twarrbu minn kull ħu li hu miexi bid-diżordni u mhux skond it-tradizzjoni li rċivejtu mingħandna.” Hu ċċara din l-istqarrija billi kiteb: “Jekk xi ħadd ma jobdix dak li qed ngħidulkom b’din l-ittra, lil dan żommuh immarkat u tibqgħux tissieħbu miegħu, biex jistħi. Iżda tqisuhx bħala għadu, imma komplu widdbuh bħala ħu.”—2 Tess. 3:6, 14, 15.
10 Kultant, xi ħadd li ma jkunx ħati taʼ li jipprattika dnub serju li għalih ikun jistaʼ jitkeċċa mill-kongregazzjoni, juri nuqqas kbir taʼ rispett lejn il-livell t’Alla li għandu jiggwida lill-Kristjani. Dan jistaʼ jinkludi affarijiet bħal li jkun estremament għażżien jew maħmuġ, jew jikkritika bil-kbir. Jistaʼ jkun qiegħed ‘jindaħal fejn ma jesgħux.’ (2 Tess. 3:11) Jew jistaʼ jkun xi ħadd li jippjana li jieħu vantaġġ minn oħrajn jew li jieħu pjaċir f’divertiment li biċ-ċar ma jkunx xieraq. L-imġiba ħażina tkun serja biżżejjed li tirrifletti ħażin fuq il-kongregazzjoni u tistaʼ tinfirex għal fuq Kristjani oħrajn.
11 L-anzjani jipprovaw jgħinu lil persuna li timxi bid-diżordni billi l-ewwel jagħtuha pariri bbażati fuq il-Bibbja. Però, jekk il-persuna tibqaʼ tinjora prinċipji Bibliċi minkejja twiddib ripetut, l-anzjani jistgħu jiddeċiedu li tingħata taħdita taʼ twissija lill-kongregazzjoni. L-anzjani se jużaw id-dixxerniment biex jiddeterminaw jekk sitwazzjoni partikulari tkunx biżżejjed serja u taʼ tfixkil lil ħaddieħor tant li jkun hemm bżonn taħdita taʼ twissija. Il-kelliem se jipprovdi pariri xierqa rigward kondotta taʼ diżordni, imma ma jsemmix isem dak li jkun miexi bid-diżordni. B’hekk, dawk li jafu bis-sitwazzjoni msemmija fit-taħdita se jaraw li jevitaw kuntatt soċjali maʼ individwu bħal dan għalkemm ikomplu jkollhom assoċjazzjoni spiritwali miegħu, u ‘jkomplu jwiddbuh bħala ħu.’
12 Nittamaw li l-waqfa soda li jkunu ħadu Kristjani leali se tgħin lil individwu li jkun miexi bid-diżordni biex jibda jistħi minħabba kif qed jaġixxi. B’hekk, jiġi mmotivat biex jinbidel. Meta jkun ċar li l-individwu abbanduna l-mixi bid-diżordni tiegħu, ma jkunx hemm iktar għalfejn li jiġi trattat bħala individwu mmarkat.
KIF JISSOLVA ĊERTU ĦAŻEN SERJU
13 Il-fatt li nkunu lesti nagħlqu għajnejna għall-offiżi u li naħfru ma jfissirx li ma nagħtux kas il-ħażen jew li napprovawh. Ma nistgħux inwaħħlu fl-imperfezzjoni għall-ħażen kollu; lanqas ma jkun xieraq li nagħlqu għajnejna għall-ħażen li jkun iktar minn offiża żgħira. (Lev. 19:17; Salm 141:5) Il-patt tal-Liġi rrikonoxxa li ċerti dnubiet huma iżjed serji minn oħrajn, u dan hu minnu wkoll fl-arranġament Kristjan.—1 Ġw. 5:16, 17.
14 Ġesù semma proċedura speċifika biex jissolvew problemi serji li jistgħu jinqalgħu bejn il-Kristjani. Innota l-passi li stabbilixxa: “Jekk ħuk jagħmel dnub, [1] mur sibu waħdu u urih l-iżball tiegħu. Jekk jismaʼ minnek, tkun ksibt lura lil ħuk. Imma jekk ma jismax, [2] ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, sabiex kull ħaġa tkun stabbilita minn fomm żewġ xhieda jew tlieta. Jekk ma jismax minnhom, [3] kellem lill-kongregazzjoni. Jekk lanqas mill-kongregazzjoni ma jismaʼ, ħa jkun għalik bħal raġel mill-ġnus u bħal kollettur tat-taxxi.”—Mt. 18:15-17.
15 Meta nqisu t-tixbiha li ta Ġesù iktar tard, imniżżla f’Mattew 18:23-35, jidher li wieħed mid-dnubiet kunsidrati f’Mattew 18:15-17 jinvolvi kwistjonijiet finanzjarji jew taʼ proprjetà, bħal li jonqos li jitħallas lura xi self jew li wieħed jagħmel frodi. Jew l-offiża tistaʼ tkun malafama, li tagħmel ħsara kbira lir-reputazzjoni taʼ xi ħadd.
16 Jekk ikollok evidenza li xi ħadd fil-kongregazzjoni għamel dnub bħal dan kontrik, tgħaġġilx biex iddur lejn l-anzjani u titlobhom jindaħlu għalik. Bħalma ta l-parir Ġesù, l-ewwel kellem lil dak li għandek ilment kontrih. Ipprova solvi l-kwistjoni bejnietkom it-tnejn biss mingħajr ma tinvolvi lil xi ħadd ieħor. Żomm f’moħħok li Ġesù ma qalx ‘mur darba biss u urih l-iżball tiegħu.’ Għalhekk, jekk l-individwu ma ammettiex l-iżball u ma talabx maħfra, ikun tajjeb tikkunsidra li terġaʼ tavviċinah iktar tard. Jekk il-kwistjoni tkun tistaʼ tiġi solvuta b’dan il-mod, dak li jkun dineb ċertament li se japprezza l-fatt li int m’għedtx lil oħrajn dwar dnubu jew li għarraqt ir-reputazzjoni tajba tiegħu fil-kongregazzjoni. Tkun “ksibt lura lil ħuk.”
17 Jekk dak li għamel l-offiża jaċċetta r-responsabbiltà, ifittex il-maħfra, u jieħu passi biex jirranġa l-iżball, ma jkunx hemm għalfejn jittieħdu iżjed passi. Għalkemm id-dnub kien serju, offiża taʼ dan it-tip tistaʼ tissolva bejn l-individwi involuti.
18 Jekk ma tkunx tistaʼ tikseb lura lil ħuk billi ‘ssibu waħdu’ u turih l-iżball tiegħu, imbagħad tkun tistaʼ tagħmel bħalma qal Ġesù, “ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra,” u erġaʼ tkellem maʼ ħuk. Dawk li tieħu miegħek għandhom ukoll ikollhom il-mira li jiksbu lura lil ħuk. Preferibbilment, għandhom ikunu xhieda tal-għemil ħażin li għedt li għamel, imma jekk ma jkunx hemm xhieda li raw b’għajnejhom, tistaʼ tagħżel li titlob lil persuna jew tnejn oħra biex ikunu xhieda tad-diskussjoni. Forsi jkollhom l-esperjenza fil-kwistjoni li trid tiġi solvuta u jistgħu jistabbilixxu jekk dak li ġara kienx verament nuqqas. L-anzjani magħżulin biex ikunu xhieda ma jirrappreżentawx lill-kongregazzjoni, ladarba l-ġemgħa tal-anzjani ma tkunx inkarigathom speċifikament biex jagħmlu dan.
19 Jekk il-kwistjoni ma ssolvietx wara li pprovajt kemm-il darba—tkellimt miegħu waħdu u mort għandu maʼ persuna jew tnejn oħra—u tħoss li ma tistax tħalliha għaddejja, imbagħad għandek tirrapportaha lill-indokraturi tal-kongregazzjoni. Ftakar li l-mira tagħhom hi li jżommu l-paċi u l-indafa tal-kongregazzjoni. La tkun avviċinajt lill-anzjani, għandek tħalli l-problema f’idejhom u tafda f’Ġeħova. Qatt m’għandek tħalli l-kondotta taʼ xi ħadd ieħor tfixklek jew tisraqlek il-ferħ fis-servizz taʼ Ġeħova.—Salm 119:165.
20 Ir-ragħajja tal-merħla se jinvestigaw il-kwistjoni. Jekk isir evidenti li l-persuna tabilħaqq għamlet dnub serju kontrik u ma tkunx niedma u ma tkunx trid tirranġa b’mod raġunevoli u xieraq, jistaʼ jkun hemm bżonn li kumitat taʼ indokraturi jkeċċu lil min ikun għamel il-ħażin mill-kongregazzjoni. B’hekk jipproteġu lill-merħla u jissalvagwardjaw l-indafa tal-kongregazzjoni.—Mt. 18:17.
KIF JIĠU TTRATTATI KAŻI T’GĦEMIL ĦAŻIN SERJU
21 Xi offiżi serji, bħall-immoralità sesswali, adulterju, omosesswalità, dagħa, apostasija, idolatrija, u dnubiet kbar simili, jirrikjedu iżjed minn maħfra mingħand xi ħadd li jkun ġie offiż. (1 Kor. 6:9, 10; Gal. 5:19-21) Peress li jkunu ġew mheddin l-indafa spiritwali u dik morali tal-kongregazzjoni, dnubiet serji bħal dawn għandhom jiġu rapportati lill-anzjani u jieħdu ħsiebhom huma. (1 Kor. 5:6; Ġak. 5:14, 15) Xi individwi jistgħu javviċinaw lill-anzjani biex jew jistqarru dnubhom stess jew biex jirrapportaw dak li jafu rigward l-għemil ħażin t’oħrajn. (Lev. 5:1; Ġak. 5:16) Hu x’inhu l-mod li bih l-anzjani jisimgħu għall-ewwel darba rapporti t’għemil ħażin serju min-naħa taʼ Xhud mgħammed, issir investigazzjoni inizjali minn żewġ anzjani. Jekk jiġi stabbilit li hemm bażi għar-rapport u li hemm evidenza disponibbli li turi li jkun sar dnub serju, il-ġemgħa tal-anzjani tinkariga kumitat ġudizzjarju taʼ mill-inqas tliet anzjani biex jieħdu ħsieb il-kwistjoni.
22 L-anzjani jieħdu ħsieb il-merħla b’attenzjoni kbira billi jaraw li jipproteġuha minn kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tkun taʼ ħsara spiritwalment. Ukoll jagħmlu ħilithom biex jużaw il-Kelma t’Alla bis-sengħa biex iwiddbu lil kull min ikun żbalja u jipprovaw jerġgħu jsaħħuh spiritwalment. (Ġuda 21-23) Dan hu fi qbil mal-istruzzjonijiet mogħtijin lil Timotju mill-appostlu Pawlu, li kiteb: “Nordnalek solennement quddiem Alla u Kristu Ġesù, li għandu jiġġudika l-ħajjin u l-mejtin, . . . widdeb, ċanfar, ħeġġeġ, bil-paċenzja kollha u bl-arti tat-tagħlim.” (2 Tim. 4:1, 2) Jistaʼ jieħu ħafna ħin biex isir dan, imma dan hu parti mix-xogħol iebes tal-anzjani. Il-kongregazzjoni tapprezza l-isforzi tagħhom u tqishom “denji t’unur doppju.”—1 Tim. 5:17.
23 F’kull sitwazzjoni fejn tiġi stabbilita ħtija, l-indokraturi għandhom jistinkaw primarjament biex jerġgħu jsaħħu spiritwalment lil min ikun għamel il-ħażen. Jekk juri ndiema ġenwina u jkunu jistgħu jgħinuh, it-twiddib tagħhom, fil-privat jew quddiem xhieda li jistaʼ jkun hemm u li jkunu xehdu fil-każ ġudizzjarju, se jservi biex jiddixxiplina lilu u jnissel biżaʼ bnin f’dawk li jafu bil-każ. (2 Sam. 12:13; 1 Tim. 5:20) Fil-każi kollha taʼ twiddib ġudizzjarju, jiġu imposti restrizzjonijiet. B’hekk, min ikun għamel il-ħażen ikun jistaʼ jiġi megħjun biex ‘jiddritta l-mogħdijiet għal saqajh’ minn hemm ’il quddiem. (Ebr. 12:13) Maż-żmien, ir-restrizzjonijiet jitneħħew hekk kif jidher ċar li l-individwu jkun irkupra spiritwalment.
AVVIŻ DWAR IT-TWIDDIB
24 Jekk kumitat ġudizzjarju jiddetermina li individwu hu niedem imma li l-kwistjoni x’aktarx li se ssir magħrufa fil-kongregazzjoni jew fil-komunità jew jekk il-kongregazzjoni għandha bżonn toqgħod għassa rigward dak li jkun għamel il-ħażen imma li jkun nidem, isir avviż sempliċi matul il-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna. L-avviż għandu jgħid: “[Isem l-individwu] ġie mwiddeb.”
JEKK ID-DEĊIŻJONI TKUN QTUGĦ MIS-SĦUBIJA
25 F’xi każi min ikun għamel il-ħażen jistaʼ jwebbes rasu fil-kondotta midinba tiegħu, u b’hekk ma jweġibx għall-isforzi li jsiru biex jgħinuh. Jistaʼ ma jkunx hemm biżżejjed “għemejjel li jixirqu lill-indiema” evidenti fiż-żmien meta jsir is-smigħ ġudizzjarju. (Atti 26:20) Imbagħad x’jiġri? F’każi bħal dawn, ikun neċessarju li min ikun għamel il-ħażen u ma jindimx jitkeċċa mill-kongregazzjoni, u b’hekk jiġi mċaħħad minn sħubija man-nies nodfa taʼ Ġeħova. L-influwenza ħażina taʼ min ikun għamel il-ħażen titneħħa mill-kongregazzjoni, u b’hekk l-indafa morali u spiritwali tal-kongregazzjoni jiġu salvagwardjati u l-isem tajjeb tagħha jiġi protett. (Dt. 21:20, 21; 22:23, 24) Malli l-appostlu Pawlu sar jaf bil-kondotta t’għajb taʼ xi ħadd fil-kongregazzjoni taʼ Korintu, hu widdeb lill-anzjani biex ‘jagħtu lil dan il-bniedem f’idejn Satana . . . , sabiex l-ispirtu [tal-kongregazzjoni] jiġi salvat.’ (1 Kor. 5:5, 11-13) Pawlu rrapporta wkoll il-qtugħ mis-sħubija t’oħrajn li kienu rribellaw kontra l-verità fl-ewwel seklu.—1 Tim. 1:20.
26 Meta kumitat ġudizzjarju jiddetermina li xi ħadd li għamel il-ħażen u ma nidimx għandu jiġi maqtugħ mis-sħubija, għandu jinforma lil dan l-individwu bid-deċiżjoni, u jgħidlu ċar ir-raġuni(jiet) Skritturali għall-qtugħ mis-sħubija. Meta l-kumitat ġudizzjarju jinforma lil min ikun għamel il-ħażen bid-deċiżjoni, se jgħidlu wkoll li jekk jemmen li sar żball serju fil-ġudizzju u jixtieq jappella d-deċiżjoni, hu għandu jagħmel dan b’ittra u jistqarr ċar ir-raġunijiet għall-appell tiegħu. Hu jingħata sebat ijiem biex jagħmel dan, li jibdew jgħoddu minn dakinhar li jsir jaf bid-deċiżjoni tal-kumitat. Jekk il-ġemgħa tal-anzjani tirċievi appell, se tikkuntattja lill-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet, u dan jagħżel anzjani kkwalifikati biex jaqdu f’kumitat tal-appell biex jerġaʼ jinstemaʼ l-każ. Se jagħmlu kull sforz biex is-smigħ tal-appell isir sa ġimgħa wara li jirċievu l-ittra. Jekk ikun hemm appell, l-avviż tal-qtugħ mis-sħubija għandu jiġi pospost. Sadanittant, l-individwu akkużat ma jitħalliex jikkummenta u jitlob fil-laqgħat jew ikollu privileġġi speċjali taʼ servizz.
27 Appell jingħata bħala qalb tajba lill-akkużat u jippermettilu smigħ ieħor dwar dak li jkun qed jinkwetah. B’hekk, jekk min ikun għamel il-ħażen ma jmurx għas-smigħ tal-appell apposta, l-avviż dwar il-qtugħ mis-sħubija se jsir wara li jkunu saru sforzi raġunevoli biex jikkuntattjawh.
28 Jekk min ikun għamel il-ħażen ma jixtieqx jappella, il-kumitat ġudizzjarju se jispjegalu li jeħtieġ jindem u x’passi jistaʼ jieħu biex jiġi aċċettat lura maż-żmien. Dan ikun kemm t’għajnuna kif ukoll taʼ qalb tajba u għandu jsir bit-tama li hu jbiddel triqatu u maż-żmien jikkwalifika biex jiġi lura fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova.—2 Kor. 2:6, 7.
AVVIŻ TAʼ QTUGĦ MIS-SĦUBIJA
29 Meta jkun neċessarju li wieħed li jkun għamel il-ħażen u ma nidimx jiġi maqtugħ mis-sħubija tal-kongregazzjoni, isir avviż qasir li jgħid: “[Isem l-individwu] m’għadux wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova.” L-avviż se jiġbed l-attenzjoni taʼ wħud leali fil-kongregazzjoni biex ma jibqgħux jassoċjaw maʼ dan l-individwu.—1 Kor. 5:11.
ID-DIŻASSOĊJAZZJONI
30 Il-kelma “diżassoċjazzjoni” tapplika għall-azzjoni meħuda minn individwu li, għalkemm hu Xhud mgħammed, apposta jiċħad il-waqfa Kristjana tiegħu, billi jistqarr li ma jridx iktar jiġi rikonoxxut, jew magħruf, bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Jew jistaʼ jiċħad il-pożizzjoni tiegħu fil-kongregazzjoni Kristjana bl-aġir tiegħu, bħal pereżempju, billi jingħaqad maʼ organizzazzjoni sekulari li jkollha miri kuntrarju għal tagħlim Bibliku, u b’hekk ikun qiegħed taħt il-ġudizzju taʼ Alla Ġeħova.—Is. 2:4; Riv. 19:17-21.
31 Rigward dawk li ċaħdu l-fidi Kristjana tagħhom fi żmienu, l-appostlu Ġwanni kiteb: “Huma ħarġu minn fostna, imma ma kinux it-tip tagħna; għax kieku kienu t-tip tagħna, kienu jibqgħu magħna.”—1 Ġw. 2:19.
32 Meta wieħed jiddiżassoċja ruħu, is-sitwazzjoni tiegħu quddiem Ġeħova tkun differenti ferm minn dik taʼ Kristjan inattiv, wieħed li m’għadux jieħu sehem fil-ministeru tal-għalqa. Individwu forsi sar inattiv għax naqas li jistudja l-Kelma t’Alla regolarment. Jew forsi esperjenza problemi persunali jew persekuzzjoni u tilef iż-żelu biex jaqdi lil Ġeħova. L-anzjani kif ukoll oħrajn fil-kongregazzjoni se jkomplu jagħtu għajnuna spiritwali xierqa lil Kristjan inattiv.—Rum. 15:1; 1 Tess. 5:14; Ebr. 12:12.
33 Għall-kuntrarju, jekk persuna li tkun Kristjana tagħżel li tiddiżassoċja ruħha, isir avviż qasir biex il-kongregazzjoni tiġi mgħarrfa, li jgħid: “[Isem l-individwu] m’għadux wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova.” Persuna bħal din titqies l-istess bħal persuna li tkun ġiet maqtugħa mis-sħubija.
META XI ĦADD JIĠI AĊĊETTAT LURA
34 Individwu maqtugħ mis-sħubija jew wieħed li jkun iddiżassoċja ruħu minn mal-kongregazzjoni jistaʼ jiġi aċċettat lura meta jagħti evidenza ċara taʼ ndiema, u f’perijodu taʼ żmien raġunevoli juri li abbanduna t-triq midinba li kien qabad. Juri li jixtieq ikollu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova. L-anzjani joqogħdu attenti biex iħallu żmien biżżejjed—ħafna xhur, sena, jew saħansitra iktar, skont iċ-ċirkustanzi—biex l-individwu jagħti prova li l-indiema tiegħu hi ġenwina. Meta l-ġemgħa tal-anzjani tirċievi ittra biex wieħed jistaqsi ħalli jiġi aċċettat lura, il-kumitat tal-aċċettar lura jitkellem mal-individwu. Il-kumitat jevalwa l-evidenza taʼ “għemejjel li jixirqu lill-indiema” min-naħa tal-individwu u jiddeċiedi jekk għandux jiġi aċċettat lura dak iż-żmien jew le.—Atti 26:20.
35 Jekk l-individwu li jitlob li jiġi aċċettat lura kien ġie maqtugħ mis-sħubija minn kongregazzjoni oħra, kumitat tal-aċċettar lura lokali se jiltaqaʼ mal-individwu u jikkunsidra t-talba. Jekk il-membri tal-kumitat tal-aċċettar lura lokali jemmnu li għandu jiġi aċċettat lura, huma se jgħaddu r-rakkomandazzjoni tagħhom lill-ġemgħa tal-anzjani fil-kongregazzjoni li kienet ħadet ħsieb il-kwistjoni qabel. Il-kumitati involuti se jaħdmu flimkien biex jassiguraw li jinġabru l-fatti kollha biex tittieħed deċiżjoni ġusta. Madankollu, id-deċiżjoni biex wieħed jiġi aċċettat lura tittieħed mill-kumitat tal-aċċettar lura oriġinali tal-kongregazzjoni li kienet ħadet ħsieb il-kwistjoni qabel.
AVVIŻ TAʼ META WIEĦED JIĠI AĊĊETTAT LURA
36 Meta l-kumitat tal-aċċettar lura jkun konvint li l-individwu maqtugħ mis-sħubija jew diżassoċjat nidem ġenwinament u għandu jiġi aċċettat lura, isir avviż li jkun ġie aċċettat lura fil-kongregazzjoni li kienet ħadet ħsieb il-kwistjoni qabel. Jekk l-individwu issa jinsab f’kongregazzjoni oħra, l-avviż isir hemmhekk ukoll. L-avviż għandu jgħid sempliċement: “[Isem l-individwu] huwa aċċettat lura bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova.”
KAŻI LI JINVOLVU MINORENNI MGĦAMMDIN
37 Għemil ħażin serju li jsir minn minorenni mgħammdin għandu jiġi rapportat lill-anzjani. Meta l-anzjani jittrattaw każi taʼ dnubiet serji li jinvolvu minorenni, preferibbilment il-ġenituri mgħammdin taż-żagħżugħ ikunu preżenti. Huma se jkunu jridu jikkooperaw mal-kumitat ġudizzjarju, u mhux jipprovaw jipproteġu mid-dixxiplina neċessarja liż-żagħżugħ li jkun żbalja. Il-kumitat ġudizzjarju jagħmel ħiltu biex iwiddeb u jerġaʼ jsaħħaħ spiritwalment lil dak li jkun għamel il-ħażen, sewwasew bħalma jagħmel fil-każ taʼ adulti li jidinbu. Madankollu, jekk dan ma jindimx, jiġi maqtugħ mis-sħubija.
META PUBBLIKATURI MHUX MGĦAMMDIN JAGĦMLU L-ĦAŻEN
38 X’għandu jsir meta pubblikaturi mhux mgħammdin jinvolvu ruħhom f’għemil ħażin serju? Ladarba mhumiex Xhieda mgħammdin, ma jistgħux jiġu maqtugħin mis-sħubija. Madankollu, forsi ma jifhmux bis-sħiħ il-livelli tal-Bibbja, u parir b’qalb tajba jistaʼ jgħinhom ‘jiddrittaw il-mogħdijiet’ għal saqajhom.—Ebr. 12:13.
39 Jekk xi ħadd li ma jkunx mgħammed jagħmel il-ħażen u ma jindimx wara li żewġ anzjani jkunu ltaqgħu miegħu u jkunu pprovaw jgħinuh, ikun hemm bżonn li l-kongregazzjoni tiġi informata. Isir avviż qasir li jgħid: “[Isem l-individwu] m’għadux rikonoxxut bħala pubblikatur mhux mgħammed.” Il-kongregazzjoni mbagħad tqis lil dak li jkun bħala persuna tad-dinja. Għalkemm il-midneb ma jkunx maqtugħ mis-sħubija, il-Kristjani joqogħdu attenti rigward sħubija miegħu. (1 Kor. 15:33) Ebda rapport tas-servizz tal-għalqa ma jiġi aċċettat mingħandu.
40 Maż-żmien, individwu mhux mgħammed li tneħħa minn pubblikatur forsi jkun jixtieq jerġaʼ jsir pubblikatur. F’sitwazzjoni bħal din, żewġ anzjani jiltaqgħu miegħu u jaraw fejn ikun fil-progress spiritwali. Jekk jikkwalifika, isir avviż qasir li jgħid: “[Isem l-individwu] reġaʼ huwa rikonoxxut bħala pubblikatur mhux mgħammed.”
ĠEĦOVA JBIEREK IL-QIMA PAĊIFIKA U NADIFA
41 Kull min hu msieħeb mal-kongregazzjoni taʼ Alla llum jistaʼ jithenna bl-affarijiet spiritwali għonja li Ġeħova ta lill-poplu tiegħu. Il-mergħat spiritwali tagħna huma tabilħaqq abbundanti, u għandna abbundanza taʼ ilmijiet taʼ verità rifreskanti. Għandna wkoll il-ħarsien protettiv taʼ Ġeħova permezz tal-arranġament teokratiku tiegħu taħt l-istat taʼ kap taʼ Kristu. (Salm 23; Is. 32:1, 2) Il-fatt li qegħdin fil-ġenna spiritwali f’dawn l-aħħar jiem mimlijin inkwiet tana sens taʼ sigurtà.
Billi nżommu l-paċi u l-indafa tal-kongregazzjoni, aħna nkomplu nħallu d-dawl tagħna tal-verità tas-Saltna jiddi
42 Billi nżommu l-paċi u l-indafa tal-kongregazzjoni, aħna nkomplu nħallu d-dawl tagħna tal-verità tas-Saltna jiddi. (Mt. 5:16; Ġak. 3:18) Bil-barka t’Alla, se jkollna l-ferħ li naraw lil ħafna iktar nies isiru jafu lil Ġeħova u jaqdu magħna f’li nagħmlu r-rieda tiegħu.