Ittra mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna
Għeżież pubblikaturi sħabna tal-aħbar tajba:
Xi privileġġ mill-isbaħ għandna li aħna magħqudin fil-qima taʼ Ġeħova, l-uniku Alla veru! Aħna “ħaddiema sħab” miegħu, fdati bix-xogħol sagru u li jsalva l-ħajjiet tal-ippritkar u tat-tagħlim tal-aħbar tajba tas-Saltna stabbilita tiegħu. (1 Kor. 3:9; Mt. 28:19, 20) Biex inwettqu dan ix-xogħol madwar id-dinja fil-paċi u l-unità, hemm bżonn li nkunu organizzati tajjeb.—1 Kor. 14:40.
Dan il-ktieb se jgħinek tifhem kif taħdem il-kongregazzjoni Kristjana llum. Jiddiskuti l-privileġġi u r-responsabbiltajiet li għandek bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Jekk tapprezza l-privileġġi tiegħek u twettaq ir-responsabbiltajiet tiegħek, int se ‘tissoda fil-fidi.’—Atti 16:4, 5; Gal. 6:5.
Għalhekk, ninkuraġġuk tistudja dan il-ktieb bir-reqqa. Sib modi kif tistaʼ tapplika l-informazzjoni f’ħajtek. Pereżempju, jekk reċentement sirt pubblikatur mhux mgħammed, x’passi għandek tieħu biex titgħammed bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova? Mill-banda l-oħra, jekk int mgħammed, x’tistaʼ tagħmel biex tikber spiritwalment u tespandi s-servizz tiegħek lil Ġeħova? (1 Tim. 4:15) Kif tistaʼ żżid mal-paċi tal-kongregazzjoni? (2 Kor. 13:11) Fittex it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet f’dan il-ktieb.
Jekk int ħu mgħammed, x’tistaʼ tagħmel biex tikkwalifika biex taqdi bħala qaddej ministerjali u iktar tard bħala anzjan? Hekk kif eluf ġodda jkomplu jingħaqdu mal-organizzazzjoni t’Alla, hemm bżonn urġenti taʼ aħwa rġiel kwalifikati biex jieħdu t-tmexxija. Dan il-ktieb se jgħinek tara x’inhu involut f’li ‘tirsisti’ għal dawn il-miri spiritwali.—1 Tim. 3:1.
Bil-ħeġġa nitolbu li dan il-ktieb se jgħinek tara l-post tiegħek fl-arranġament taʼ Ġeħova u li tgħożżu. Inħobbukom ħafna kollha kemm intom u nkomplu nitolbu li tkunu fost dawk li se jifirħu għal dejjem f’li jqimu lil Missierna tas-sema, Ġeħova.—Salm 37:10, 11; Is. 65:21-25.
Ħutkom,
Il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova